Omelija fil-Velja Djoċesana ta’ Għid il-Ħamsin
Knisja Arċipretali ta’ Santa Margerita, Ta’ Sannat
Is-Sibt 23 ta’ Mejju 2015
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex
Għalkemm il-profeta jgħid li Alla jsawwab l-Ispirtu tiegħu fuq “il-ħlejjaq kollha… imqar fuq il-qaddejja rġiel u nisa” (Ġoel 3:1-2), jien konvint li ħafna fil-Knisja għandhom diffikultà biex jaċċettaw din il-libertà ta’ Alla. Mhux lakemm nifhmu kif Alla kapaċi jqassam l-Ispirtu tiegħu fuq kulħadd mingħajr ma joqgħod jagħżel għal raġuni ġeografika, soċjoloġika jew ta’ twemmin.
Ladarba Alla jsawwab l-Ispirtu tiegħu fuq il-ħlejjaq kollha, dan ifisser li l-Ispirtu jasal ukoll fuq dawk li għal xi raġuni jew oħra huma “barra” mill-Knisja. Nibża’ li din il-verità tista’ tħawwad u tfixkel lil diversi, iktar u iktar jekk, kif jgħid il-profeta, l-Ispirtu ta’ Alla jaħdem ukoll fuq il-“qaddejja”. Fil-mentalità Biblika l-qaddej ma kien jiswa għal xejn. Kien meqjus bħala “skjav” u għalhekk kien imjassar, skartat u nieqes mil-libertà. Il-kundizzjoni tiegħu kienet tneżżgħu mid-dinjità umana tiegħu. Minkejja kollox, Alla jaf jixħet fuqu l-Ispirtu tiegħu. Għalhekk l-Ispirtu ta’ Alla jista’ jitkellem anki b’dawk li jinsabu fit-truf nett, u allura ma humiex minn dawk li s-soltu jpoġġu fuq quddiem; anki dawk li jistgħu jkunu mgħobbija b’xi madmad tal-ħajja jew il-kurrent ikun tefagħhom fuq in-naħa tal-iskart tas-soċjetà u tal-Knisja, jafu jkunu messaġġiera ta’ Alla!
Għalhekk sinċerament nitlob lil Alla biex jgħin lilna bħala Knisja biex ma nagħmlux reżistenzi għall-Ispirtu s-Santu li huwa preżenti fil-Knisja, imma mhux fil-Knisja biss. Dan l-aħħar il-Papa Franġisku qalilna biex ma nagħlqux lill-Ispirtu f’gaġġa u hekk nimblukkaw l-azzjoni tiegħu. Hemm bżonn ngħassu fuqna nfusna biex ma nillimitawx lill-Ispirtu s-Santu għal ċerti skemi mentali, formularji u ritwali. Jekk jiġri dan, allura ma jibqax l-Ispirtu ta’ Alla imma jsir l-ispirtu tal-bniedem. Anki l-istituzzjoni tal-Knisja trid toqgħod ħafna attenta, għax faċli li jekk ma jkunx l-Ispirtu ta’ Alla li janimaha, ikun l-ispirtu tan-nies tal-Knisja… u l-ispirtu ta’ dawn in-nies mhux l-Ispirtu ta’ Alla. L-ispirtu tal-Knisja għandu jkun l-Ispirtu ta’ Alla, imma mhux dejjem huwa hekk. Matul l-istorja ġieli l-ispirtu tan-nies tal-istituzzjoni tal-Knisja faga l-Ispirtu ta’ Alla.
Fl-Atti tal-Appostli naqraw li darba f’Ċesarija kien hemm Kornelju, ċenturjun Ruman. Dan kellu dehra ta’ anġlu ta’ Alla li talbu biex jibgħat għal Pietru li kien Ġaffa u jistiednu jiġi d-dar tiegħu. Minkejja li Kornelju kien pagan u ma kienx minn “ta’ ġewwa”, għax ma kienx jagħmel parti mill-poplu l-magħżul ta’ Alla, Pietru jasal id-dar ta’ dan iċ-ċenturjun u baqa’ dieħel “sa ġewwa”. Hemmhekk Pietru jistqarr li l-Ispirtu ta’ Alla kien qallu li għal Alla la hemm profan u anqas imniġġes… u “li Alla ma jħares lejn wiċċ ħadd imma jilqa’ lil kull min għandu l-biża’ tiegħu u jagħmel is-sewwa, ikun minn liema poplu jkun… Waqt li kien qed jitkellem, l-Ispirtu s-Santu niżel fuq dawk kollha li kienu jisimgħuh… u dawk li kienu ma’ Pietru stagħġbu kif Alla sawwab id-don tal-Ispirtu s-Santu fuq il-pagani wkoll” (Atti 10:44-45). Interessanti li Pietru “stagħġeb” li f’dan il-każ, l-Ispirtu ta’ Alla kien antiċipah – li l-Ispirtu ta’ Alla kien wasal għand Kornelju u l-familja tiegħu – fuq din ir-realtà profana u mniġġsa – qabel ma dawn ġew mgħammdin! Mhux ta’ b’xejn li anki llum ħafna ma jridux iniżżluha li l-Ispirtu ta’ Alla jaf ikun preżenti f’realtajiet profani u mniġġsa!
Verament ma kienx hemm motiv għalfejn Pietru jistagħġeb, għaliex Ġesù kien diġà tahom indikazzjonijiet preċiżi. Ġesù daħħal stil ġdid għalkollox – kien jiekol mal-midinbin, għamel il-mirakli s-Sibt, tħallat mal-pagani… Imma mid-dehra d-dixxipli ma fehmu xejn minn dan u ma ridux ibiddlu n-nuċċali, biex jibqgħu jaraw kollox skont il-mentalità u t-tradizzjonijiet li kellhom. Fi kliem ieħor kienu wisq marbutin mas-suppost ċertezzi li kellhom. Imma fil-każ ta’ Kornelju, Pietru fehem li Alla jaf jikteb dritt fuq linji mgħawġin. Għal Pietru l-qagħda tal-familja ta’ Kornelju kienet realtà li mhux biss ma kienx jixirqilha attenzjoni pastorali imma kienet ta’ min iwarrabha. Imma kien propju f’din is-sitwazzjoni profana u mniġġsa li seħħet il-“konverżjoni” – kemm il-konverżjoni ta’ familja pagana u kemm il-konverżjoni tal-qalb u l-moħħ pastorali ta’ Pietru li kien jaħseb li kien jemmen qatigħ. Hawnhekk Pietru fehem li Alla huwa wisq ikbar u qawwi mill-istess istituzzjoni; huwa għaraf li anki persuna profana u mniġġsa saret għalih “għalliema”.
Nemmen li aħna għandna ħafna x’nitgħallmu minn din il-ġrajja. Alla qed jgħidilna biex infittxu dawk il-messaġġi li qiegħed jgħaddilna wkoll minn dawk il-persuni u sitwazzjonijiet li qatt ma nimmaġinaw li jistgħu jkunu strument tal-Ispirtu s-Santu! Ma aħniex ħielsa mir-riskju li l-formazzjoni tagħna, il-ġerħat tagħna, ir-riġidità tagħna u l-inċertezzi tagħna jwassluna biex inqiegħdu lill-Ispirtu s-Santu f’gaġġa, kif kien ittentat jagħmel Pietru. Illum ukoll aħna għandna bżonn “nikkonvertu” u naċċettaw li anki llum l-Ispirtu ta’ Alla jaf ikun kreattiv u mhux konformista; huwa Alla imprevedibbli imma mhux kontradittorju. Għalhekk sewwa li nibqgħu nsejħu lill-Ispirtu s-Santu jiftħilna l-menti u l-qlub tagħna għas-sinjali tal-preżenza tiegħu li jistgħu qegħdin ’l hinn miz-zuntier f’realtajiet u stejjer li aħna niġġudikawhom bħala profani u mniġġsa. F’dawn ir-realtajiet jaf ikun hemm xi żerriegħa tal-verità (semina verbi). Aħna jrid ikollna dik il-ħila li naqraw x’inhu jgħid l-Ispirtu mhux biss fil-Knisja imma wkoll barra mill-Knisja.
Huwa fatt li qegħdin ngħixu f’kultura li kulma jmur qiegħda tinża’ l-libsa Kristjana. Illum nifhem li bil-kundanni ma aħna ser nibdlu lil ħadd; anqas ma għandna nirtiraw mill-pjazza. Imma kif jgħid Eżekjel, għandna nħallu lil Alla joħroġna mill-qabar tagħna (37:1-14). Ma nistagħġbux li għandna bżonn l-esperjenza xejn sabiħa tal-qabar u tal-mewt, għax din l-esperjenza hija obbligatorja għal min imbagħad irid jagħmel l-esperjenza tal-qawmien. It-tama Nisranija twassalna biex infittxu u naraw x’inhu jgħid l-Ispirtu ta’ Alla anki f’din il-kultura. Għax jekk l-għażliet li qed tagħmel is-soċjetà qed inisslu għadd ta’ mistoqsijiet, wara dawk l-għażliet hemm persuni li huma maħbubin minn Alla, anki jekk huma stess ma jafux – huma persuni mifdijin minn Ġesù. Jekk huma mifdija bid-demm ta’ Kristu, ma jistax ikun li dawn ma għandhom xejn tajjeb fihom. Fihom ukoll jaf ikun hemm l-Ispirtu ta’ Alla jaħdem. Il-kapaċità tagħna bħala komunità ekkleżjali hija li aħna nintebħu x’inhuma dawn l-elementi pożittivi fihom u noffru proposti pastorali biex inweżnuhom fil-mixja tagħhom.
Illum qegħdin irroddu ħajr lil Alla għad-don tal-ħajja kkonsagrata fid-Djoċesi. Nitolbu lil Alla jgħin lill-ikkonsagrati jfanndu ħalli jaraw x’għamlu l-fundaturi tagħhom meta ħallew l-Ispirtu jmexxihom. Żgur li huma qraw is-sinjali ta’ żminijiethom u l-Ispirtu s-Santu nebbaħhom biex jagħtu proposti pastorali li jwieġbu għall-ħtiġijiet tal-bniedem ta’ żmienhom. Inħeġġeġ lill-ikkonsagrati jikkultivaw id-dimensjoni profetika tas-sejħa tagħhom, għax ikun gwaj kbir jekk fil-Knisja tiġi nieqsa l-profezija. Kif nistqarru fil-Kredu, huwa permezz tal-profeti li jitkellem l-Ispirtu s-Santu. Il-persuni kkonsagrati huma meħtieġa fil-Knisja biex jgħinuna naqraw ir-realtà ta’ madwarna mhux bi kriterji soċjoloġiċi imma bil-lenti tal-Ispirtu; akar ma jirnexxielna nirrikonoxxu x’inhu jgħid l-Ispirtu lill-Knisja llum, aktar inkunu nistgħu nagħtu s-sehem tagħna b’risq ċiviltà aktar umana.