Omelija fl-Acies tal-Leġjun ta’ Marija
Rotunda ta’ San Ġwann Battista, ix-Xewkija
Il-Ħadd 15 ta’ Marzu 2015
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex
ALLA LI JIGDEM
Xi darba jew oħra kulħadd jingidem fil-ħajja. Xi drabi l-gidma tant tkun kbira u qawwija li kapaċi tħalli marka fil-bniedem; anzi, jekk tkun velenuża, gidma taf twassal għall-mewt.
Hemm dawk li ngidmu għaliex ikunu ħabbew ħafna. Xi drabi l-agħar gdim tirċevih minn min tkun daħħaltu taħt djulek jew minn dak li tkun ħlejt imħabbtek u saħħtek fuqu. Gidma ta’ din ix-xorta tweġġa’ ħafna għax qatt ma tkun tistennieha.
Imbagħad hemm dawk li ngidmu għax fdaw ħafna. Għandi f’moħħi persuna li biex tagħmel karità silfet xi flus lil persuna li ppreżentat ruħha bħala persuna fil-bżonn. Għax wera fiduċja, dak li silef ma qagħadx iqis ir-riskji u anqas fittex garanziji. Għadda ż-żmien u din il-persuna ġeneruża ngidmet waħda sew, għax min issellef mingħandha ċaħħdilha dak li bi dritt huwa tagħha.
Kemm hawn min iħossu migdum għax ikun għamel għażla ħażina, bħal dak li jkun medd għonqu għal biċċa negozju u għal xi raġuni jew oħra dan imurlu żmerċ! Mhux wieħed u tnejn ingidmu b’piżijiet finanzjarji u bid-djun.
Hemm min kien daħal f’għerusija u flimkien kienu għamlu ħafna tħejjijiet u flimkien ħolmu futur b’ħafna proġetti, imma bħal riħ bla xita kellhom iħassru l-għerusija. Żagħżugħ li ġarrab din l-esperjenza tant ħassu migdum minn dan kollu, li llum jitfi kull ħajra għaż-żwieġ li tinbet fih.
Hemm min ingidem fiż-żwieġ: mingħalih li jkun iżżewweġ mara bil-galbu u tal-affari tagħha, imma fis jinduna li tkun mara kappriċċjuża u ġerrejja; jew mara tidħol għaż-żwieġ u ftit wara żewġha jibda juriha snienu u jkun vjolenti magħha.
Imbagħad hemm min isib ruħu migdum miċ-ċirkustanzi. Għandi f’moħħi raġel isseparat minn martu li jagħmel konoxxenza ta’ mara oħra. Għall-ewwel dawn jibdew jaraw lil xulxin f’laqgħat soċjali, imbagħad forsi jiltaqgħu jieħdu kafè, u mingħajr ma jintebħu tinbet ħbiberija bejniethom li twassalhom f’qagħda li tkun irriversibbli. Darba ltqajt ma’ persuna li kienet għaddiet minn avventura bħal din u bid-dmugħ f’għajnejha qaltli: “Ingdimt”.
Niftakar f’dawk li f’ħajjithom wettqu għemil etikament u moralment ħażin u llum ma jistgħux jeħilsu mill-gidma tar-rimors li għandhom.
Dawn il-persuni li sofrew xi għamla jew oħra ta’ gdim għandhom futur? Il-ġerħa li għandhom tista’ tagħlaq, jew ser tibqa’ miftuħa, tikkankra u twassal biex jitilfu parti minn ħajjithom, jekk mhux ukoll jitilfu kull sens fil-ħajja?
It-tweġiba nsibha fid-djalogu li seħħ bejn Nikodemu u Ġesù (ara Ġw 3:1-20). L-ewwel nett Nikodemu wkoll kien bniedem migdum. Mid-dehra Nikodemu baqa’ ssummat meta ra lil Ġesù jisħon fit-Tempju ta’ Ġerusalemm għax dar Missieru kienu għamluha dar tan-negozju. Quddiem din it-tindifa tat-Tempju, Nikodemu tħawwad. Għajnejh infetħulu u ra li l-istituzzjoni reliġjuża ta’ żmienu kienet “gidmitu”, għaliex in-nies tat-Tempju kienu għamlu parodija mir-reliġjon. Huwa ntebaħ li t-twemmin Lhudi kien tħassar – aktar kienet reliġjon tal-bnedmin li titkellem dwar Alla, minn reliġjon fejn Alla jitkellem mal-bniedem. Il-qaddejja tat-Tempju ma kinux għall-qadi tat-Tempju imma t-Tempju kien għall-qadi tagħhom.
Anki llum irridu noqogħdu ferm attenti għax hemm min bħal Nikodemu jħossu migdum mill-istituzzjoni tal-Knisja. Fost dawn hemm dawk li semmejt fl-Ittra Pastorali tar-Randan – “dawk li fil-Knisja jfittxu l-ħobż (il-Kelma ta’ Alla) imma jirċievu ‘ġebla’, hemm min jixtieq jiċċelebra s-sagramenti imma ma jistax, hemm min jixtieq jara Knisja mġedda imma qed isib ħafna reżistenza… hemm min fdana imma ngidem”. Hemm dawk li fil-Knisja jfittxu l-kenn, imma jiltaqgħu ma’ min ibarrihom. Hemm dawk li ttamaw li l-komunità ekkleżjali għandha kelma li teħles, imma sabu kelma li ttaqlilhom qalbhom.
Imma hemm raġuni oħra għaliex id-diskors ta’ bejn Ġesù u Nikodemu għandu jimla bit-tama lil min hu migdum. Fil-fatt Ġesù jgħidlu li “kif Mosè refa’ s-serp fid-deżert, hekk jeħtieġ li jkun merfugħ Bin il-bniedem biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 3:14). Hawnhekk l-Evanġelista qed jirreferi għal meta l-Lhud kienu qegħdin jaqsmu d-deżert mill-Eġittu għall-Art Imwiegħda, għamlu għażliet ħżiena u sriep velenużi bdew jigdmuhom. Alla qal lil Mosè biex jagħmel serp tal-bronż velenuż, jarbulah bħal stendard biex dawk li jingidmu mis-serp, iħarsu lejh, ifiqu u jgħixu (ara Num 21:4-9). Illum fuq l-arblu minflok is-serp għandna lil Ġesù Kristu, u “kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem”. Għar-Rumani s-salib kien għelm ta’ għajb u kundanna; imma b’Ġesù merfugħ fuqu, għalina s-salib sar sinjal tal-qawwa, l-imħabba u l-miżerikordja ta’ Alla. Kif jgħid Ġesù: “Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni biex kull min jemmen fih ma jintilifix, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 3:16). Din hija l-kelma ta’ Alla u mhux xi interpretazzjoni tagħna l-bnedmin. Għal Alla kull persuna tgħodd. Minkejja l-gdim li għandna (anki jekk aħna gdimna jew aħna responsabbli tal-gdim li ġarrabna), Alla jħobb lil kull wieħed u waħda minna daqskemm iħobb lil Ibnu l-waħdieni.
Kif jgħid Jacques Maritain, il-bniedem jeħtieġ ħafna mħabba biex jgħix sewwa. Għalhekk lil kull min huwa migdum irrid infakkru li l-unika duwa li tista’ tfejqu jew tfejjaqha hija din iċ-ċertezza li Alla jħobbu. Ħarsa mistrieħa fuq Kristu msallab ma tistax ma tikkonvinċinix li Alla jħobbni. Alla ma bagħatx lil Ibnu biex jagħmel ħaqq mid-dinja, iżda biex id-dinja migduma ssalva permezz tiegħu. L-Iben ta’ Alla sar bniedem mhux biex jgħaddina proċess ħalli jiġġudikana u jikkundannana, imma pjuttost biex idewwaqna l-miżerikordja li Alla għandu għalina. Huwa biss meta nixorbu mill-bieqja li tfawwar bil-miżerikordja ta’ Alla li l-gdim, fond kemm hu fond, jibda jagħlaq.
Kull għamla ta’ gidma hija ta’ min jistmerrha, barra l-gidma ta’ Alla! Charles Peguy jikteb li Alla tagħna jigdem: “Aħna ltqajna ma’ Alla li jigdem”. Fil-ktieb tiegħu Clio, Peguy jgħid li ġaladarba s-sinna tal-Kristjanità tigdmek fil-qalb, din ma tħallik qatt. Is-sinna ta’ Alla (il-grazzja) qatt ma ser titilqek. Il-bniedem jista’ jinsa lil Alla; imma Alla qatt ma ser jinsa l-bniedem. Minn qalbi nixtieq li Alla jigdimna; għax jekk Hu jigdimna, aħna ma nigdmux, u jekk ningidmu, infiqu u ngħixu.