Archive for June, 2008

Ftuħ tas-Sena Pawlina fi Djoċesi ta’ Għawdex

Poster Ftuh tas Sena Pawlina

Ftuħ tas-Sena Pawlina ġewwa d-Djoċesi ta’ Għawdex nhar is-Sibt 28 ta’ Ġunju 2008 ġewwa l-Bażilika ta’ San Pietru u San Pawl, Nadur fis 18:30. Agħfas fuq il-poster għal aktar dettalji.

Tifkira tal-125 Sena mis-Sejħa tal-Madonna ta’ Pinu lil Karmni Grima
Pontifikal immexxi mill-ET Mons Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

Tifkira tal-125 Sena mis-Sejħa tal-Madonna ta’ Pinu lil Karmni Grima
Pellegrinaġġ immexxi mill-ET Mons Arċisqof Pawl Cremona, OP u mill-ET Mons Isqof Mario Grech

Tifkira tal-125 Sena mis-Sejħa tal-Madonna ta’ Pinu lil Karmni Grima
Pontifikal mmexxi mill-ET Mons Pawl Cremona, OP Arċisqof ta’ Malta

PROGRAMM DJOĊESAN GĦAS-SENA PAWLINA 2008-2009
Djoċesi ta’ Għawdex

Programm Djoċesan Għas-Sena Pawlina - PDF Format

 

mario_grech_arm.jpg

sena-pawlina-logosmall.jpg

 

DJOĊESI TA’ GĦAWDEX

 

 

 

PROGRAMM GĦAS-SENA PAWLINA

 

2008-2009

A. Tema Prinċipali u Għanijiet

“Jiena hu li, bl-Evanġelju, nissiltkom fi Kristu Ġesù. Bil-qawwa kollha nitlobkom: ixbħu lili.” (1 Kor 4,15-16)

L-għażla ta’ din it-tema għas-Sena Pawlina għandha l-għan li:

1. tkun ta’ ispirazzjoni għall-attivitajiet u l-orjentamenti pastorali proposti għas-Sena Pawlina, billi:

a. tippreżenta l-figura ta’ l-Appostlu tal-Ġnus lill-Poplu t’Alla f’din il-gżira bħala mudell ta’ dixxiplu li lkoll imsejħa nimitaw, hu li spiss kien jitlob lil uliedu biex jimitawh kif hu imita lil Kristu (1 Kor 11,1) għax kien iġorr il-marki tiegħu (Gal 6,17) u kien sar ħaġa waħda ma’ Kristu (Gal 2,20);

b. tgħin lill-Poplu ta’ Alla jsir aktar midħla tal-kitbiet ta’ l-Appostlu – li jiffurmaw kważi nofs il-kitbiet tat-Testment il-Ġdid: għal dan il-għan, fil-familji kollha se titqassam pubblikazzjoni bl-ewwel Ittra lill-Korintin, li għandha sservi wkoll bħala t-test prinċipali għall-katekeżi li titwettaq fid-Djoċesi;

c. tipproponi Knisja li xxandar il-Kelma (fil-Liturġija, fil-gruppi ta’ formazzjoni nisranija) u li tevanġelizza (fil-familji, fid-dinja tax-xogħol, fid-dinja tal-kultura; u fl-istess waqt Knisja li dejjem aktar toqgħod tisma’ l-Kelma (komunita’ nisanija li tifforma lilha nfishom fl-iskola tal-Vanġelu);

2. tkompli twettaq u tibni fuq il-Pjan Pastorali Djoċesan għas-sena 2007-2008, li kellu bħala tema prinċipali: “Kunu ħbieb ta’ l-Evanġelju”, u fl-istess waqt turi l-linji gwida ta’ l-azzjoni pastorali tal-Knisja f’Għawdex għas-snin li ġejjin, jiġifieri li:

a. fil-komunitajiet insara jkun hemm aktar proposti ta’ mixja ta’ fidi mibnija fuq il-Kelma ta’ Alla (bħal-Lectio Divina) – kif talbu l-isqfijiet fil-Pastorali tar-Randan 2008 u fil-Pastorali tas-Sena Pawlina;

b. il-Knisja f’Għawdex tieħu ħsieb tifforma lajċi nsara fil-fidi (permezz tal-katekeżi u ta’ korsijiet teoloġiċi) biex ikunu jistgħu jaqdu fil-Knisja u fis-soċjetà permezz tal-ministeri u tal-kariżmi proprji tal-lajċi nsara.

