Archive for the '2009' Category

XANDARA TAD-DINJITÀ U TAL-VERITÀ TAL-IMĦABBA UMANA
Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Acies tal-Leġjun ta’ Marija
Parroċċa Xewkija, il-Ħadd, 29 ta’ Marzu 2009

It-talba li tagħmel il-Knisja llum fil-bidu tal-quddiesa hija talba lil Alla l-Missier biex jgħallimna kif għandna nħobbu. Hija talba antika imma fl-istess ħin attwalissima: “Missier ħanin, għinna biex aħna nagħrfu ngħixu u nġibu ruħna b’dik il-karità li mbuttat lil Ibnek Ġesù biex jagħti ħajtu għalina”.

L-imħabba vera

Fiċ-ċirkustanzi li qegħin ngħixu fihom is-soċjetà tagħna teħtieġ lezzjoni dwar kif għandha tkun l-imħabba vera. Din il-lezzjoni neħtieġuha l-ewwel u qabel kollox aħna d-dixxipli ta’ Ġesù, aħna l-Leġjunarji ta’ Marija, imma teħtieġha wkoll is-soċjetà kollha kemm hi. Is-sigriet biex nistgħu negħlbu d-diffikultajiet li niltaqgħu magħhom fil-ħajja ordinarja tagħna huwa propjru li wieħed ikollu doża, anke żgħira, ta’ mħabba ġenwina. Anzi nistgħu ngħidu li dak li ħafna affarijiet aħna nagħmluhom b’mod żbaljat għax ngħidu li nħobbu – ċerti għemejjel u ċerti għażliet li fihom nfushom huma ħżiena jsiru bil-pretest tal-imħabba!

Continue reading >>

OFFIŻA LID-DEĊENZA PUBBLIKA
Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Knisja Katidrali, Victoria – l-Erbgħa 25 ta’ Frar 2009

Meta l-Erbgħa 25 ta’ Frar 2009 kien qed jmexxi l-funzjoni tat-tqiegħed tal-irmied fl-okkażjoni ta’ Ras ir-Randan fil-Katidral t’Għawdex, l-Isqof Mario Grech fl-omelija wassal dan il-messaġġ:

Abbużi fil-Karnival

Sfortunatament din is-sena f’ċerti mumenti l-Karnival f’Għawdex kien fih imġiba, atti u manifestazzjonijiet tant baxxi u offensivi li ferew l-“orgolju” tal-poplu Għawdxi.

Huwa tal-mistħija li xi persuni biex idaħħku ħarġu fit-toroq lebsin ta’ Kristu Rxoxt u oħrajn imitaw lil Kristu mdawwar bl-appostli.
Huwa tal-mistħija wkoll il-fatt li diversi, bl-aġir baxx tagħhom, kasbru bil-kbir id-dinjità tal-persuna umana.

Kienu evidenti ħafna dawk l-atti u rappreżentazzjonijiet li jmorru kontra kull sens ta’ “deċenza pubblika” – valur imħares b’ligijiet ċivili u normalment infurzat b’sentenzi tal-Qrati mhux biss f’pajjiżna imma wkoll f’ċivilitajiet progressivi fl-Ewropa u fl-Istati Uniti. Continue reading >>

ID-DJALOGU BEJN IL-FIDI U R-RAĠUNI
Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Parroċċa San Pawl Nawfragu, il-Belt Valletta - 10 ta’ Frar 2009

Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech waqt il-Pontifikal immexxi mill-Arċisqof Pawl Cremona O.P. fl-okkażjoni tas-Solennità ta’ San Pawl Nawfragu, iċċelebrata fis-Sena Pawlina

Parroċċa  San Pawl Nawfragu, il-Belt Valletta

It-Tlieta, 10 ta’ Frar 2009

Insellem lilek, ħija fl-episkopat, Eċċellenza Arċisqof ta’ Malta,
u nsellem lilkom, ħuti Maltin.

Kif huwa dmir tagħna, ser nipprova naqra fid-dawl tal-fidi r-realtà li qegħdin ngħixu.

Japplika ħafna għalina dak li San Pawl jgħid lil nies ta’ Korintu: “Għandkom ħafna għalliema, imma missier wieħed għandkom, għax jien nissiltkom fil-fidi permezz tal-Evanġelju!” (ara 1Kor 4,15)

Illum aktar ma l-membri tas-soċjetà, partikularment dawk li huma fit-tmexxija, qegħdin jipprofessaw it-twemmin liberali, aktar qed timmanifesta ruħha dik li l-ħassieb Marcello Pera dan l-aħħar sejjaħ “kriżi morali jew etiko-ċivili tal-Ewropa”. Fi kliem dan il-filosfu-politiku Taljan, teżisti tensjoni bejn il-kilba għal użu mingħajr ilġiem tal-libertà u l-konsegwenzi koroh li ġġib din l-imġieba, bejn l-arja li wieħed ikollu għax jaħseb li huwa sid tiegħu nnifsu u fl-istess waqt l-biża’ u l-insigurtà li jdallmu l-qalb tal-bniedem. Il-fatt li l-bniedem ma jafx x’għandu jagħmel, qed jipprovoka effett depressiv u sens ta’ diżorjentament mhux biss morali, imma wkoll politiku, soċjali u demografiku.
Continue reading >>

Ġurnalist provokatur tal-ħsieb
Messaġġ tal-Isqof Mario Grech f’quddiesa għall-ġurnalisti
Istitut Kattoliku, Floriana - 27 ta’ Jannar 2009

Għalkemm hemm min jippreferi jiddeskrivi l-epoka li qed ngħixu fiha bħala “żmien ta’ kriżi, nippreferi li nsejħilha bħala “epoka li għaddejja mill-uġiegħ tal-ħlas”.  Għax għalkemm ma nistgħux ma nirrikonoxux id-diversi forom ta’ tbatija u kontradizzjonijiet li l-bniedem u s-soċjetà qed iġarrbu llum, wieħed jittama li dawn huma l-esperjenzi li jwaswlu għal tnissil ta’ ġenerazzjoni ġdida li jkollha kwalità ta’ ħajja aħjar.

Quddiem il-problema tal-infertilità, hemm koppji li huma ħerqana li jilqgħu l-ħajja; fost dawk li sfortunatament kellhom falliment ta’ ħajja miżżewġa, hemm min għadu jemmen fiż-żwieġ, tant li jixtieq li jesplora jekk jistax ikollu possibiltà li jerġa’ jiżżewweġ; għalkemm illum is-sotentament u l-manteniment  tal-familja saru piż mhux żgħir, għandna ħafna li b’sagrifiċċju personali jaraw kif jistgħu jaqilgħu xi ħaga aktar biex idawru r-rota; affrontati b’diffikultajiet soċjali, qed nassistu għal staġun ġdid fid-dinja tat-tredjunaliżmu! Dawn l-eżempji u istanzi oħrajn mill-ħajja familjari u soċjali ta’ ġensna jixhdu li l-poplu tagħna għandu “voglia di vivere”, u bl-ebda mod ma jidher li b’xi mod ser inċedu għat-tentazzjoni li naqtgħu qalbna u ma nissiltux biex ngħixu ħajjitna fil-milja tagħha!

Continue reading >>