Ċirkulari 393/2000 (25 t’Awissu 2000)

Nru. 393/2000

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Rev. Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

Nhar il-Ħadd, 3 ta’ Settembru, ser jiġu dikjarati xi beati ġodda u fosthom il-Papa Piju IX. Għalina l-Għawdxin din hija ġrajja ta’ ferħ partikolari għaliex kien il-Papa Piju IX li, fl-1864, waqqaf id-djoċesi ġdida t’Għawdex.

Jaqbel, mela, li dan l-avveniment jiġi mfakkar b’mod xieraq u għalhekk ġie mwaqqaf kumitat apposta biex jieħu ħsieb iċ-ċelebrazzjonijiet u diġà beda jiltaqa’.

Sabiex ikun magħruf aħjar dan il-persunaġġ, minn hawn u ftit ieħor ser ikun hawn fl-idejn ktieb dwar il-ħajja tiegħu. Hemm ukoll il-ħsieb li jsiru xi ċelebrazzjonijiet kemm fil-Knisja Katidrali kif ukoll fil-parroċċi, b’ġieħ u qima lil Papa Piju IX. Nittamaw ukoll li tkun tista’ tinġab minn Ruma relikwja għażiża tiegħu.

Iktar ‘il quddiem, il-kumitat iħabbar id-dati u d-dettalji l-oħra tal-programm ta’ ċelebrazzjonijiet, biex l-Għawdxin jagħrfu aħjar lil Piju IX, il-Papa tad-Domma tal-Kunċizzjoni u tal-Konċilju Vatikan I, iħobbuh u jkunu rikonoxxenti lejh.

Iż-żmenijiet, u l-problemi li ħabbat wiċċu magħhom dan il-Beatu l-ġdid, huma differenti minn dawk tagħna, iżda xorta waħda Piju IX jagħtina lezzjonijiet sbieħ kif għandna nħobbu l-Knisja ta’ Kristu, kif inkunu lesti li nsoffru għaliha u niddefenduha.

Biex il-poplu jiġi mgħarraf bil-ġrajja tal-beatifikazzjoni tal-Papa Piju IX, fil-għaxija tas-Sibt u l-Ħadd, 2 u 3 ta’ Settembru għandha issir l-mixgħela tal-knejjes.

Hekk ukoll tindaqq mota fil-knejjes nhar il-Ħadd 3 ta’ Settembru 2000, f’nofs inhar.

Il-Mulej iberikhom u jagħtikom is-sliem tiegħu.

Mogħtija mill-Kurja
Victoria-Għawdex
Illum, 25 t’Awissu 2000

Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex