Dalgħodu tħabbret il-mewt tal-Kan. Dun Lino Vella, saċerdot minn Ta’ Kerċem, li seħħet fl-Isptar Mater Dei, Malta.
Il-funeral tiegħu se jsir għada s-Sibt, 4 ta’ Frar 2017. Fit-2.45pm jingħad it-Talb tas-Salmi fil-Parroċċa ta’ Kerċem, u fit-3.00pm tiġi ċċelebrata l-quddiesa tal-funeral, preseduta minn Mons. Isqof Mario Grech.
Filwaqt li nagħtu l-għomor lill-familjari ta’ Dun Lino, nitolbu għalih biex issa jkompli jifraħ u jitbissem għal dejjem fil-Ġenna.
RIP
DUN LINO VELLA twieled fl-1 ta’ Ġunju 1961 u ġie mgħammed fil-Parroċċa ta’ San Lawrenz, Għawdex. Attenda l-iskola tas-Sorijiet Karmelitani u l-iskola primarja ta’ Kerċem, u wara l-iskola sekondarja Ninu Cremona fir-Rabat.
F’Settembru tal-1978 beda l-formazzjoni għas-saċerdozju fis-Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesù. Bejn l-1982-1983, matul is-sena intermedjarju, wettaq xogħol ta’ gwida fil-katakombi ta’ San Bastjan, Ruma. Ġie ordnat djaknu fit-22 ta’ Ġunju 1985 u midluk saċerdot fit-28 ta’ Ġunju 1986 mill-isqof ta’ Għawdex Nikol Cauchi.
Bejn is-snin 1986-1989 kien Ruma fejn kompla l-istudji tiegħu fil-Pedagoġija fl-Università Pontifiċja Salesjana. Fl-istess żmien wettaq ħidma pastorali fil-parroċċa ta’ San Leone Magno.
Lura Għawdex, Dun Lino ħadem prinċipalment fil-qasam edukattiv fl-iskola sekondarja li għandha l-Knisja Lokali, jiġifieri s-Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesù. Matul dawn is-snin għallem diversi suġġetti. Dun Lino kellu għal qalbu l-ħidma pastorali, b’mod partikulari fejn tidħol il-ħidma fost iż-żgħażagħ. Fil-fatt għal xi snin kien responsabbli minn din il-ħidma fil-parroċċa ta’ Kerċem. Dun Lino kien ukoll konfessur regolari fis-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu, u fil-parroċċi ta’ Sannat u l-Munxar. Barra minn hekk, kien ukoll id-direttur spiritwali tal-Għaqda Mużikali San Girgor ta’ Kerċem.
Fit-18 ta’ Settembru 2007, Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, ħatar lil Dun Lino bħala kappillan tal-Parroċċa tal-Qalb ta’ Ġesù, fil-Fontana Għawdex. Minħabba l-mard li ħakmu għall-għarrieda, Dun Lino ma setax jibqa’ jaqdi dan il-ministeru tant għal qalbu, u wara ftit xhur kellu jirtira mill-uffiċċju ta’ kappillan. Minkejja l-kundizzjoni ta’ saħħtu, Dun Lino baqa’ bniedem ċajtier, bi tbissima dejjem fuq wiċċu. Sal-aħħar baqa’ jgħin fl-amministrazzjoni fis-Seminarju Minuri u fis-servizz tal-qrar li kien jagħti, speċjalment fis-Santwarju Ta’ Pinu.