INĦARSU LEJN MIN NIFDU

Ħsieb ta’ l-omelija ta’ l-Isqof Grech waqt il-liturġija tal-Ġimgħa l-Kbira li saret fil-Katidral t’Għawdex, illum 21 ta’ Marzu 2008, fl-4.00 p.m.

INĦARSU LEJN MIN NIFDU

“Għalkemm Kristu Msallab illum huwa ċ-ċentru ta’ ħafna attivitajiet fis-soċjetà, mhux kulħadd jagħraf jitfa’ l-ħarsa tiegħu fuqu. Hemm dawk li minħabba l-ġibda ta’ l-għajnejn lejn dak li huwa tad-dinja tibqa’ ma toffrilhomx sodisfazzjon, jibqgħu marbuta ma’ dak li jgħaddi. Hemm dawk li meta jilmħu l-Imsallab jitfixlu għax ma jifhmux kif Kristu, l-Iben t’Alla, bata u miet għall-bnedmin. Oħrajn jistħu jerfgħu għajnejhom lejn il-Kurċifiss għax bid-dnub tagħhom għandhom sehem fil-martirju tiegħu. Kif fuq is-salib Kristu kien imneżża’ mid-dinjità umana tiegħu, l-istess iseħħ illum meta d-dinjità tal-persuna tiġi micħuda u feruta lit-tarbija li tiġi soppressa qabel it-twelid, meta persuna tkun abbużata, meta l-barrani jiġi emarġinat, meta l-marid jew l-anzjan jiġi abbandunat. Għalhekk, illum l-Ġimgha l-Kbira l-Knisja ssejjaħ lill-bnedmin “iħarsu lejn min nifdu” ħalli mill-kustat imċarrat nilmħu l-profondità tal-qalb t’Alla tfawwar bl-imħabba għal kulħadd. Kif Mosè għamel serp tal-bronż u min kien iħares lejh kien ifiq, hekk minn iħares lejn Kristu fuq is-salib jikseb il-fejqan.