Saċerdoti Għawdxin jaġġornaw ruħhom dwar kif iħejju omelija tajba

 

seminar-omiletika.jpg

Fid-Djoċesi ta’ Għawdex aktar kmieni din il-ġimgħa nżamm seminar ta’ aġġornament għas-saċerdoti dwar l-omelija.  Is-seminar ġie organizzat mill-Kummissjoni Liturġika tad-Djoċesi fid-dawl ta’ dak li jikteb il-Papa fl-Evangelii Gaudium u fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni tad-Direttorju Omelitiku li ħareġ dan l-aħħar mill-Kongregazzjoni tal-Kult Divin f’Ruma.  Is-Seminar  kien maqsum fuq jumejn – it-Tnejn 1 u t-Tlieta 2 ta’ Ġunju – u nżamm fis-Sala tas-Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Belt Victoria.

Fl-ewwel ġurnata, is-seminar ġie indirizzat minn Dun Saviour Chircop, Professur fil-Fakultà tal-Midja u x-Xjenzi tal-Għarfien fl-Università ta’ Malta, li ttratta t-tema “Meta tibda l-omelija?”.  Hu tkellem fit-tul fuq il-mod ta’ komunikazzjoni u saħaq li l-omelija għandha tgħin lin-nies jagħmlu esperjenza.  Għalhekk huma importanti anki ħwejjeġ prattiċi bħalma huma l-ambjent, l-indafa, is-skiet, il-post, id-dawl, il-mikrofonu, l-ewwel ħames minuti tal-Quddiesa… u fuq kollox li omelija tkun imħejjija tajjeb, biex tkellem lill-qalb tan-nies u mhux lill-moħħ biss!  Hu essenzjali li jkollna omeliji qosra, ħelwin u dritt għall-punt!

Fit-tieni jum, il-laqgħa ta’ aġġornament għall-kleru Għawdxi kienet indirizzata minn Patri Martin Cilia MSSP, Direttur tal-Oratorju MSSP f’Birkirkara, li tkellem fuq “X’messaġġ għandna nwasslu?”, jiġifieri l-kontenut tal-omelija.  Hu qal li s-saċerdot m’għandux ikun biss ministru tal-Kelma, imma qaddej tagħha, fdat b’din il-Kelma li biha hu juri l-wiċċ ta’ Alla lill-poplu.  Għalhekk il-problema spiss mhix tal-omelija imma ta’ kemm fidi għandna aħna u nisimgħuha, għax is-smigħ joħloq dik ir-relazzjoni essenzjali ma’ Alla.  Hu għalhekk li fit-tħejjija għall-predikazzjoni għandha tingħata prijorità lit-talb: l-imperattiv ta’ Alla “Isma’, Israel” isib it-tweġiba kollha mħabba tal-bniedem.  Hu wkoll periklu serju li jkollna Kelma vojta mill-Ispirtu, jew Spirtu vojt mill-Kelma!  Patri Martin fakkar li s-saċerdot għandu dmir jipprietka lil Ġesù Kristu u mhux dak li jogħġob lin-nies.  Kollox joħroġ mill-passjoni tiegħu għall-Kelma, u l-awtorità li jgħallem ġejja mill-fidi tiegħu.

Wara kull diskors dawk preżenti kellhom il-ħin għad-diskussjoni fuq din it-tema attwalissma.

Il-Papa Franġisku jagħfas ħafna fuq l-importanza ta’ omeliji ppreparati tajjeb.  Fit-tielet kapitlu tal-Eżortazzjoni Il-Ferħ tal-Vanġelu hu jiddedika taqsima sħiħa lill-omelija, fejn fost l-oħrajn jinsisti li “it-tħejjija għall-predikazzjoni hi ħidma hekk importanti li għandna niddedikawlha ħin itwal ta’ studju, talb, riflessjoni u kreattività pastorali” (145), għax l-Insara jistennew ħafna minnha.  Hu jipproponi wkoll li s-saċerdoti jiltaqgħu biex iħejju flimkien l-omelija tal-Ħadd, għax minn din l-esperjenza jista’ joħroġ frott aqwa.

Fi tmiem tas-Seminar, Mons. Isqof Mario Grech radd ħajr lis-saċerdoti li ta’ spiss, partikularment fil-Quddiesa tal-Ħadd, iwasslu l-Kelma.  L-Isqof appella biex is-saċerdoti jistinkaw biex ikollhom passjoni għal Ġesù Kristu u għall-bniedem; għax jekk is-saċerdot ma jkollux din il-passjoni, jirriskja li meta jfisser il-Vanġelu huwa jgħaddi lill-bniedem minn passjoni!