Iċċelebrat Jum il-Ħajja Kkonsagrata

Omelija fil-Festa tal-Preżentazzjoni tal-Mulej | Jum il-Ħajja Kkonsagrata
Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria, Għawdex
It-Tnejn 2 ta’ Frar 2015
Sena ddedikata lill-Ħajja Kkonsagrata

L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

GĦAJNEJN LI RAW IS-SALVAZZJONI

jum-il-hajja-kkonsagrata-2frar2015.jpg

Il-bniedem dejjem jistenna għax mhux lakemm iħossu sodisfatt.  X’qegħdin nistennew fil-ħajja biex inħossuna mimlija u kuntenti?  Ma nistagħġibx li ħafna huma dawk li ma għandhomx serħan, għax għandna kemm għandna, dejjem jonqosna xi ħaġa!

Meta Marija u Ġużeppi marru fit-Tempju biex jippreżentaw lil Ġesù tarbija, hemmhekk iltaqgħu ma’ Xmun.  Dan ukoll kien bħalna, tip li jistenna: ħajtu kienet stennija!  Imbagħad jum wieħed l-Ispirtu ta’ Alla nebbħu biex imur fit-Tempju, u hekk kif ħa f’idejh lit-tarbija Ġesù, Xmun qal: “Issa tista’ tħalli l-qaddej tiegħek imur fis-sliem, għax għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek”.  Fi kliem ieħor, Xmun straħ għax saflaħħar għajnejh kienu raw lil Dak li xtaqu jaraw!  Verament nixtieq li f’ħajjitna ngħixu dak il-waqt fejn nistgħu nesklamaw bħal Xmun: saflaħħar sibna Dak li jaqtgħalna l-istennija u jagħmilna kuntenti.

Marija u Ġużeppi jmorru t-Tempju biex jissodisfaw il-liġi ta’ Mosè; huma ma ntebħux li f’idejhom kellhom lil dak li jaqta’ x-xewqat tal-umanità.  Hekk ukoll jista’ jiġri lilna, minkejja li aħna “reliġjużi” – kemm fis-sens ta’ persuni li nieħdu sehem f’attivitajiet reliġjużi, u kemm b’referenza għal dawk li għamlu l-professjoni reliġjuża.  Aħna nistgħu nwettqu ritwal, imma ma nħallux lill-Ispirtu jmexxina kif mexxa lil Xmun… u jiġri li jkollna lil Ġesù ħdejna jew f’idejna u ma nindunawx li hu dak li jista’ jtemmilna xewqatna.  Forsi għalhekk ukoll għandna “reliġjużi” li jħossuhom ma humiex sodisfatti.  Għalhekk għandna bżonn għajnejn ġodda biex bħal Xmun inkunu nistgħu ngħidu li “għajnejna raw is-salvazzjoni”.

Indur fuqkom, persuni kkonsagrati (reliġjużi, membri tal-istituti sekulari u verġni kkonsagrati), għax għalija intom tixbhu lil Xmun u bil-preżenza tagħkom qed tgħidu lill-Knisja u lis-soċjetà li “għajnejkom raw is-salvazzjoni”.  Jien napprezzakom immensament, u allaħares il-preżenza tagħkom tiġi nieqsa f’din il-Knisja partikulari, għax lilna, li m’aħniex daqshekk attenti biex nindunaw bil-preżenza ta’ Kristu fostna, intom qegħdin tgħidulna li rajtu s-salvazzjoni – rajtu lil Dak li jimla l-qalb tagħna l-bnedmin.

Konvint li intom “rajtu s-salvazzjoni” għax intom rajtu s-sebħ ta’ Alla li deher fi Kristu.  Fil-fatt l-istorja tal-vokazzjoni tagħkom bdiet meta intom innamrajtu mill-ġmiel ta’ Ġesù.  Is-sbuħija tiegħu saħħritkom u ġibditkom għal warajh.  Għajnejkom tant strieħu fuqu li għalih ħallejtu kollox.

Peress li huma diversi dawk il-bnedmin li ma humiex appassjonati dwar Ġesù, l-isbaħ fost ulied il-bnedmin; peress li anki wħud minna l-Insara huma spiritwalment moxxi u bla ħajja, għax il-ġmiel ta’ Ġesù għadu ma serqilhomx qlubhom; nitlob lilkom, ikkonsagrati, biex bi kliem il-Papa Franġisku “tqajmu d-dinja” billi tgħinu lill-Knisja u lis-soċjetà jintebħu bis-sigriet tal-vokazzjoni tagħkom – intom li għajnejkom raw is-salvazzjoni.

Għaliex għajnejkom raw is-salvazzjoni, intom l-ikkonsagrati taraw fil-fond; ma tikkuntentawx b’dak li jkun hemm fil-wiċċ, imma tafu tħaffru ħafna ’l isfel.  It-tlellix ma jagħmilx bikom, imma tibqgħu tfittxu dak li huwa essenzjali.  Għandkom il-ħila tinżlu fil-profondità tal-misteru ta’ Alla u tagħkom infuskom, u għalhekk taslu biex taraw dak li ma jidhirx.  Kapaċi togħdsu fil-qalb ta’ Alla, tifhmu l-valur tat-talb.  Ma hemmx persuna kkonsagrata li ma tgħożżx it-talb bħala għodda biex tippenetra l-imħabba u l-ħniena ta’ Alla.

Aħna li qegħdin fid-dinja, inklużi aħna s-saċerdoti, ġieli nsibuha diffiċli biex nieqfu nitolbu – ħafna drabi ningħataw wisq għall-attività u ftit jew anki xejn biex noqogħdu fil-preżenza tal-Maħbub.  Min hu fil-ħajja attiva x’aktarx ma għandux is-sabar li jinżel fil-fond, u għalhekk spiss jiġrilu li jfittex dak li jidher u hekk jitlef ħwejjeġ prezzjużi li, bħall-ġawhar, normalment intellgħuhom mill-fond.  Għeżież persuni kkonsagrati, għinuna biex il-Knisja kollha tgħożż it-talb – inkella hemm ir-riskju li nkunu spiritwalment superfiċjali.

Għaliex għandkom ħarsa li tfittex fil-fond, jirnexxielkom tiksbu skala ta’ valuri korretta.  Huwa għalhekk li ħajjitkom hija mmarkata mit-taħriġ tal-kunsilli evanġeliċi.  Dan l-aħħar, saċerdot ħeġġiġni biex ngħidilkom li l-kastità, il-faqar u l-ubbidjenza għandhom valur mhux għaliex huma imposti fuqna mil-liġi tal-Knisja, imma għaliex aħna konvinti li dawn huma mezzi li jgħinuna biex bil-fatti ningħataw lil Alla.

Billi rajtu s-salvazzjoni, intom l-ikkonsagrati għandkom ħarsa li tara ’l bogħod u għalhekk temmnu li l-ħajja Nisranija, b’mod partikulari l-ħajja kkonsagrata, għandha futur.  Frott ta’ din il-viżjoni li tara u ttul fil-bogħod, il-komunitajiet tal-persuni kkonsagrati jfittxu li jagħmlu għażliet bis-sens u meqjusa fi proġett.  Bit-tħaddim bil-ferħ tal-kunsilli evanġeliċi, l-istess ħajjitkom hija profezija għalina: bil-kastità tagħkom qed tgħixu sa minn issa dak l-istat fejn la jżewġu u lanqas jiżżewġu; bil-faqar tagħkom, tgħixu sa minn issa dak l-istat fejn il-kamla ma tmermirx u lanqas il-ħallelin ma jisirqu; u bl-ubbidjenza tagħkom tgħixu sa minn issa dak l-istat fejn aħna u l-Missier inkunu tassew ħaġa waħda.

Kuntrarju għal dan l-atteġġjament, ħafna fil-Knisja jqisu biss l-immedjat jekk mhux ukoll jippreferu jibqgħu ankrati mal-imgħoddi!  Għalhekk nagħmel sejħa lill-persuni kkonsagrati biex jgħinuna ħalli l-komunità ekkleżjali tikseb viżjoni.  Jekk inħarsu ftit ’il bogħod, mhux biss inkunu ppreparati biex xejn ma jeħodna għall-għarrieda, imma “illum”, filwaqt li nitħejjew għalli ġej, inkunu wkoll inqiegħdu l-pedament tajjeb għal “għada”.  Nibża’ li fil-Knisja hemm min għandu l-vista qasira… jaraw biss sa mneħirhom.  Għinuna ngħixu fil-prospettiva tal-eternità.

Meta ngħid li għajnejn l-ikkonsagrati raw is-salvazzjoni, nifhem li intom rajtu wkoll l-umanità bis-sabiħ u l-ikrah tagħha – għajnejkom kapaċi jaraw il-bniedem fl-awtentiċità tiegħu, u għalhekk il-bniedem qaddis u midneb fl-istess waqt, il-bniedem li hu b’saħħtu kif ukoll dgħajjef.  L-istorja ta’ kull Istitut ta’ Ħajja Kkonsagrata tixhed li l-fundaturi tagħhom kellhom viżjoni ffukata fuq il-bniedem, partikularment il-bniedem fil-bżonn.  L-appostolat u l-opri ta’ karità tal-istituti ta’ ħajja kkonsagrata huma konferma ta’ dan. Filwaqt li nħeġġiġkom biex ħarsitkom tibqa’ msammra fuq il-foqra tal-lum, nitlobkom tgħinuna biex aħna nadottaw pastorali li tindirizza lill-bniedem kif inhu u mhux kif kien ilbieraħ jew kif nixtequh ikun – imma l-bniedem kif inhu!

Jekk irridu ngħinu lill-bnedmin jaqtgħu x-xewqat profondi tagħhom, infittxu ngħinuhom jiltaqgħu u jilqgħu lil Ġesù Kristu; imma din l-esperjenza ma tistax isseħħ jekk il-bniedem ma jiftaħx għajnejh u jara lil Ġesù.  Għalhekk ngħożżu u nappoġġjaw il-Ħajja Kkonsagrata, għax l-ikkonsagrati, li raw is-salvazzjoni ta’ Alla, huma dawk li qed jgħixu l-ħajja ta’ Ġesù nnifsu; lilna jxennquna u jgħinuna biex aħna wkoll naraw il-ġmiel ta’ Alla.  Bħal Xmun fit-Tempju, l-ikkonsagrati huma dawk li llum qed jippreżentawlna lil Ġesù.

 Ritratt: Toni Farrugia