Omelija fis-Solennità ta’ Kristu Sultan tal-ħolqien kollu
Manifestazzjoni djoċesana ta’ Kristu Re u Ftuħ tas-Sena Djoċesana Marjana
Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, l-Għarb
Il-Ħadd 25 ta’ Novembru 2018
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex
FIL-KNISJA GĦANDNA NBID?
Fil-ġrajja tat-tieġ ta’ Kana, San Ġwann jirrakkontalna xi ħaġa aktar mill-esperjenza ta’ tieġ ta’ żewġ għarajjes friski; hawn huwa jagħtina dettalji dwar il-qagħda reliġjuża ta’ Iżrael li, kif nafu mill-Bibbja, Alla kien “għarras” miegħu fis-sewwa u fil-ħaqq, fl-imħabba u l-ħniena (ara Hos 2:21). Għalhekk nistgħu ngħidu li fil-ġrajja ta’ Kana fil-Galilija għandna wkoll analiżi tagħna bħala Knisja f’Għawdex.
Meta lil Ġesù, Marija tiġbidlu l-attenzjoni li “ma għandhomx inbid” (mhux li spiċċalhom l-inbid, imma li saħansitra ma kellhomx inbid!), f’isem ġensha Marija qed tfisser lil Ġesù li dak li kien il-poplu l-magħżul ta’ Alla, minkejja li kellu tradizzjoni reliġjuża antika ħafna, kien tilef il-gost ta’ Alla, it-Tempju kien iddeludieh bil-kbir, u spiritwalment kien qed iħossu insodisfatt għall-aħħar.
L-għerq ta’ dan kollu kien ġej mill-fatt li maż-żmien il-ħajja spiritwali tal-Lhud kienet sofriet bidla kbira: ir-relazzjoni tagħhom ma’ Alla ma baqgħetx relazzjoni ta’ namur u għerusija msensla bl-imħabba, imma ġiet ridotta għall-osservazzjoni ta’ ħafna regoli u liġijiet! Iżrael ma baqax dik l-għarusa li titgħaxxaq bil-ħlewwa u t-tjubija tal-għarus (Alla); minflok, il-Lhud saru lsiera taħt il-madmad tal-liġi. Ir-rabbini kienu jħambqu li kien biss min iħares il-liġijiet li jimmerita quddiem Alla u huwa maħbub minn Alla. Biex jgħinuh joqgħod għal-liġijiet, il-gwidi spiritwali bdew iżidu aktar regoli u hekk bidlu l-Kelma ta’ Alla f’kodiċi ta’ liġijiet.
Aktar ma żdiedu r-regolamenti, il-bniedem aktar ġie konxju mid-dgħufija tiegħu u kiber fih is-sens tal-ħtija. Għaldaqstant inħolqu r-riti tal-purifikazzjoni bl-ilma. Imma l-ġarar imqiegħda għall-purifikazzjoni kienu “vojta” – mhux biss għax ma kienx fihom ilma, imma wkoll fis-sens li r-ritwali tal-purifikazzjoni ma kinux jgħinuh jikkonverti, ma kinux jimlew il-qalb tal-bniedem bil-paċi u s-serenità.
Kif diġà għidt, ir-rakkont ta’ Kana jaf ikun ir-rakkont tal-ġrajja tagħna llum. Madwarna – qed ngħid għalina bħala poplu ta’ Alla – hemm sinjali ċari li jindikaw li “ma għandniex inbid”. Inbid kellna, imma ġara li issa, minħabba l-istess raġunijiet li semmejt aktar ’il fuq, l-inbid spunta u sarilna ħall!
Il-miraklu li seħħ f’Kana ma kienx li l-ilma nbidel fi nbid, imma li permezz ta’ dan is-sinjal Ġesù wera l-glorja tiegħu. Sa dak il-waqt li l-ġarar imtlew bl-inbid, Ġesù kien hemm, magħhom u f’nofshom; imma kienet preżenza moħbija, tant li l-mistiedna ma ntebħux bih. Ġie f’daru u niesu ma għarfuhx! Imma hekk kif huwa deher fil-glorja, id-dixxipli emmnu fih.
Illum ukoll Ġesù qed magħna u fostna. Imma huwa fatt li fost dawk li jmorru l-knisja jew jieħdu sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet varji tagħna, kif ukoll fost dawk li tgħammdu imma nqatgħu mill-komunità, hemm ħafna li għadhom ma ltaqgħux ma’ Ġesù. Għalhekk il-missjoni urġenti tagħna hija li nagħmlu ħilitna ħalli llum Ġesù juri l-glorja tiegħu u l-bnedmin jemmnu fih.
