- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Ċirkulari 396/2000 (16 ta’ Ottubru 2000)

Posted By admin On October 16, 2000 @ 1:41 pm In 2000 | Comments Disabled

Nru. 396/2000

NIKOL ĠUŻEPPI CAUCHI
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA U
TAS-SEDE APOSTOLIKA
ISQOF TA’ GĦAWDEX

Lill-Wisq Rev. Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Superjuri Reliġjużi u Lajċi Nsara.

Nhar l-Erbgħa, 1 ta’ Novembru 2000, jkunu għaddew ħamsin sena, minn mindu l-Papa Piju XII, fil-Kostituzzjoni Apostolika Munificentissimus Deus ipproklama d-domma tal-Assunta, cioè li l-Imqaddsa Verġni Marija fi tmiem ta’ ħajjitha ġiet imtellgħa fis-sema bi-ruħ u bil-ġisem.

Kif naqraw fil-Lumen Gentium (n.68) tal-Konċilju Vatikan II “L-Omm ta’ Ġesu fis-sema, fejn hi diġà fil-glorja bir-ruħ u l-ġisem, hija l-bidu u x-xbieha tal-Knisja kif għad tkun ipperfezzjonata fiż-żmien li ġej, hekk ukoll hija fuq din l-art, sakemm jasal jum il-Mulej.”

Marija imtellgħa fis-sema hija “l-ikona” eskatoloġika tal-Knisja.  Hija x-xbieda u l-għelm ta’ dik il-glorja li għaliha huwa msejjaħ u mistieden biex isir kull wieħed mill-komunita’ ta’ dawk li jemmnu.

Bħala wlied devoti ta’ l-Imqaddsa Verġni Marija, nħossu li għandna nagħmlu xi ħaġa biex infakkru din ir-rikorrenza tal-ħamsin sena mid-definizzjoni tad-domma tal-Assunta.

Fil-ġranet ta’ qabel l ta’ Novembru, fil-parroċċi ser ikun hemm tridu ta’ tliet priedki jew omeliji, li fihom jingħata tifsir tad-dokument li bih il-Papa Piju XII ipproklama d-domma ta’ l-Assunta.

Nistieden wkoll lill-insara ta’ din id-Djoċesi sabiex fl-ewwel ġranet ta’ Novembru, iżuru għall-inqas wieħed mis-Santwarji ddedikati lill-Assunta li għandna fi għiritna u hemm jitolbu  għall-ħtiġijiet tal-Knisja u ta’ pajjiżna.  Jekk iżuru dawn is-Santwarji cioè il-Kattidral, iż-}ebbuġ u  ta’ Pinu, jgħidu l-Kredu u josservaw il-kondizzjonijiet l-oħra, jistgħu jirbħu wkoll l-indulġenza Plenarja tal-Ġublew.

Bl-interċessjoni tal-Verġni Marija imtellgħa s-sema  il-Mulej jimliekom bit-tama tal-qawma mill-imwiet u jgħatikom il-barka tiegħu.

                                Mogħtija mill-Kurja
Victoria-Għawdex
Illum,  16 ta’ Ottubru 2000

Mons Salv Debrincat
Kanċellier

+ Nikol Ġ. Cauchi
Isqof t’Għawdex


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2000/10/16/cirkulari-3962000-16-ta%e2%80%99-ottubru-2000/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.