Dikjarazzjoni tal-Isqof Grech
Stqarrija għall-Midja

English Version

Kuntrarjament għal dak li f’dawn l-aħħar jiem uħud mill-midja irrapportaw li qal l-Isqof Mario Grech dwar il-persuni omosesswali, b’rispett lejn is-sewwa u lejn l-istess persuni li għandhom dan l-orjentament, l-Isqof Grech jikkomunika li fl-omelija li għaliha saret referenza, huwa qal biss: “il-fatt li l-Knisja tagħna ma tibqax waħda tal-massa imma ssir minoranza, ma għandux itaqqal il-qalb. Billi ftit melħ huwa biżżejjed biex jagħti t-togħma, huwa importanti li l-melħ ma jkunx maqtugħ! Min ma jaċċettax it-tagħlim ta’ Kristu, ikun koerenti miegħu nnifsu jekk jiskomunika lilu nnifsu mill-Knisja.”

F’din l-omelija l-Isqof Grech ma semma ebda kategorija ta’ persuni; hu qatt ma semma l-persuni omosesswali, u inqas u inqas li l-omosesswali għandhom jitilqu mill-Knisja.

L-orjentament sesswali fih innifsu qatt ma hu diżordni morali; huwa l-użu ħażin ta’ dan l-orjentament li jmur kontra l-ordni morali.

Min jaf x’inhi l-Knisja, jaf li hi qaddisa u fl-istess ħin fi ħtieġa kontinwa ta’ purifikazzjoni. Fi ħdanha hemm il-midinbin li, għax jixtiequ jiskopru l-imħabba vera, jiftħu qalbhom għall-Kelma ta’ Kristu u kuljum jitolbu l-ħniena ta’ Alla.

Għalhekk, min huwa lest li jilqa’ l-Bxara t-Tajba, iżomm lil Kristu bħala Feddej tiegħu u huwa miftuħ għall-konverżjoni, u qatt mhuwa eskluż mill-Knisja, anke jekk id-dgħufija tiegħu, tkun xi tkun l-għamla tagħha, tagħmel dan il-proċess twil u diffiċli.

Dan jgħodd ukoll għall-persuni b’orjentament omosesswali. Lilhom ukoll għandna nilqgħuhom b’rispett, imħabba u delikatezza. Huma msejħa biex jagħmlu r-rieda t’Alla f’ħajjithom; jekk huma Nsara, għandhom jgħaqqdu d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom minħabba l-qagħda tagħhom mas-salib glorjuż ta’ Kristu.