L-EWKARISTIJA TGĦALLIMNA NSIRU GĦOTJA TA’ MĦABBA
Quddiesa tat-Tifkira tal-Aħħar Ċena (Ħamis ix-Xirka filgħaxija)
Knisja Katidrali – Il-Ħamis, 20 ta’ Marzu 2008

L-EWKARISTIJA TGĦALLIMNA NSIRU GĦOTJA TA’ MĦABBA

Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech

Quddiesa tat-Tifkira tal-Aħħar Ċena (Ħamis ix-Xirka filgħaxija)

Knisja Katidrali – Il-Ħamis, 20 ta’ Marzu 2008

Il-Knisja tgħix bl-Ewkaristija

Iċ-ċelebrazzjoni tal-lejla għanda importanza fundamentali fil-ħajja tal-Knisja għal żewġ raġunijiet. L-ewwel nett għaliex m’hemmx Knisja mingħajr Ewkaristija. Il-Knisja tgħix bl-Ewkaristija, u aħna l-lejla qegħdin niċċelebraw u nfakkru meta Kristu f’dan il-lejl waqqaf l-Ewkaristija. Ir-raġuni l-oħra hija għaliex aħna għandna r-regola tad-deheb ta’ kif ngħixu l-vokazzjoni Nisranija tagħna.

Nistqarr magħkom li jippreokkupani l-fatt li l-poplu ta’ Alla għadu ma fehemx l-importanza ta’ din il-liturġija. Din hija l-unika quddiesa li tiġi ċċelebrata llum, bl-eċċezzjoni għal dik ta’ dalgħodu li ssir fil-Knisja Kattidrali. Ninkwieta bħala Isqof tagħkom meta nara parteċipazzjoni mhux daqstant kbira għal din il-liturġija. Bħal-lejla l-knejjes tagħna jmisshom ikunu mbullati bin-nies; u allura ma nistagħġibx jekk din ir-regola tad-deheb li jgħallimna dwarha Kristu l-lejla mhijiex imħarsa kif suppost, kemm minnha li qegħdin hawn u kemm minn dawk li m’humiex hawn.

Il-lejl tal-akbar għotja

Illejla hija l-lejla tal-għotja u tal-konsenja. Għandna lil Ġuda li b’bewsa jittradixxi lil Bin il-Bniedem u jagħtih f’idejn il-Lhud. Il-Lhud minn naħa tagħhom jikkonsenjaw lil Kristu f’idejn Pilatu, u dan minn naħa tiegħu jikkonsenja lil Kristu lis-suldati u jagħtihulhom biex isallbuh. Din l-għotja hija biss sinjal biex aħna nifhmu għotja wisq iktar profonda li l-Missier jagħti: l-għotja ta’ Ibnu lill-umanità. Illejla l-Missier jerġa’ jikkonsenja lill-umanità lill-Iben tiegħu li sar bniedem u għammar fostna biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem. Din l-għotja tal-Missier tkompli tirrivela għotja oħra: l-għotja li jagħmel Kristu tiegħu nnifsu.

Fil-Vanġelu ta’ San Ġwann Kristu jgħid ċar: “Ħajti ma jeħodhieli ħadd, nagħtiha jien minn rajha” (Ġw 10,18). Illejla Kristu jibda dan il-proċess tal-għotja tiegħu nnifsu li twasslu fuq is-salib biex jingħata b’mod definittiv lill-Missier għalina. Dak huwa li jseħħ fl-aħħar ċena meta Kristu jaqbad il-ħobż u jgħid: “Ħudu u kulu, dan huwa ġismi li jingħata għalikom”; u jaqbad il-kalċi u jgħid: “Ħudu u ixorbu, dan huwa demmi li jixxered għalikom”.

Huwa ukoll sinjal ta’ għotja li sseħħ meta, kif jirrakkontalna l-Vanġelu ta’ San Ġwann, Kristu jaħsel saqajn l-appostli. Dan huwa sinjal li jimmarka u jenfasizza din l-għotja ta’ Kristu. Mhijiex ħaġa taċ-ċajt din. Dak li ma kiex permess li jagħmlu l-Lhud kien jagħmlu l-iskjav u għamlu Kristu. L-Iben ta’ Alla jneħħi minn fuqu l-mantar, jilbes il-fardal u jaħsel riġlejn id-dixxipli tiegħu biex jgħidilhom: “sa hawn twassal l-imħabba ta’ Alla: billi ningħata għalikom”. Madankollu l-Ewkaristija u l-ħasil tar-riġlejn, li huma żewġ ġesti li ser nirrepetuhom aħna llejla, huma biss antiċipazzjoni ta’ dik l-għotja li Kristu jagħmel tiegħu nnifsu fuq is-salib.

