Titħabbar il-mewt ta’ Mons. Carmelo Scicluna

mons-carmelo-scicluna.jpgFtit jiem biss wara l-mewt ta’ saċerdot ieħor, il-Mulej issa sejjaħ għal ħdejh lil Mons. Carmelo Scicluna, STD, JCB, Dip.Arch., Dip.Bibl., Capp.SS. mill-parroċċa ta’ San Ġorġ. Dun Karm huwa t-tmin presbiteru li miet tul din is-sena.

Għan-Nisrani, il-mewt tiddawwal bil-misteru tal-imħabba ta’ Kristu, l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem, li dalwaqt niċċelebraw il-ġrajja tat-twelid tiegħu fostna. Aħna nistennewH ġej, u nemmnu li aħna mexjin lejH, il-milja tal-ħajja tagħna.

Dun Karm twieled fit-23 ta’ Novembru 1927 u ġie ordnat saċerdot fid-19 ta’ Mejju 1951. Mill-1974 sa ftit xhur ilu, Dun Karm kien Kappillan tas-Sorijiet Franġiskani, ir-Rabat. Hu kien Kanoniku tal-Kolleġġjata ta’ San Ġorġ, fejn qeda diversi uffiċċji, u, minkejja l-età, bħala saċerdot baqa’ jaqdi l-ministeru tiegħu ta’ konfessur għaqli u twajjeb fil-parroċċa ta’ San Ġorġ.

Fil-ħidma pastorali tiegħu tul aktar minn 60 sena saċerdozju, Dun Karm kien Direttur Spiritwali fl-iskejjel tal-Gvern (1957-1985), Lettur fis-Seminarju Maġġuri (1968-1976), Għalliem fis-Seminarju Minuri (1951-1952), Assistent Chaplain (1959-1975) u mbagħad Chaplain tax-Xirka tal-Isem Imqaddes ta’ Alla (1975-1994), Membru tal-Kummissjoni Kateketika (1970), u Konfessur tas-Sorijiet Karmelitani u Salesjani (1975-1985).

Sena wara l-ordinazzjoni tiegħu, bejn l-1952 u l-1956, Dun Karm mar jistudja Ruma, fejn iggradwa fid-Domma u fil-Liġi Kanonika mill-Università Gregorjana  u kiseb Diploma fl-Arkivistika u l-Biblijotekonomija mill-Vatikan. Fl-1967, Dun Karm ġie maħtur Kappillan tal-Papa, bit-titlu ta’ Monsinjur.

Filwaqt li nagħtu l-għomor lill-familjari tiegħu u lill-parroċċa ta’ San Ġorġ, nafdawh issa fid-dirgħajn kollha tjieba tal-Missier.

Il-funeral tiegħu se jsir għada, it-Tlieta, 12 ta’ Diċembru 2017:

2.30pm: Il-fdalijiet ta’ Dun Karm ikunu esposti fil-Kunvent tas-Sorijiet Franġiskani, fi Triq Palma, ir-Rabat.
3.30pm: Il-Kapitlu tal-Kolleġġjata ta’ San Ġorġ joħroġ mill-Bażilka ta’ San Ġorġ lejn il-Kunvent tas-Sorijiet, fejn imexxi t-talb tal-Għasar ħdejn il-fdalijiet ta’ Dun Karm, u minfejn jitlaq korteo funebri lura lejn il-Bażilika.
4.00pm: Quddiesa tal-funeral, immexxija mill-Isqof Mario Grech.RIP