B. Ċelebrazzjonijiet Prinċipali

1. Is-Sibt 28 ta’ Ġunju 2008: Ftuħ tas-Sena Pawlina

a. Tema: “Ixbħu lili, bħalma jien nixbaħ lil Kristu.” (1 Kor 11,1)
b. Attività: Ftuħ tal-“Bieb Pawlin”; translazzjoni tar-Relikwiji tal-qaddisin; ċelebrazzjoni ta’ l-Ewwel Għasar tas-Solennità ta’ San Pietru u San Pawl; messaġġ ta’ l-Isqof; Digriet ta’ l-Indulġenza Plenarja, l-Għoti tad-Dawl tal-Fidi lill-Komunitajiet Parrokkjali; Stqarrija tal-fidi; Barka Ewkaristika.
c. Post: Knisja Parrokkjali, Nadur (iddedikata lill-Appostli Pietru u Pawlu)
d. Ħin: 18:30


2. L-Erbgħa 20 ta’ Awissu 2008: Pellegrinaġġ f’Malta

a. Tema: “Il-fidi, mela, tiġi mis-smigħ, u s-smigħ mix-xandir tal-kelma ta’ Kristu.” (Rum 10,17)
b. Attività: Pellegrinaġġ u ċlebrazzjoni ta’ l-Ewkaristija presjeduta mill-Isqof.
c. Post: Gżejjer ta’ San Pawl
d. Ħin: Wara nofsinhar

3. 12-19 ta’ Ottubru 2008: Ġimgħa Missjunarja (fl-okkażjoni tal-Jum Dinji ta’ Talb għall-Missjonijiet)

a. Tema: “Alla s-Salvatur tagħna jrid li l-bnedmin kollha jsalvaw u jaslu biex jagħrfu l-verità.” (1 Tim 2,3-4)
b. Attività: animazzjoni missjunarji fil-parroċċi u fl-iskejjel, permezz ta’ talb għall-missjunarji tagħna u għall-missjoni; Wirja Missjunarja fis-Santwarju ta’ Pinu (mtellgħa mill-Grupp Missjunarju Għawdxi).

4. Il-Ħadd 23 ta’ Novembru 2008: Festa di Kristu Re

a. Tema: “Għandkom tiġġeddu b’tibdila spiritwali tal-fehma tagħkom u tilbsu l-bniedem il-ġdid, maħluq skond Alla, fil-ġustizzja u l-qdusija tassew.” (Ef 4,23-24)
b. Attività: Ċelebrazzjoni ta’ fidi bil-parteċipazzjoni ta’ l-Għaqdiet u l-Movimenti ekkleżjali.
c. Post: Kumpless Sportiv ta’ Għawdex
d. Ħin: 15:30

5. It-Tnejn 9 ta’ Frar 2009: għall-Familja

a. Tema: “Ifirħu dejjem fil-Mulej; nerġa’ ngħidilkom, ifirħu. Il-ħlewwa tagħkom, ħa jkunu jafuha l-bnedmin kollha. Il-Mulej qorob.” (Filip 4,4-5)
b. Attività: Il-komunità nisranija xxandar l-ferħ tagħha għax hi kisbet is-salvazzjoni u Kristu jinsab fostha: festa tal-familja u għall-familji.
c. Post: Kumpless Sportiv ta’ Għawdex
d. Ħin: 18:30

6. It-Tlieta 10 ta’ Frar 2009: Solennità tan-Nawfraġju ta’ San Pawl
a. Tema: “Meta ħlisna mill-għarqa, sirna nafu li l-gżira kien jisimha Malta.” (Atti 28,1)
b. Attività: Ċelebrazzjoni solenni ta’ l-Ewkaristija presjeduta mill-Isqof, u stqarrija tal-Fidi.
c. Post: Knisja Parrokkjali, Munxar (iddedikata lin-Nawfraġju ta’ San Pawl)
d. Ħin: 18:00