Kristu ta lilu nnifsu għalina

Għeżież tiegħi, quddiem din l-esperjenza divina u umana, l-attitudni tagħna għanda tkun waħda ta’ adorazzjoni u ta’ stagħgib ta’ dixxipli li nħallu lill-Mulej bil-kliem u l-azzjoni tiegħu jgħallimna din ir-regola tad-deheb tal-ħajja Nisranija, tant illi San Pawl jasal biex jgħid: “Kristu jingħata għalija” (Gal 2,20). Jien nixtieq illi l-Knisja tagħna, kull wieħed u waħda minna llejla nġeddu dan l-att ta’ fidi: Kristu llum jingħata għalina biex dak li għamel huwa nagħmluh aħna wkoll, u biex il-ħajja tagħna tkun immarkata b’din l-għotja tagħna għal xulxin u għal Alla. Għalhekk San Pawl jirrabja mal-Knisja ta’ Korintu, meta jgħidilhom: “Intom tiċċelebraw l-Ewkaristija imma tagħrfux il-ġisem u d-demm tal-Mulej minn ikel u xorb ieħor”. Huwa jgħidilhom: “Għalfejn ma toqogħdux id-dar jekk intom bil-ġuħ, u tieklu hemm u tiskru hemm! Tersqux lejn l-altar ħalli tirċievu lil dak li jingħata għalikom jekk imbagħad fostkom m’hemmx imħabba u jekk fostkom hemm il-firdiet.” Fil-Knisja ta’ Korintu kien hemm il-firdiet, u fil-prattika tal-“Agape” kien hemm l-għażla bejn min għandu u min m’għandux, bejn is-sinjur u l-fqir (ara 1 Kor 11,17-22).

Anke llum fil-komunità Nisranija m’hemmx għaqda, u anke llum hemm l-għażla mhux biss bejn is-sinjur u l-fqir, imma hemm ħwejjeġ oħra li jagħżluna minn xulxin ul i jtellfuna li aħna lkoll li nieklu l-istess ħobż u nixorbu l-istess kalċi nkunu ġisem wieħed.

L-għotja tagħna nfusna lil Alla

Għalhekk illejla ejjew inħallu din il-lezzjoni daqstant profonda u li mhix ħafifa tinżel fil-fond ta’ qalbna. Jien ma nistgħaġibx jekk illejla jkun hawn min fostna bħal Pietru lil Kristu jgħidlu: “Jien ma naċċettax li inti tingħata għaliha u taħsilli riġlejja” (ara Ġw 13,8). Din mhix lezzjoni li faċli nniżluha u li nittraduċuha fil-ħajja. Fl-aħħar mill-aħħar l-istess Ewkaristija li aħna nitmantnew biha hija ikel għar-ruħ biex aħna jirnexxielna almenu nixtiequ li jkun hemm dik l-għotja tagħna lil Alla. Kieku kelli nistaqsi lilkom Persuni Kkonsagrati, lilkom miżżewġin Insara, lilkom l-imgħammdin, u jien nistaqsi lili nnifsi flimkien magħkom: Alla ta lilu nnifsu għalina; imma aħna wasalna li nitgħallmu din il-lezzjoni mpoġġiha fil-prattika, jiġifieri li aħna ningħataw lil Alla?

U kif ningħata lil Alla? Billi ma nagħmilx dak li rrid jien imma li nagħmel dak li jrid minni Alla, f’sottomissjoni u ubbidjenza għar-rieda ta’ Alla kif jgħallimna Kristu permezz tal-Knisja. Dan iseħħ fina meta nagħrfu ngħixu l-kmandament tal-imħabba, kif jgħidilna Kristu nnifsu: “M’hemmx imħabba akbar minn din, li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu” (Ġw 15,13). Ejjew nagħmlu eżami tal-kuxjenza u naraw x’tip ta’ mħabba qegħdin ngħixu fiż-żwieġ, fis-soċjetà tagħna u fil-komunitajiet tagħna, u dwar jekk aħniex inżommu l-imħabba li ħallielna Kristu bħala l-kejl ta’ ħajjitna.

Għeżież tiegħi, illejla qegħdin nagħtu bidu għal dak li nsejħulu t-Tridu Paskwali. Il-liturġija hija ta’ għajnuna kbira għalina lkoll biex nidħlu f’din l-attitudni meditattiva u kontemplattiva. Għalhekk, filwaqt li nkomplu din l-Ewkaristija u naduraw lil Kristu preżenti fostna li jaħslilna mhux biss riġlejna imma jaħsilna kollna kemm aħna bil-qawwa tal-kelma tiegħu, ejjew nittamaw illi din il-lezzjoni mhux biss ngħixuha aħna imma tqanqal, tattira u tiġbed lill-poplu kollu kemm hu biex hekk f’dawn il-jiem miġbura flimkien ngħixu l-misteru tal-Għid tal-Mulej li ngħata għalina.