IL FAMILJA NISRANIJA
ATTRIĊI FIT-TIĠDID TAS-SOĊJETÀ
Siltiet mid-diskors ta’ Mons. Isqof Mario Grech
Laqgħa Ġenerali Gruppi Familji Nsara
Tal-Virtu, Rabat, Malta

Il-bieraħ filgħaxija (is-Sibt 31.01.09), l-Isqof t’Għawdex Mario Grech kellem lil għadd sabiħ ta’ koppji membri fi ħdan il-Gruppi Familji Nsara (GRUFAN) fil-laqgħa ġenerali tagħhom li saret fis-Seminarju tal Virtù, ir-Rabat, Malta. Mons Isqof qal:

It-tiġdid tas-soċjetà jiddependi ħafna mit-tiġdid taż-żwieġ u tal-familja; imma ż-żwieġ u l-familja jiġġeddu jekk il-bniedem jiskopri l-verità kollha tal-proġett t’Alla għalih. Għalhekk, il-familja Nsranija għandha sehem importanti fl-evanġlizzazjoni l-ġida li l-Knisja f’pajjiża hemm bżnn li twettaq.

Illum il-familja Maltija għaddejja minn tensjonijiet qawwija: jekk minn naħa hija esposta għall-proċess ta’ sekularizzazzjoni, fl-istess waqt hemm għatx għas-sagru; jekk teżisti konfużjoni dwar dawk li huma mudelli ta’ ħajja miżżewġa u tal-familja, hemm ukoll xewqa li wieħed isib mudell sod ta’ kif jgħix l-esperjenza tal-imħabba. Għax jgħożżu l-ħajja, dawk li għandhom problemi ta’ infertilità jixtiequ gwida etikament tajba kif jaffrontaw din id-dilemma. Min iż-żwieġ tiegħu falla, jixtieq dawl u għajnuna biex ħajtu ma tibqax vojta. Il-familja li għandha piżijiet finanzjarji, tixtieq issib rimedju biex tevita li minħabba x-xogħol tissagrifika l-kwalità tar-relazzjoni fiż-żwieġ.

Din ir-realtà għandha tiġi “evanġelizzata”, fis-sens li fid-dawl tal-Evanġelju li “huwa l-qawwa t’Alla għas-salvazzjoni ta’ dawk li jemmnu” (Rum 1,16), il-familja ssir forġa ta’ valuri u virtujiet, skola ta’ umanizzazzjoni u knisja tad-dar. Il-proposta tal-Evanġelju hi urġenti meta wieħed iqis li fis-soċjetà qed jilħqu “duttrini” oħra li jippropagaw għerf miftum minn Alla jew huma motivati mil-ligi tal-profitti, bhalma huwa n-negozju tal-kontraċettivi.

F’din l-evanġelizzazzjoni l-ġdida l-familja trid tkun is-suġġett li jxandar l-evanġelju favur il-ħajja li hija don t’Alla; l-evanġelju tal-ġisem uman li jikxef kemm l-etika sesswali Nisranija fiha messaġġ pożittiv; l-evanġelju tal-komunjoni kontra l-kruha tal-abbandun u l-iżolament; l-evanġelju tas-salib glorjuż li juri l-valur tas-sagrifiċċju fil-ħajja.

Il-familja twettaq din il-missjoni ta’ evanġelizzazzjoni billi tiskopri d-diversità ta’ ministeri ekkleżjali li hija tista’ twettaq f’oqsma partikulari, bħalma huma fl-iskejjel u oqsma edukattivi oħra, mal-għarajjes, ma’ familji oħra, u ma’ koppji irregolari.