Bibbja f’idejn l-istudenti

L-Isqof Grech iqassam il-Vanġeli lill-bniet tas-Sekondarja

20150306_115502.jpg

Nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Marzu filgħodu, l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech għamel żjara lill-Iskola Sekondarja tal-Bniet tal-Kulleġġ ta’ Għawdex.  Flimkien ma’ xi saċerdoti huwa ċċelebra l-Ewkaristija għall-istudenti tal-ewwel sena f’din l-iskola, li matul il-ġimgħa kellhom l-Eżerċizzi tar-Randan.

20150306_121855.jpgFi tmiem il-Quddiesa, l-Isqof qassam kopja tal-Vanġeli lill-istudenti preżenti.  Hija prassi fid-Djoċesi ta’ Għawdex li ta’ kull sena l-Isqof jagħti l-Ktieb tal-Vanġelu lill-istudenti kollha li aktar tard fis-sena jkunu ser jirċievu s-sagrament tal-Griżma tal-Isqof.

Fil-messaġġ tiegħu, l-Isqof Mario ħeġġeġ lill-istudenti biex kuljum jaqraw silta qasira mill-Vanġelu ta’ Ġesù Kristu “li għandu l-qawwa jibdel ħajjitna għall-aħjar”.

Fi tmiem iċ-ċelebrazzjoni, l-Isqof irringrazzja lill-Kap tal-Iskola, Ms Teresina Buttigieg u lill-istaff kollu tal-Iskola għad-dedikazzjoni tagħhom.