Inħeġġiġkom għalhekk biex toħolmu atteġġjamenti pastorali ġodda li jistgħu jikxfu l-ġmiel ta’ Ġesù. Huwa dan il-ġmiel li ma jintefiex li għandu l-qawwa li jiġbed lill-bniedem lejn Ġesù. Aħna nistgħu naslu biex inċarrtu l-velu li qed jaħbi din is-sbuħija bix-xandir tal-Kelma, biċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi bis-sens, kif ukoll bl-attività karitattiva – l-aqwa fost dawn it-tliet dimensjonijiet hija l-karità mal-foqra, għax b’dan il-mod inkunu npoġġu fil-prattika l-kmandament tal-imħabba. Xieraq li matul din is-Sena Marjana l-komunitajiet parrokkjali jistinkaw biex itejbu l-impenn tagħhom f’dawn it-tliet oqsma u ma jibżgħux ikunu innovattivi fl-inizjattivi tagħhom.
Xi awturi jgħidu li “Omm Ġesù” li wasslet il-karba ta’ Iżrael lil Ġesù mhix biss Marija, imma hija wkoll l-istess komunità spiritwali li fiha Ġesù twieled, trabba u kiber. Għalhekk il-frażi Omm Ġesù tiġbor fiha lil dawk il-persuni twajba, il-fdal ta’ Iżrael, li jagħrfu li l-qagħda reliġjuża ta’ żmienhom kienet saret insostenibbli u li t-Tempju ma kienx għadu l-għamara ta’ Alla fost il-bnedmin. Għand min jirrikorru għall-għajnuna? Interessanti, jekk mhux ukoll inkwetanti, huwa l-fatt li huma ma jmorrux għand “dak li kien qed jieħu ħsieb il-mejda” – ma marrux għand il-mexxejja reliġjużi tagħhom, għax dawn taw prova li ma kellhomx il-ħila li jorganizzaw festa ta’ fidi awtentika; dawn l-inbid tajjeb ħallewh merfugħ! Għalhekk marru għand Ġesù, għax kienu konvinti li hu biss jista’ jipprovdilhom inbid ġdid. Din hija twiddiba ħelwa għalina l-presbiteri, jiena magħkom. Għandna fejn nikbru spiritwalment u nkebbsu fina l-ħeġġa pastorali tagħna. Nixtieq li bħala presbiteri nistħarrġu x’inhu mistenni minna f’din is-siegħa tal-istorja tal-Knisja fi gżiritna. Is-Sena Marjana għandha tkun mument ta’ grazzja għalina l-presbiteri wkoll.
Imma s-sehem personali ta’ Marija, Omm Ġesù, f’Kana huwa għalkollox partikulari. Meta Ġesù jsejħilha “mara”, huwa qed jurina li Marija mhix biss dik li tatu l-ħajja bħala bniedem, imma hija wkoll dik li bħal Ġerusalemm tiġbor lil uliedha li kienu xterdu, inqatgħu mill-ġemgħa u waqgħu f’xi għamla ta’ jasar. Għalhekk f’Kana, Marija titkellem f’isem il-poplu ta’ Alla. Fi kliem San Tumas minn Aquino, Marija titkellem f’isem is-Sinagoga. Fiha Ġesù jilmaħ il-ġemgħa ta’ Iżrael, li tirrikorri għandu f’mument ta’ kriżi spiritwali, f’mument fejn l-inbid (it-twemmin f’Alla) kien tilef kull togħma, saħansitra kien għeb!
Matul din is-Sena li qegħdin niddedikaw lill-Madonna, aħna li f’din l-epoka nħossuna għaddejjin mill-istess esperjenza tas-sinagoga ta’ Kana, qegħdin nistiednu lil Marija, Omm il-Knisja, biex tkun magħna u f’isimna titlob lil Ġesù jagħtina l-grazzja li l-ġarar tagħna (il-komunitajiet) jimtlew bi nbid frisk u jfuħ. Kif għamlet mal-qaddejja f’Kana, Marija trid tagħmel magħna llum: li bħalha aħna jkollna fidi fi Kristu. Ġesù wera l-glorja tiegħu għax Marija u l-qaddejja emmnu fih. “Din hija r-rebħa fuq id-dinja: il-fidi tagħna” (1 Ġw 5:4). Il-fidi mhix kwistjoni ta’ kemm wieħed ikun għaref, imma kemm wieħed ikollu qalb kbira; lanqas ma għandna nħawdu l-fidi mal-kultura Nisranija jew mar-reliġjożità popolari, imma l-fidi titkejjel skont kemm għandna fiduċja u tama f’Alla. Il-fidi titkebbes bit-talb, u għalhekk nappella biex il-familji Nsara u l-komunitajiet ekkleżjali jfittxu jagħmlu aktar ħin biex f’atteġġjament ta’ talb jitħaddnu ma’ Ġesù!
Nitolbu lill-Madonna Ta’ Pinu tgħinna nħarsu l-ħafna tajjeb li għandna, partikularment fil-familji tagħna, u biha maġenbna ma nibżgħux “nagħmlu dak li jgħidlna Ġesù”, is-Sultan tagħna.
Ritratti: Joseph Xuereb