7. Il-Ġimgħa 27 ta’ Frar 2009: Pellegrinaġġ Penitenzjali tar-Randan

a. Tema: “Uliedi, għal darb’oħra qiegħed inħoss l-uġigħ tal-ħlas sakemm Kristu jissawwar fikom.” (Gal 4,19)
b. Attività: Pellegrinaġġ penitenzjali, qrar, ċelebrazzjoni tal-quddiesa, u mandat lill-predikaturi ta’ l-eżerċizzi tar-Randan.
c. Post: Knisja Parrokkjali, Xewkija
d. Ħin: 18:00

8. Il-Ħadd 5 ta’ April 2009: Via Crucis

a. Tema: “Ma ppretendejtx li kont naf xi ħaġa fostkom, ħlief lil Ġesù Kristu, u ‘l dan imsallab.” (1 Kor 2,2)
b. Attività: Via Sagra Djoċesana mmexxija mill-Isqof bis-sehem tal-komunitajiet parrokkjali.
c. Post: Għolja t’Għammar, Santwarju ta’ Pinu
d. Ħin: 18:30

9. Sibt 30 ta’ Mejju 2009: Vġili ta’ Għid il-Ħamsin

a. Tema: “Intom tidhru li intom l-ittra ta’ Kristu fdata f’idejna, miktuba mhux bil-linka, imma bl-Ispirtu ta’ Alla l-ħaj; mhux fuq it-twavel tal-ġebel, iżda fuq it-twavel tal-laħam ta’ qalbkom.” (2 Kor 3,3)
b. Attività: Ċelebrazzjoni tal-Velja ta’ Pentekoste presjeduta mill-Isqof.
c. Post: Knisja Parrokkjali, Xagħra
d. Ħin: 20:00

10. It-Tnejn 29 ta’ Ġunju 2009: Għeluq tas-Sena Pawlina

a. Tema: “Meta ġejna biex nitilqu, għabbew fuq il-ġifen kull ma konna neħtieġu.” (Atti 28,10)
b. Attività: Ċelebrazzjoni solenni ta’ l-għeluq tas-Sena Pawlina presjeduta minn Legat tal-Papa, bis-sehem ta’ l-isqfijiet u l-poplu ta’ Malta u Għawdex.
c. Post: Fosos tal-Furjana, Malta
d. Ħin: 19:00

C. Inizjattiva Ċentrali għas-Sena Pawlina

1. Proposta: Missjoni Djoċesana

Fuq l-eżempju ta’ l-Appostlu Missierna San Pawl li wasslilna l-fidi, il-Knisja f’Għawdex se tibgħat missjunarji lajċi biex iwasslu l-Aħbar it-Tajba tal-Vanġelu fil-Familji kollha ta’ Għawdex.

2. Skop tal-Missjoni

a. Skop aħħari
• Biex l-insara jagħrfu li huma wlied Alla l-Missier u wlied il-Knisja omm (aspett konjittiv),
• Biex huma jħossuhom maħbubin mill-Missier u appartenenti għall-komunità li temmen (aspett konativ-affettiv).
• Biex l-abitanti tal-gżira Għawdxija jġeddu l-għażla tagħhom li jgħixu s-sagrament tal-Magħmudija u jimxu wara Ġesù l-uniku ħellies tal-bnedmin, fil-Knisja tiegħu (aspett komportamentali).

b. Skop intermedju
• Biex lil dawk kollha li jgħammru fil-gżira ta’ Għawdex terġa’ tixxandar l-Aħbar it-Tajba ta’ Ġesù Kristu li wasslilna Pawlu.
• Biex dawk li jisimgħu l-aħbar it-tajba jagħrfu s-sbuħija u t-tjubija tagħha, jitqanqlu u jinġibdu aktar lejn Ġesù, ħaj u preżenti fil-Knisja tiegħu.
• Biex jagħżlu li jgħixu l-fidi tagħhom permezz tas-smigħ tal-kelma ta’ Alla, iċ-ċelebrazzjoni ta’ l-Ewkaristija u x-xhieda tal-karità.

c. Skop immedjat
• Biex l-insara tal-gżira, fil-parti l-kbira tagħhom, ikollhom l-opportunità li jisimgħu l-Ahbar it-Tajba f’darhom u fil-familja tagħhom stess.
• Biex l-insara jagħmlu esperjenza ta’ laqgħa sabiħa ma’ hbieb ta’ Ġesù Kristu li jistgħu jkunu għalihom ta’ xhieda.
• Biex l-insara ta’ Għawdex jerġgħu jagħżlu b’konsapevolezza u rieda li jkomplu l-formazzjoni nisranija tagħhom u li jieħdu sehem aktar attiv fiċ-ċelebrazzjoni ta’ l-Ewkaristija.

