Archive for the '2000' Category

Ċirkulari 397/2000 (12 ta’ Diċembru 2000)


Ċirkulari 396/2000 (16 ta’ Ottubru 2000)

Nru. 396/2000

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Rev. Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

Nhar l-Erbgħa, 1 ta’ Novembru 2000, jkunu għaddew ħamsin sena, minn mindu l-Papa Piju XII, fil-Kostituzzjoni Apostolika Munificentissimus Deus ipproklama d-domma tal-Assunta, cioè li l-Imqaddsa Verġni Marija fi tmiem ta’ ħajjitha ġiet imtellgħa fis-sema bi-ruħ u bil-ġisem.

Kif naqraw fil-Lumen Gentium (n.68) tal-Konċilju Vatikan II “L-Omm ta’ Ġesu fis-sema, fejn hi diġà fil-glorja bir-ruħ u l-ġisem, hija l-bidu u x-xbieha tal-Knisja kif għad tkun ipperfezzjonata fiż-żmien li ġej, hekk ukoll hija fuq din l-art, sakemm jasal jum il-Mulej.”

Marija imtellgħa fis-sema hija “l-ikona” eskatoloġika tal-Knisja.  Hija x-xbieda u l-għelm ta’ dik il-glorja li għaliha huwa msejjaħ u mistieden biex isir kull wieħed mill-komunita’ ta’ dawk li jemmnu.

Bħala wlied devoti ta’ l-Imqaddsa Verġni Marija, nħossu li għandna nagħmlu xi ħaġa biex infakkru din ir-rikorrenza tal-ħamsin sena mid-definizzjoni tad-domma tal-Assunta.

Fil-ġranet ta’ qabel l ta’ Novembru, fil-parroċċi ser ikun hemm tridu ta’ tliet priedki jew omeliji, li fihom jingħata tifsir tad-dokument li bih il-Papa Piju XII ipproklama d-domma ta’ l-Assunta.

Nistieden wkoll lill-insara ta’ din id-Djoċesi sabiex fl-ewwel ġranet ta’ Novembru, iżuru għall-inqas wieħed mis-Santwarji ddedikati lill-Assunta li għandna fi għiritna u hemm jitolbu  għall-ħtiġijiet tal-Knisja u ta’ pajjiżna.  Jekk iżuru dawn is-Santwarji cioè il-Kattidral, iż-}ebbuġ u  ta’ Pinu, jgħidu l-Kredu u josservaw il-kondizzjonijiet l-oħra, jistgħu jirbħu wkoll l-indulġenza Plenarja tal-Ġublew.

Bl-interċessjoni tal-Verġni Marija imtellgħa s-sema  il-Mulej jimliekom bit-tama tal-qawma mill-imwiet u jgħatikom il-barka tiegħu.

                                Mogħtija mill-Kurja
Victoria-Għawdex
Illum,  16 ta’ Ottubru 2000

Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex

Ċirkulari 395/2000 (15 ta’ Settembru 2000)


Ċirkulari 394/2000 (30 t’Awissu 2000)

Nru. 394/2000

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Rev. Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

Fl-okkażjoni tal-festi ta’ Marija Bambina li ser jinżammu fil-Bażilika Kolleġġjata tax-Xagħra fl-ewwel ġranet ta’ Settembru, għandha tinġab għal darb’oħra minn Sirakuża, r-relikwija tad-dmugħ ta’ l-Imqaddsa Verġni Marija biex imbagħad tinġarr ukoll fil-purċissjoni mat-toroq tar-raħal.

Is-sentimenti li għandha tnissel f’qalbna d-dehra tar-relikwija  tad-dmugħ tal-Madonna taqbel ħafna maż-żminijiet tal-Ġublew li huma żminijiet ta’ riflessjoni u talb lil Alla biex iħollna minn dnubietna.

“Ħenjin intom li għalissa tibku, għax għad tithennew” qalilna Ġesù (Lq.6,21).  Il-Madonna kienet innoċenti, ma kellhiex dnubiet biex tibkihom u titlob maħfra tagħhom lil Alla, iżda aħna għandna ħafna ħtijiet u ma nistgħux nibqgħu indifferenti quddiem it-twissija li jagħmlilna l-Imgħallem tagħna “Indmu u emmnu fil-Bxara t-Tajba”(Mk.1,15).  Jeħtieġ li aħna wkoll nissieħbu mal-Madonna u nitolbu magħha biex minn għand Alla naqilgħu l-maħfra ta’ dnubiet ta’ l-umanita’.   Hija stess meta dehret fid-dinja, f’Lourdes u ġo Fatima, fakkritna fid-dmir tagħna li nitolbu u nagħmlu xi penitenza għall-konverżjoni  tal-midinbin.

Id-dmugħ tal-Madonna jġibilna quddiem għajnejna l-kelmiet ta’ l-Apokalissi (Ap.7,17ġ21,4) li fil-Ġenna, lil Qaddisin “Alla jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom.”  Din il-wegħda ssaħħaħ it-tama tagħna li wara ħajjitna f’din id-dinja Alla jagħtina l-premju ta’ dejjem.

Bl-interċessjoni tal-Verġni Marija il-Mulej isawwab fuqkom il-grazzji u l-barkiet tiegħu.

                                Mogħtija mill-Kurja
Victoria-Għawdex
Illum, 30 t’Awissu 2000

Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex

Ċirkulari 393/2000 (25 t’Awissu 2000)

Nru. 393/2000

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Rev. Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

Nhar il-Ħadd, 3 ta’ Settembru, ser jiġu dikjarati xi beati ġodda u fosthom il-Papa Piju IX. Għalina l-Għawdxin din hija ġrajja ta’ ferħ partikolari għaliex kien il-Papa Piju IX li, fl-1864, waqqaf id-djoċesi ġdida t’Għawdex.

Jaqbel, mela, li dan l-avveniment jiġi mfakkar b’mod xieraq u għalhekk ġie mwaqqaf kumitat apposta biex jieħu ħsieb iċ-ċelebrazzjonijiet u diġà beda jiltaqa’.

Sabiex ikun magħruf aħjar dan il-persunaġġ, minn hawn u ftit ieħor ser ikun hawn fl-idejn ktieb dwar il-ħajja tiegħu. Hemm ukoll il-ħsieb li jsiru xi ċelebrazzjonijiet kemm fil-Knisja Katidrali kif ukoll fil-parroċċi, b’ġieħ u qima lil Papa Piju IX. Nittamaw ukoll li tkun tista’ tinġab minn Ruma relikwja għażiża tiegħu.

Iktar ‘il quddiem, il-kumitat iħabbar id-dati u d-dettalji l-oħra tal-programm ta’ ċelebrazzjonijiet, biex l-Għawdxin jagħrfu aħjar lil Piju IX, il-Papa tad-Domma tal-Kunċizzjoni u tal-Konċilju Vatikan I, iħobbuh u jkunu rikonoxxenti lejh.

Iż-żmenijiet, u l-problemi li ħabbat wiċċu magħhom dan il-Beatu l-ġdid, huma differenti minn dawk tagħna, iżda xorta waħda Piju IX jagħtina lezzjonijiet sbieħ kif għandna nħobbu l-Knisja ta’ Kristu, kif inkunu lesti li nsoffru għaliha u niddefenduha.

Biex il-poplu jiġi mgħarraf bil-ġrajja tal-beatifikazzjoni tal-Papa Piju IX, fil-għaxija tas-Sibt u l-Ħadd, 2 u 3 ta’ Settembru għandha issir l-mixgħela tal-knejjes.

Hekk ukoll tindaqq mota fil-knejjes nhar il-Ħadd 3 ta’ Settembru 2000, f’nofs inhar.

Il-Mulej iberikhom u jagħtikom is-sliem tiegħu.

Mogħtija mill-Kurja
Victoria-Għawdex
Illum, 25 t’Awissu 2000

Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex

Ċirkulari 392/2000 (3 ta’ Lulju 2000)


Ċirkulari 391/2000 (22 ta’ Mejju 2000)

Nru. 391/2000

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Rev. Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ knejjes, Superjuri Reliġjużi u Lajċi insara.

Hija antika ħafna fost il-Maltin u l-Għawdxin id-devozzjoni lejn l-istatwa ta’ Kristu Redentur, li hija venerata fil-knisja Bażilika ta’ l-Isla. Bosta Għawdxin ta’ kull sena jsibu ż-żmien sabiex iżuru din ix-xbieha ta’ Kristu, bis-salib fuq spalltu u jħossu li minn dawn iż-żjajjar huma jiksbu ġid kotran għall-ħajja tar-ruħ u tal-ġisem tagħhom.

Issa fl-okkażjoni tal-Ġublew tas-Sena 2000, din l-istatwa ser tiġi żżurna billi tinġieb fostna minn Malta u għal xi ġranet tibqa’ magħna biex nistgħu, b’inqas diffikulta’, nersqu lejn Kristu Redentur u nuru l-qima tagħna lejh.

Din il-miġja fostna ta’ l-istatwa tar-Redentur ta’ l-Isla, sejra sseħħ it-Tnejn u t-Tlieta, 29-30 ta’ Mejju 2000 b’tifkira tal-50 anniversarju mill-Konsagrazzjoni tas-Santwarju antik u devot tal-Immakolata Kunċizzjoni tal-Qala, u f’dawn il-jiem ser jinżammu xi funzjonijiet speċjali, skond programm imħejji apposta. Jien nistiedinkom sabiex ma tibqgħux lura imma tieħdu sehem bil-ħeġġa fil-funzjonijiet li ser isiru.

