L-Isqof Grech itemm il-Viżta Pastorali f’San Lawrenz

“Agħmlu l qalb, komplu ibnu l komunità madwar il Kelma”

Nhar is-Sibt li għadda, 31 ta’ Jannar 2015, festa ta’ San Giovanni Bosco, l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech temm il-Viżta Pastorali tiegħu f’wieħed mill-iċken irħula Għawdxin, dak ta’ San Lawrenz fil-punent tal-gżira.

vizta-pastorali-san-lawrenz.jpg
Il-Viżta, li fetħet uffiċjalment fit-12 tax-xahar, għal tliet ġimgħat rat lill-Isqof Grech iqatta’ bosta sigħat kull fil-għaxija jdur kull kategoriji tal-komunità ta’ dan ir-raħal, jiltaqa’ mad-diversi realtajiet spiritwali u anki soċjali tiegħu.  Għalkemm lokalità ċkejkna ta’ xi sitt mitt ruħ jew ftit aktar, San Lawrenz hu raħal soċjalment u kulturalment attiv.

Matul din il-Viżta, l-Isqof żar fost l-oħrajn id-Dar tar-ruħ twajba Dun Ġużepp Cauchi, li tinsab fil-pjazza ewlenija, fejn bierek salib ġdid li sa jibda jifforma parti minn dan il-mużew dwar dan is-saċerdot Lawrenzjan li għex ħajja qaddisa u fl-2015 qed jitfakkru s-sittin sena minn mewtu.

Hu sab il-ħin iżur ukoll il-familji li xtaqu jilqgħuh fid-djar tagħhom, kif ukoll lir-residenti anzjani u morda f’Villa San Lawrenz, fejn hemm rikoverati wkoll tliet saċerdoti.  Il-Viżta messet ukoll mal-Kappella ta’ Sant’Anna fid-Dwejra, attrazzjoni turistika li tagħmel ma’ dan ir-raħal.

vizta-pastorali-san-lawrenz2.jpg
“Agħmlu l qalb, komplu ibnu l komunità madwar il Kelma”.  Dan kien il-messaġġ aħħari li ta l-Isqof is-Sibt li għadda, fil-Quddiesa ta’ għeluq il-Viżta Pastorali f’San Lawrenz.  Hu esprima s-sodisfazzjon tiegħu li sab komunità parrokkjali ħajja u entużjasta, bil-Bxara t-tajba bħala l-fûs tagħha.

Ritratti: Noel Formosa