3. Fażijiet tal-Missjoni:

a. Żmien ta’ Preparazzjoni: Ġunju – Settembru 2008
b. Żmien ta’ Smigħ u Formazzjoni: Ottubru – Diċembru 2008 (1 t’Ottubru – 5 ta’ Diċembru)
c. Żmien ta’ Missjoni u Tħabbira: Jannar 2009 (06 ta’ Jannar – 25 ta’ Jannar):
d. Żmien ta’ Konverżjoni u Ċelebrazzjoni: Frar – Marzu 2009 (Ras-ir Randan – Għid il-Kbir):
e. Żmien ta’ Ringrazzjament u Proposti: April – Mejju 2009 (żmien il-Għid):

D. Inizjattivi Pastorali fid-Djoċesi u fil-komunitajiet parrokkjali

1. Katekeżi u Formazzjoni

a. F’kull familja se titqassam kopja ta’ l-ewwel ittra lill-Korintin. Din għandha sservi bħala bażi għall-katekeżi li ssir fil-parroċċi u fil-predikazzjoni (ta’ l-Eżerċizzi tar-Randan).

b. Darba fix-xahar f’kull familja se jitqassam fuljett b’katekeżi fuq it-teoloġija ta’ San Pawl.

c. Żgħażagħ:
i. Katekeżi kull nhar ta’ Sibt matul iż-żminijiet ta’ l-Avvent u tar-Randan.
ii. Laqgħat ta’ darba fix-xahar fil-kappella ta’ l-Università għaż-żgħażagħ li jaħdmu u jistudjaw f’Malta.

d. Saċerdoti:
i. Is-saċerdoti jingħataw itinerarju ta’ lectio divina meħuda mill-ittri ta’ San Pawl għall-meditazzjoni u t-talb personali ta’ kuljum (imħejjija mill-Bażilika ta’ San Paolo fuor le mura).
ii. Laqgħat ta’ formazzjoni spiritwali u teoloġika, flimkien ma’ l-irtiri spiritwali, mibnija fuq l-ispiritwalità pawlina.

e. Gruppi e Movimenti ekkleżjali: (fejn possibbli) il-mixja ta’ riflessjoni u talb fi ħdan l-Għaqdiet u l-Movimenti ekkleżjali jkunu marbuta ma’ l-ittri pawlini.

f. Skola ta’ Formazzjoni għall-Ministeri: il-parti fundamentali biblika tal-korsijiet ta’ formazzjoni li jingħataw il-lajċi li jkunu qed jiġu mħejjija għal xi ministeru tkun dwar l-ittri ta’ San Pawl (per eżempju: il-formazzjoni tal-missjunarji lajċi li se jintbagħtu fil-familji waqt il-Missjoni Djoċesana).

g. Irtiri Spiritwali: possibiltà li d-djoċesi tgħin fl-organizzazzjoni ta’ rtiri għal pellegrini li jżuru lil pajjiżna bħala parti minn pellegrinaġġ fuq il-passi ta’ San Pawl.

2. Evanġelizzazzjoni:

a. Missjoni Djoċesana.

b. Eżerċizzi tar-Randan.

c. Apostolat fil-ħwienet tax-xorb fi żmien ir-Randan.

3. Liturġija:

a. Barka Ewkarsitika qabel il-quddiesa: proposta biex tinqara silta mill-ittri ta’ San Pawl.

b. Adorazzjoni ta’ nhar ta’ Ħamis: issir il-proposta biex min imexxi l-adorazzjoni ta’ nhar ta’ Ħamis (li ssir f’ħafna parroċċi u knejjes) jagħmel riflessjonijiet mibnijin fuq l-ittri ta’ San Pawl.

c. Isiru proposti ta’ ċelebrazzjonijiet liturġiċi fis-sussidji teoloġiko-pastorali li jitħejjew għall-Avvent u għar-Randan.

4. Ekumeniżmu:

a. Laqgħat ekumeniċi ta’ talb:
i. fl-okkażjoni tal-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara (organizzata mil-Leġjun ta’ Marija);
ii. Gozo International Celebrations: tliet mumenti ċelebrattivi organizzati mill-parroċċa tal-Qala li għalihom jiġu mistiedna r-residenti barranin f’Għawdex.

5. Karità:

a. Immigrazzjoni: aktar awareness tat-traġedja ta’ l-immigrazzjoni klandestina u ta’ l-istat tar-refuġjati fid-dinja u f’pajjiżna permezz ta’ laqgħat formattivi fil-parroċċi.

b. Akkoljenza: id-djoċesi u l-parroċċi joffru disponibilità li jospitaw pellegrini li jkunu jżuru postijiet pawlini f’pajjiżna.

c. Ġesti di solidarjetà: matul is-sena pastorali, il-komunitajiet parrokkjali jiġu mistiedna jwettqu ġesti konkreti ta’ solidarjetà.

6. Skola:

a. Il-ħidma tal-kappillani fl-iskejjel primarji u tar-Religious Counsellors fl-iskejjel sekondarji u post-sekondarji trid tgħin biex l-istudenti jiltaqgħu mal-figura u mal-messaġġ ta’ San Pawl.

7. Midja:

a. Bullettin tal-Ħadd: matul is-Sena Pawlina, fil-parti ta’ wara tal-Bullettin tingħata informazzjoni dwar il-ħajja u l-ittri ta’ San Pawl.

b. Rivista Djoċesana “Il-Ħajja f’Għawdex”: serje ta’ artikli fuq San Pawl u l-ittri tiegħu.

c. Pubblikazzjonijiet “Lumen Christi”: id-dar tal-pubblikazzjonijiet djoċesana tippubblika kotba dwar San Pawl.

d. Internet: il-websajt tal-Kurja Djoċesana tinforma regolarment dwar l-attivitajiet li jkunu jsiru u tpoġġi on-line materjal informattiv dwar San Pawl.

e. Radjijiet tal-Komunità: isiru programmi għas-semmiegħa fuq it-tagħlim ta’ San Pawl.

f. Notice boards tal-knejjes: jitwaħħlu posters b’messaġġi dwar San Pawl.

8. Kultura:

a. Pellegrinaġġ nazzjonali mmexxi mill-Isqof Mario Grech (ara programm ta’ l-Arċidjoċesi ta’ Malta).

b. Wirjiet ta’ pittura/skultura marbuta ma’ San Pawl.

c. Musical fuq il-ħajja ta’ San Pawl.

Ftuħ tas-Sena Pawlina fi Djoċesi ta’ Għawdex - 28 ta’ Ġunju 2008

Ordinazzjoni ta’ tliet Djakni ġodda - 27 ta’ Ġunju 2008

L-Isqof Mario Grech jirrappreżenta lill-isqfijiet Maltin fl-Assemblea Ġenerali tal-Konferenza Episkopali Taljana

L-Isqof Mario Grech irrappreżenta lill-isqfijiet Maltin fl-Assemblea Ġenerali tal-Konferenza Episkopali Taljana li saret fil-Vatikan bejn is-26 u 30 ta’ Mejju. It-tema prinċipali trattata mill-Isqfijiet kienet: “Iż-żgħażagħ u l-Evanġelju”.  Matul dawn il-jiem, l-isqfijiet stħarrġu liema proġetti ta’ evanġelizzazzjoni u edukazzjoni jistgħu jiġu proposti liż-żgħażagħ illum. L-isqfijiet ħadu sehem ukoll f’diversi workshops li trattaw aspetti diversi tal-ħajja taż-żgħażagħ: l-affettività, ix-xogħol u l-mistrieħ, id-dgħjufija, it-tradizzjoni u l-impenn soċjali taż-żgħażagħ.

Continue reading >>