Seminarju Missjunarju

UFFIĊĊJU KOMUNIKAZZJONI KURJA VESKOVILI TA’ GĦAWDEX
Stqarrija għall-Istampa [ST/03/2017]
2 ta’ Frar 2017

Fl-okkażjoni tal-mija u ħamsin sena mit-twaqqif tas-Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesù, Għawdex (1866-2016) li fih irċevew il-formazzjoni tagħhom numru sabiħ ta’ saċerdoti li qdew il-Knisja fl-artijiet tal-missjoni u fl-ispirtu tal-indikazzjoni li qed jagħtina l-Papa Franġisku ta’ Knisja li toħroġ, il-komunità tas-Seminarju ser itemm is-sena formattiva tagħha b’esperjenza missjunarja.

walk_poster1.jpg

L-għan hu li permezz ta’ din l-esperjenza tkompli tissaħħaħ l-identità tas-Seminarju bħala “seminarju missjunarju”, u jilqa’ xewqa li esprima l-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, waqt Adorazzjoni Ewkaristika li saret fis-Seminarju nhar l-4 ta’ Novembru 2016 – Jum it-Twaqqif tas-Seminarju – filgħaxija: “Dan is-Seminarju dejjem kellu viżjoni missjunarja u nixtieq li din il-viżjoni tibqa’. Nixtieq li niktbu fuq il-ħajt ta’ dan is-Seminarju li dan huwa seminarju missjunarju. Niftakru fil-kmand li ħallielna Ġesù: ‘Morru fid-dinja kollha xandru l-Vanġelu’. Din hija sfida kbira, sabiħa u stimulanti. Jekk ningħalqu – sew bħala individwi u sew bħala Knisja partikulari – inkunu nagħmlu suwiċidju. Niftakru li Knisja li tagħti, tirċievi ħafna lura”.

Bħala għajnuna għall-missjoni li s-seminaristi ser iwettqu fil-Gwatemala qed jiġu mħejjija sensiela ta’ attivatijiet ta’ ġbir ta’ fondi, l-ewwel waħda tkun mixja ta’ ħmistax-il kilometru f’Għawdex fejn kull parteċipant hu mistieden jagħti donazzjoni għal dan il-għan.

Il-programm tal-attivitajiet maħsuba sa issa huwa:

• Il-Ħadd 12 ta’ Frar 2017: Walk4Guatemala – mixja ta’ 15-il km li titlaq mis-Seminarju.
• Is-Sibt 18 ta’ Marzu: CarWash4Guatemala.
• Il-Ħadd 7 ta’ Mejju: Sunday Funday – ġurnata ta’ divertiment għall-familja kollha.
• Is-Sibt 27 u l-Ħadd 28 ta’ Mejju: Container4Guatemala – jinġabar kontejner biex jintbagħat fil-missjoni ta’ Dun Anton.
• Is-Sibt 17 ta’ Ġunju: Dine4Guatemala – ikla.
Min jixtieq aktar informazzjoni jew hu interessat li jgħin, jista’ jċempel is-Seminarju (21556479) u jkellem lir-Rettur jew lil wieħed mis-seminaristi, inkella jżur il-Paġna ta’ Facebook tas-Seminarju: Sacred Heart Seminary - Gozo. Dettalji tal-attivitajiet ikomplu jitħabbru fuq il-paġna msemmija.

F’rabta ma’ dawn l-attivitajiet inħadem logo li parti minnu huwa dak li ġie mniedi għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-mija u ħamsin sena (biex juri li din l-esperjenza hija parti mill-inizjattivi meħuda mis-Seminarju f’dan l-anniversarju), filwaqt li hemm il-kelmiet: “Seminarju Missjunarju” u taħt “#gwatemala2017”. Il-kulur tal-kliem jirreferi għall-ilwien kaħlana u bajdana tal-bandiera nazzjonali tal-Gwatemala.

Aqra wkoll: 2016-11-04-seminarju-missjunarju.pdf | 2016-10-komunikat-tar-rettur.pdf