Ospitalità lir-Refuġjati

UFFIĊĊJU STAMPA KURJA VESKOVILI TA’ GĦAWDEX
Stqarrija għall-Istampa
6 ta’ Settembru 2015

NAGĦTU OSPITALITÀ LIR-REFUĠJATI

A migrant holds up a sign in front of the Keleti railway station in Budapest, Hungary, on Friday.Fid-dawl tal-Ġublew tal-Ħniena li l-Knisja qed titħejja għalih u jiftaħ f’Diċembru li ġej, il-Papa Franġisku, wara l-Angelus ta’ dalgħodu fi Pjazza San Pietru, għadu kemm għamel din il-proposta:

“Nagħmel appell lill-parroċċi, lill-komunitajiet reliġjużi, lill-monasteri u lis-santwarji tal-Ewropa kollha biex jesprimu l-konkretezza tal-Vanġelu u jilqgħu għandhom familja ta’ refuġjati.  Ġest konkret bi tħejjija għas-Sena Mqaddsa tal-Ħniena.

Kull parroċċa, kull komunità reliġjuża, kull monasteru, kull santwarju fl-Ewropa għandhom jospitaw familja, ibda mid-Djoċesi tiegħi ta’ Ruma.

Indur fuq ħuti l-Isqfijiet tal-Ewropa, tabilħaqq ragħajja, biex fid-djoċesijiet tagħhom jagħtu widen għal dan l-appell tiegħi, huma u jiftakru li l-Ħniena hi t-tieni isem tal-Imħabba: ‘Kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi’ (Mt 25:40).

Fid-dawl ta’ din is-sejħa ċara tal-Qdusija Tiegħu l-Papa, id-Djoċesi ta’ Għawdex tixtieq tfakkar fl-appell li kien għamel sena ilu l-Isqof Mario Grech fil-Festa ta’ Marija Bambina:

“Hija xewqa tiegħi bħala Ragħaj Spiritwali li l-Knisja lokali tibgħat sinjal ta’ solidarjetà ma’ dawn in-nies.  Nipproponi li kull komunità parrokkjali fid-Djoċesi ta’ Għawdex taċċetta li tilqa’ fi ħdanha familja minn fost dawn l-Insara ppersegwitati.  Kull parroċċa taddotta din il-familja u timpenja ruħha li tipprovdilha fejn toqgħod u l-mezzi biex tgħix.  Jien naf li l-poplu tagħna għandu qalb kbira u jaf ikun ġeneruż ma’ min hu fil-bżonn.  Konvint li kif insibu mezzi għal proġetti oħrajn li ma għandhomx paragun ma’ din il-proposta, nafu nsibu mezzi biex nagħmlu din il-karità; imbagħad, jekk ma nsibux mezzi, ma għandniex nibżgħu noħorġu minn ġewwa.  Jekk nilqgħu lil dawn il-persuni, inkunu qegħdin ngħinuhom jeħilsu mill-mewt.  Jien ser nikteb lill-Awtoritajiet Ċivili u lin-Nunzjatura Appostolika biex ngħarrafhom b’din id-disponibbiltà tal-Knisja lokali u nitlobhom jgħinuna f’dan il-proġett” (Bażilika tax-Xagħra, 08/09/2014).

Fil-fatt, saru xi kuntatti mal-Patrijarka Mar Louis Raphaël I Sako tal-Iraq dwar dan il-proġett u taħdidiet ma’ żewġ saċerdoti li kienu mistiedna fid-Djoċesi matul dan is-sajf, Dun Douglas Al-Bazi u Patri Rebwar Basa OAOC.

Fid-dawl tal-proposta li għamel il-Papa Franġisku dalgħodu kif ukoll tal-orjentament mixtieq mill-Pjan Pastorali Djoċesan 2013-2016, l-Isqof Grech reġa’ jappella lill-parroċċi biex fil-programmi pastorali tagħhom jagħtu prijorità lil din l-ospitalità.  L-Isqof Mario tenna li “l-ikbar ħsara li tista’ tiġrilha l-umanità hija meta titlef is-sensibbiltà umana tagħha quddiem din it-traġedja umana… meta nidraw naraw u nisimgħu bl-imwiet ta’ tant mijiet ta’ persuni li jegħrqu fil-baħar ta’ madwarna.  Wieħed jittama li l-ġisem mejjet tat-tfajjel Alyan fuq ix-xtajta ta’ Bodrum iqajjem fina, b’mod partikulari fis-soċjetà internazzjonali u fil-Knisja, kuxjenza ta’ solidarjetà”.

Sadattant, id-Djoċesi ta’ Għawdex għadha kemm waqqfet kumitat biex jikkordina ż-żjara ta’ grupp ta’ żgħażagħ mill-Iraq fis-sajf li ġej, li l-Knisja f’Għawdex ħa tospita għal perjodu ta’ żmien bħala ġest ta’ solidarjetà ma’ ħutna Nsara ppersegwitati.  Il-proposta li qed tagħmel id-Djoċesi hija li kull komunità parrokkjali tilqa’ filwaqt li toffri akkomodazzjoni lil dawn iż-żgħażagħ, u tgħinhom jikbru fit-tama li huma stess jistgħu jibnu mill-ġdid il-komunitajiet tagħhom f’pajjiżhom.  Din il-ħidma qed issir f’kollaborazzjoni mal-komunità Anglikana f’Għawdex.