Nixtieq ukoll li d-devozzjoni tagħkom lejn ir-Redentur ma tkunx biss ħaġa sentimentali iżda li tinżel iktar fil-fond u tnissel fikom imħabba ġenwina lejn Kristu, li fdiena bil-Passjoni u l-Mewt u l-Qawmien tiegħu minn bejn l-imwiet. Il-marka tal-Passjoni, li lil Kristu switlu tbatijiet hekk kbar, hemm bżonn li tibqa’ stampata f’qalbna. Huwa stess qalilna li “m’hemmx imħabba ikbar minn din li wieħed jagħti ħajtu għall-ħbiebu”(Ġw 15,13). Dan propju li għamel Kristu, bil-Passjoni tiegħu: ta ħajjtu għall-imħabba tagħna, ħallas il-prezz tal-fidwa u b’hekk offrielna l-ħelsien mill-madmad tad-dnub u tax-xitan.

Forsi wasal l-ħin tajjeb biex nifhmu li t-tifkira tal-passjoni ta’ Kristu hija marbuta mill-qrib mad-devozzjoni tal-Madonna ta’ Pinu. Difatti Hija ħallietilna l-messaġġ li nitolbu f’ġieh il-pjaga moħbija li kellu Kristu fuq spalltu bit-toqol tas-salib. F’din il-pjaga, ukoll, flimkien mal-ħamsa l-oħra li ġarrab Kristu fil-passjoni tiegħu, jeħtieġ li niftakru f’dawn il-ġranet għeżież li fihom għandna magħna l-istatwa devota tiegħu.

Din it-tifkira għandha tqanqal f’qalbna indiema sinċiera ta’ dnubietna u proponimenti ta’ ħajja nisranija iktar imħeġġa u qrib lejn Alla.

Nitlob fuqkom il-Barka ta’ Kristu Redentur.

                                Mogħtija mill-Kurja
Victoria-Għawdex
Illum, 22 ta’ Mejju 2000

Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex

Ċirkulari 390/2000 (5 ta’ Mejju 2000)

Nru. 390/2000

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Rev. Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ knejjes, Superjuri Reliġjużi u Lajċi insara.

Ftit ilu ġejt informat li l-Komunità Agostinjana qegħda tagħmel it-tħejjijiet sabiex tfakkar b’ċelebrazzjonijiet xierqa l-ewwel ċentinarju mill-Kanonizzazzjoni ta’ Santa Rita.

Għal dan il-għan ġie mwaqqaf kumitat apposta. Jiena nixtieq ningħaqad mar-Reliġjużi Agostinjani f’dan iċ-ċentinarju li sejrin jiċċelebraw biex flimkien inroddu ħajr lil Alla tal-grazzji kollha li huwa sawwab fuq artna u fuq id-dinja matul dan Iċ-ċentinarju, bl-interċessjoni ta’ Santa Rita ta’ Cascia. Fl-istess ħin irrid inħeġġeġ lill-insara ta’ għiritna biex matul din is-sena ġubilari jġeddu l-fiduċja u d-devozzjoni fervoruża tagħhom lejn il-“Qaddisa ta’ l-impossibbli.”

Santa Rita sa minn ċkunitha kellha qima kbira lejn Kristu msallab. Fl-istat taż-żwieġ hija tqaddset bit-taħriġ ta’ sabar erojku u ħafret minn qalbha lill-qattiel ta’ żewġha. Wara li romlot u mietu ż-żewġ uliedha subien, hija daħlet soru fl-ordni ta’ Sant’Wistin fejn għall-għaxar snin għaddiet ħajja ta’ penitenza u ta’ kontemplazzjoni. Mietet għan-nofs is-seklu ħmistax u ġiet iddikjarata qaddisa fl-1900 mill-Papa Ljun XIII.

Biex jiġi mfakkar dan iċ-ċentinarju tal-Kanonizzazzjoni tagħha, nhar il-Ħamis 18 ta’ Mejju fil-għaxija ser immexxi konċelebrazzjoni fil-Pjazza S. Wistin li għaliha nistieden kemm is-saċerdoti biex jikkonċelebraw miegħi, kif ukoll lill-insara l-oħra biex jieħdu sehem fiha. Wara jkun hemm pellegrinaġġ devozzjonali bl-istatwa ta’ Santa Rita.

Nitlob fuqkom il-Barka tal-Mulej Alla.

                                Mogħtija mill-Kurja
Victoria-Għawdex
Illum, 5 ta’ Mejju 2000

Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex