MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU GĦAT-XXXIII JUM DINJI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ 2018

wyde.png

“Tibżax, Marija, għax inti sibt grazzja quddiem Alla” (Lq 1:30)

Għeżież żgħażagħ,

Il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ tal-2018 jirrappreżenta pass ’il quddiem fil-mixja ta’ tħejjija għal dak internazzjonali, li sa jinżamm il-Panamá f’Jannar 2019. Din it-tappa ġdida tal-pellegrinaġġ tagħna se taħbat fis-sena li fiha se tiġi msejħa l-Assemblea Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet dwar it-tema: Iż-żgħażagħ, il-fidi u d-dixxerniment vokazzjonali. Inzerta tajjeb. L-attenzjoni, it-talb u r-riflessjoni tal-Knisja sa jkunu ffukati fuq iż-żgħażagħ, fix-xewqa li nifhmu u, fuq kollox, li “nilqgħu” d-don prezzjuż li intom għal Alla, għall-Knisja u għad-dinja.

Kif diġà tafu, għażilna li f’din il-mixja nħallu jseħbuna l-eżempju u l-interċessjoni ta’ Marija, ix-xebba ta’ Nazaret li Alla għażel bħala Omm Ibnu. Hi qed timxi magħna lejn is-Sinodu u lejn il-JDŻ tal-Panama. Jekk is-sena l-oħra mexxewna l-kelmiet tal-kantiku tagħha ta’ tifħir – “Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar” (Lq 1:49) – li għallimna nagħmlu memorja tal-passat, din is-sena ejja nfittxu li nisimgħu flimkien magħha l-leħen ta’ Alla li jnebbaħ għall-kuraġġ u jagħtina l-grazzja meħtieġa biex inwieġbu għas-sejħa tiegħu: “Tibżax, Marija, għax int sibt grazzja quddiem Alla” (Lq 1:30). Huma l-kelmiet li l-ħabbar ta’ Alla, l-Arkanġlu Gabrijel, lissen lil Marija, tfajla sempliċi minn daqsxejn ta’ raħal tal-Galilija.

1. Tibżax!

Kif wieħed jista’ jifhem, id-dehra ħabta u sabta tal-anġlu u t-tislima misterjuża tiegħu: “Is-sliem għalik, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek” (Lq 1:28), qanqlu taħwid kbir fil-qalb ta’ Marija, li stagħġbet b’din l-ewwel rivelazzjoni tal-identità tagħha u tal-vokazzjoni tagħha, li hija kienet għadha ma tafx bihom. Marija, flimkien ma’ persunaġġi oħra tal-Iskrittura Mqaddsa, tirtogħod quddiem il-misteru tas-sejħa ta’ Alla, li f’waqt wieħed iqegħedha quddiem l-immensità tal-pjan tiegħu u jġagħalha tħoss iċ-ċokon kollu tagħha ta’ ħlejqa umli. L-anġlu, li jaqra fil-fond ta’ qalbha, jgħidilha: “Tibżax!”. Alla jaqra wkoll fil-ġewwieni tagħna. Hu jaf tajjeb l-isfidi li rridu naffrontaw fil-ħajja, fuq kollox meta nsibu ruħna quddiem l-għażliet fundamentali li minnhom jiddipendi dak li għad inkunu u dak li għad nagħmlu f’din id-dinja. Hu t-“tferfir” li nħossu quddiem id-deċiżjonijiet fuq il-futur tagħna, fuq l-istat ta’ ħajjitna, fuq il-vokazzjoni tagħna. F’dawn il-mumenti nibqgħu mħawdin u jaqbduna ħafna biżgħat.

U intom iż-żgħażagħ, x’biżgħat għandkom? X’inhu li jħassibkom l-aktar fil-fond ta’ qalbkom? Biża’ “fl-isfond” li jeżisti f’ħafna minnkom hu dak li m’intomx maħbuba, m’hemm ħadd li jridilkom il-ġid, li m’intomx aċċettati għal dak li intom. Illum, ħafna huma ż-żgħażagħ li jgħixu bis-sensazzjoni li jridu jkunu differenti minn dak li huma fir-realtà, fit-tentattiv tagħhom li jadattaw ruħhom għal standards spiss artifiċjali u li ma jistgħux jintlaħqu. Kontinwament ħsiebhom biex “jirtukkjaw ir-ritratti” tal-immaġni tagħhom, jinħbew wara maskri u identitajiet foloz, sa ma kważi jsiru huma stess ħaġa “fake”. F’ħafna teżisti l-ossessjoni li jridu jirċievu kemm jista’ jkun “likes”. U minn dan is-sens li ma jħossuhomx f’posthom jitqanqlu tant biżgħat u dubji. Oħrajn jibżgħu li mhux sa jirnexxielhom isibu ċertezza affettiva u li ħa jibqgħu waħidhom. F’ħafna, quddiem il-prekarjetà tax-xogħol, jidħol il-biża’ li mhux sa jirnexxielhom isibu affermazzjoni professjonali li tissodisfahom, li mhux sa jaraw imwettaq il-ħolm tagħhom. Huma biżgħat li llum issibhom preżenti f’ħafna żgħażagħ, sew fost dawk li jemmnu u sew fost dawk li le. U mqar dawk li laqgħu d-don tal-fidi u qed ifittxu bis-serjetà l-vokazzjoni tagħhom, żgur li mhumiex eżenti minn biżgħat. Xi wħud jaħsbu: forsi Alla qed jitlobni jew se jitlob minni żżejjed; forsi, jiena u nimxi t-triq li jurini hu, mhux sa nkun tassew ferħan, jew mhux sa nkun kapaċi nwettaq sew dak li qed jitlobni. Oħrajn jistaqsu: jekk nimxi fit-triq li qed jurini Alla, min sa jiggarantili li sa jirnexxieli nimxiha sal-aħħar? Forsi naqta’ qalbi? Nitlef il-ħeġġa? Sa nkun kapaċi nippersevera fiha ħajti kollha?

Fil-mumenti li fihom id-dubji u l-biżgħat jinġemgħu fil-qalb tagħna, ikun hemm bżonn tad-dixxerniment. Dan jgħinna nġibu ftit ordni qalb il-konfużjoni tal-ħsibijiet u s-sentimenti tagħna, biex naġixxu b’mod ġust u prudenti. F’dan il-proċess, l-ewwel pass biex negħlbu l-biżgħat hu dak li nidentifikawhom b’mod ċar, biex ma nerġgħux insibu ruħna nitilfu l-ħin u l-enerġija nfittxu iħirsa bla wiċċ jew bla konsistenza. Għalhekk, nistedinkom ilkoll tagħtu titwila fikom infuskom u “tagħtu isem” lill-biżgħat tagħkom. Staqsu lilkom infuskom: illum, fil-qagħda konkreta li qed ngħix, x’inhu li qed iġagħalni nbati, minn xiex nibża’ l-iżjed? X’qed jimblukkani u jżommni milli nimxi ’l quddiem? Għaliex m’għandix il-kuraġġ nagħmel l-għażliet importanti li rrid nagħmel? Tibżgħux tħarsu b’onestà lejn il-biżgħat tagħkom, tagħrfuhom bħala dak li huma u tagħmlu l-kontijiet magħhom. Il-Bibbja ma tiċħadx is-sentiment uman tal-biża’, lanqas il-ħafna raġunijiet li jistgħu jwasslu għalih. Abraham beża’ (ara Ġen 12:10s), Ġakobb beża’ (ara Ġen 31:31; 32:8), u hekk ukoll Mosè (ara Eż 2:14; 17:4), Pietru (ara Mt 26:69ss) u l-Appostli (ara Mk 4:38-40; Mt 26:56). Ġesù nnifsu, imqar jekk fuq livell li ma jistax jitqabbel ma’ tagħna, ħass il-biża’ u l-ansjetà (ara Mt 26:37; Lq 22:44).

“Dal-biża’ kollu għaliex? Mela ma għandkomx fidi?” (Mk 4:40). Din iċ-ċanfira ta’ Ġesù lid-dixxipli turina kif spiss ix-xkiel għall-fidi mhux in-nuqqas ta’ fidi, imma l-biża’. Il-ħidma tad-dixxerniment, f’dan is-sens, wara li nkunu identifikajna liema huma l-biżgħat tagħna, għandha tgħinna negħlbuhom billi niftħu qalbna għall-ħajja u naffrontaw b’serenità l-isfidi li tippreżentalna. Għalina l-Insara, b’mod partikulari, il-biża’ m’għandu qatt ikollu l-aħħar kelma, imma jkun okkażjoni biex nagħmlu att ta’ fidi f’Alla… u anki fil-ħajja! Dan ifisser temmen fit-tjieba fundamentali tal-eżistenza li Alla tana, ikollok fiduċja li hu qed imexxina lejn tmiem tajjeb anki permezz ta’ ċirkustanzi u ġrajjiet li għalina spiss huma misterjużi. Jekk min-naħa l-oħra dan ikattar fina l-biża’, it-tendenza tkun li ningħalqu fina nfusna, nibnu ħitan madwarna biex inħarsu ruħna minn kollox u minn kulħadd, u nibqgħu bħal ipparalizzati. Irridu nirreaġixxu! Qatt m’għandna ningħalqu! Fl-Iskrittura Mqaddsa nsibu 365 darba l-espressjoni “tibżax”, bil-varjanti kollha tagħha. Bħallikieku trid tgħidilna li kull ġurnata tas-sena l-Mulej iridna ħielsa mill-biża’.

Id-dixxerniment isir indispensabbli meta wieħed qed ifittex x’inhi l-vokazzjoni tiegħu. Fil-fatt, din ħafna drabi mhix immedjatament ċara jew għalkollox evidenti, imma nifhmuha ftit ftit. Id-dixxerniment li jrid isir, f’dan il-każ, m’għandniex nifhmuh bħala sforz individwali li nħarsu fina nfusna, fejn l-għan hu dak li nagħrfu aħjar il-mekkaniżmi interjuri tagħna biex nissaħħu u nilħqu ċertu bilanċ. F’dan il-każ il-persuna tista’ ssir iktar b’saħħitha, imma xorta tibqa’ magħluqa fix-xefaq limitat tal-possibbiltajiet tagħha u tal-veduti tagħha. Imma l-vokazzjoni hi sejħa mill-għoli u d-dixxerniment f’dan il-każ ifisser fuq kollox li ninfetħu għall-Ieħor li qed isejħilna. Allura hemm bżonn is-skiet tat-talb biex nistgħu nisimgħu leħen Alla li jidwi fil-kuxjenza tagħna. Hu jħabbat fuq il-bieb ta’ qlubna, kif għamel ma’ Marija, għax jixtieq iwaqqaf ħbiberija magħna permezz tat-talb, ikellimna permezz tal-Iskrittura Mqaddsa, joffrilna l-ħniena tiegħu fis-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni, isir ħaġa waħda magħna fit-Tqarbin Ewkaristiku.

Imma huwa importanti wkoll il-konfront u d-djalogu mal-oħrajn, ħutna fil-fidi, li għandhom iżjed esperjenza u jgħinuna naraw aħjar u nagħmlu għażla bejn id-diversi għażliet. Iż-żagħżugħ Samwel, meta jisma’ leħen il-Mulej, ma jagħrfux minnufih, u għal tliet darbiet imur jiġri għand Għeli, il-qassis xwejjaħ, li fl-aħħar jissuġġerilu t-tweġiba t-tajba li għandu jagħti għas-sejħa tal-Mulej: “Jekk jerġa’ jsejjaħlek, wieġeb: ‘Tkellem, Mulej, għax il-qaddej tiegħek qiegħed jisma’” (1 Sam 3:9). Qalb id-dubji tagħkom, kunu afu li tistgħu sserrħu fuq il-Knisja. Naf li hemm saċerdoti, ikkonsagrati, fidili lajċi li huma bravi, bosta minnhom huma wkoll żgħażagħ, li bħala ħutkom akbar minnkom fil-fidi jistgħu jimxu magħkom; imwettqa mill-Ispirtu s-Santu, ikunu jistgħu jgħinukom tiddeċifraw id-dubji tagħkom u taqraw il-pjan tal-vokazzjoni personali tagħkom. L-“ieħor” mhuwiex biss il-gwida spiritwali, imma huwa wkoll dak li jgħinna niftħu qalbna għall-għana kollu bla qies tal-eżistenza li tana Alla. Hemm bżonn niftħu spazji fl-ibliet u l-komunitajiet tagħna biex nistgħu nikbru, biex noħolmu, biex inħarsu lejn ixfqa ġodda! Qatt ma għandna nitilfu l-gost li ngawdu l-laqgħa, il-ħbiberija, il-gost li noħolmu flimkien, li nimxu mal-oħrajn. L-Insara awtentiċi ma jibżgħux jinfetħu għall-oħrajn, jaqsmu l-ispazji ta’ ħajjithom biex jibdluhom fi spazji ta’ fraternità. Għeżież żgħażagħ, tħallux id-dawl għammiexi taż-żgħożija tagħkom jintefa fid-dalma ta’ kamra magħluqa fejn l-unika tieqa biex minnha tħarsu lejn id-dinja tkun dik tal-kompjuter jew tal-ismartphone. Iftħu beraħ il-bibien tal-ħajja tagħkom! L-ispazji u ż-żminijiet tagħkom hemm jgħixu fihom persuni tad-demm u l-laħam, relazzjonijiet profondi, li magħhom tistgħu taqsmu esperjenzi awtentiċi u veri fil-ħajja tagħkom ta’ kuljum.

2. Marija!

“Jien sejjaħtlek b’ismek” (Is 43:1). L-ewwel raġuni għaliex m’għandniex nibżgħu hi sewwasew il-fatt li Alla qed isejħilna b’isimna. L-anġlu, ħabbar ta’ Alla, sejjaħ lil Marija b’isimha. Hi ħaġa ta’ Alla li jagħti l-ismijiet. Fl-opra tal-ħolqien, lil kull ħlejqa hu jsejħilha għall-ħajja b’isimha. Wara l-isem hemm identità, dak li hu uniku f’kull ħaġa, f’kull persuna, dik l-essenza intima li Alla biss jaf sa fil-qiegħ nett. Din il-prerogattiva divina mbagħad hu qasamha mal-bniedem, li Alla jagħtih il-permess isemmi lill-annimali, lill-għasafar u anki lil uliedu (Ġen 2:19-21; 4:1). Ħafna kulturi jaqsmu flimkien din il-viżjoni biblika profonda billi fl-isem jagħrfu r-rivelazzjoni tal-iktar misteru profond ta’ ħajja, it-tifsira ta’ eżistenza.

Meta jsejjaħ lil persuna b’isimha, Alla fl-istess waqt juriha l-vokazzjoni tagħha, il-pjan tiegħu ta’ qdusija u ta’ tjieba, li permezz tiegħu dik il-persuna tista’ ssir don għall-oħrajn u li jagħmilha unika. U anki meta l-Mulej irid iwessa’ l-ixfqa ta’ ħajja, lill-persuna li huwa jsejjaħ jagħżel li jagħtiha isem ġdid, kif jagħmel ma’ Xmun, li jsejjaħlu “Pietru”. Minn hawn ġiet id-drawwa li dawk li jissieħbu f’ordni reliġjuż jingħataw isem ġdid, biex juri identità ġdida u missjoni ġdida. Bħala xi ħaġa personali u unika, is-sejħa divina titlob minna l-kuraġġ li ninħallu mill-pressjoni konformanti tal-imkejjen komuni, biex il-ħajja tagħna tkun tabilħaqq don oriġinali u irripetibbli għal Alla, għall-Knisja u għall-oħrajn.

Għeżież żgħażagħ, il-fatt li aħna msejħin b’isimna huwa għalhekk sinjal tad-dinjità kbira tagħna f’għajnejn Alla, tal-għożża li hu għandu għalina. U Alla jsejjaħ lil kull wieħed u waħda minnkom b’isimkom. Intom l-“int” ta’ Alla, prezzjużi f’għajnejh, jistħoqqilkom l-istima u l-imħabba tiegħu (ara Is 43:4). Ilqgħu bil-ferħ dan id-djalogu li qed jipproponilkom Alla, din is-sejħa li hu qed jagħmlilkom meta jsejħilkom b’isimkom.

3. Int sibt grazzja quddiem Alla

Ir-raġuni prinċipali għaliex Marija m’għandhiex għax tibża’ hi għaliex sabet grazzja quddiem Alla. Il-kelma “grazzja” tkellimna fuq l-imħabba mogħtija b’xejn, mhux immeritata. Kemm jagħmlilna l-qalb meta nafu li ma hemmx bżonn nimmeritaw il-qrubija u l-għajnuna ta’ Alla billi nippreżentawlu minn qabel xi “kurrikulu ta’ eċċellenza”, mimli merti u suċċessi! L-anġlu lil Marija jgħidilha li hi diġà sabet grazzja quddiem Alla, u mhux li ħa tiksibha ’l quddiem. U l-istess formulazzjoni tal-kliem tal-anġlu tgħinna nifhmu li l-grazzja divina hi permanenti, mhux xi ħaġa ta’ ftit żmien li tgħaddi jew momentarja, u għalhekk qatt mhi ħa tonqos. Anki fil-futur dejjem sa jkun hemm il-grazzja ta’ Alla biex tweżinna, fuq kollox fil-mumenti ta’ prova u ta’ dalma.

Il-preżenza kontinwa tal-grazzja divina tagħmlilna l-qalb biex inħaddnu bil-fiduċja l-vokazzjoni tagħna, li tesiġi impenn ta’ fedeltà li rridu nġedduh ta’ kuljum. It-triq tal-vokazzjoni fil-fatt mhijiex nieqsa mis-slaleb: mhux biss id-dubji tal-bidu, imma anki t-tentazzjonijiet spissi li nsibu mal-medda tat-triq. Is-sentiment li ma jħossux għalkollox f’postu jew kapaċi, sa jsieħeb lid-dixxiplu ta’ Kristu sal-aħħar, imma hu jaf li hu megħjun mill-grazzja ta’ Alla.

Kliem l-anġlu jinżel fuq il-biżgħat umani u jkeċċihom bil-qawwa tal-aħbar it-tajba li jġorr fih: il-ħajja tagħna mhix xi kumbinazzjoni jew sempliċi taqbida biex ngħixu, imma kull wieħed u waħda minna hu storja maħbuba minn Alla. Li “sibna grazzja quddiem Alla” jfisser li l-Ħallieq qed jara ġmiel uniku fl-eżistenza tagħna u għandu pjan mill-aqwa għall-ħajja tagħna. Dan l-għarfien żgur li mhux sa jsolvi l-problemi kollha u mhux sa jneħħilna l-inċertezzi tal-ħajja, imma għandu l-qawwa jibdilha mill-qiegħ nett. Dak li ma nafux u li l-jum ta’ għada għandu maħżun għalina mhuwiex xi theddida mudlama li rridu naraw kif ħa noħorġu minnha ħajjin, imma ż-żmien it-tajjeb li tana biex ngħixu l-uniċità tal-vokazzjoni personali tagħna u naqsmuha ma’ ħutna fil-Knisja u fid-dinja.

4. Kuraġġ fil-preżent

Miċ-ċertezza li l-grazzja ta’ Alla tinsab magħna toħroġ il-qawwa li jkollna l-kuraġġ fil-preżent: kuraġġ biex immexxu ’l quddiem dak li Alla qed jitlobna llum u hawn, f’kull qasam tal-ħajja tagħna; kuraġġ biex inħaddnu l-vokazzjoni li Alla qed jurina; kuraġġ biex ngħixu l-fidi tagħna mingħajr ma naħbuha jew innaqqru minnha.

Iva, meta niftħu qalbna għall-grazzja ta’ Alla, l-impossibbli jsir realtà. “Jekk Alla hu magħna, min jista’ jkun kontra tagħna?” (Rum 8:31). Il-grazzja ta’ Alla tmiss l-illum tal-ħajja tagħkom, “taħtafkom” hekk kif intom, bil-biżgħat u l-limiti tagħkom, imma tikxef ukoll il-pjanijiet meraviljużi ta’ Alla! Intom iż-żgħażagħ għandkom bżonn li tħossu li xi ħadd tabilħaqq għandu fiduċja fikom: kunu afu li l-Papa jafdakom, li l-Knisja għandha fiduċja fikom! U intom, afdaw fil-Knisja!

Ix-xebba Marija ġiet fdata b’ħidma importanti proprju għax kienet żagħżugħa. Intom iż-żgħażagħ għandkom il-qawwa, għaddu minn din il-fażi tal-ħajja li fiha żgur mhux sa tonqoskom l-enerġija. Użaw din il-qawwa u dawn l-enerġiji biex ittejbu d-dinja, u ibdew mir-realtajiet l-aktar qrib tagħkom. Nixtieq li fil-Knisja tiġu fdati b’responsabbiltajiet importanti, li jkollna l-kuraġġ nagħtukom il-wisa’; u intom, ħejju ruħkom biex tieħdu f’idejkom dawn ir-responsabbiltajiet.

Nistedinkom tikkontemplaw mill-ġdid l-imħabba ta’ Marija: imħabba kollha għożża, dinamika, konkreta. Imħabba mimlija kuraġġ u kollha kemm hi indirizzata lejn id-don tagħha nfisha. Knisja mimlija b’dawn il-kwalitajiet Marjani tkun dejjem Knisja li toħroġ, li taqbeż il-limiti u l-konfini tagħha biex minnha tgelgel l-istess grazzja li rċiviet. Jekk nittieħdu mill-eżempju ta’ Marija, ngħixu konkretement dik l-imħabba li twassalna biex inħobbu lil Alla fuq kull ħaġa oħra u fuqna nfusna, biex inħobbu lill-persuni li magħhom naqsmu l-ħajja tagħna ta’ kuljum. U nħobbu wkoll lil min f’għajnejna jista’ jidher ftit li xejn ta’ min iħobbu. Hi mħabba li ssir qadi u għotja, fuq kollox lejn l-iżjed dgħajfa u l-iżjed foqra, li tibdel l-uċuħ tagħna u timliena bil-ferħ.

Nixtieq nagħlaq bil-kliem sabiħ ta’ San Bernard f’omelija famuża tiegħu fuq il-misteru tat-Tħabbira, kliem li jesprimi x-xenqa tal-umanità kollha għat-tweġiba ta’ Marija: “Smajt int, o Verġni, li se tnissel u tiled iben; smajt li dan sa jseħħ mhux bil-ħidma ta’ bniedem, imma bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. L-anġlu qed jistenna tweġiba; […] aħna wkoll nistennew, o Sidt tagħna, kelma ta’ ħniena u ħlewwa. […] Bl-iċken tweġiba tiegħek aħna niġġeddu u niġu msejħa lura għall-ħajja. […] Id-dinja kollha qed tistenna, mixħuta għarkupptejha f’ħoġrok. […] O Verġni, la ddumx ma twieġeb” (Om. 4, 8; Opera omnia, ed. Cisterc. 4, 1966, 53-54).

Għeżież żgħażagħ, il-Mulej, il-Knisja, id-dinja, qed jistennew ukoll it-tweġiba tagħkom għas-sejħa unika li kull wieħed u waħda għandu f’din il-ħajja! Huwa u joqrob il-JDŻ tal-Panamá, nistedinkom tħejju ruħkom għal dan l-appuntament tagħna bil-ferħ u l-ħeġġa ta’ min irid ikollu sehem f’avventura kbira. Il-JDŻ qiegħed għall-kuraġġjużi! Mhux għal żgħażagħ li qed ifittxu biss il-kumdità u quddiem id-diffikultajiet jagħmlu pass lura. Ħa tilqgħuha l-isfida?

Mill-Vatikan, 11 ta’ Frar 2018

Is-VI Ħadd ta’ Matul is-Sena

Tifkira tal-Verġni Mqaddsa Marija ta’ Lourdes

FRANĠISKU

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard