L-Isqof ta’ Għawdex u l-Ministru għal Għawdex iżuru l-Wirja

Ilbieraħ filgħodu, 30 ta’ Ottubru 2014, l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech u l-Ministru għal Għawdex Dr Anton Refalo għamlu żjara lill-Wirja Għawdex: 150 Sena Djoċesi fis-Sala tal-Wirjiet tal-Ministeru għal Għawdex, il-Belt Victoria.

ftuh-tal-wirja-ghawdex-150-sena-djocesi.jpg

“Djoċesi li tat kontribut kbir lil Għawdex u lill-Għawdxin”
Il-Ministru Anton Refalo

“Matul dawn l-aħħar mija u ħamsin sena d-Djoċesi ta’ Għawdex tat kontribut kbir lil Għawdex u lill-Għawdxin”.  Dan kien kliem il-Ministru għal Għawdex Dr Anton Refalo meta ilbieraħ (il-Ħamis 30 ta’ Ottubru 2014) żar il-wirja Għawdex: 150 Sena Djoċesi li qed tittella’ bħalissa fis-Sala tal-Wirjiet tal-Ministeru għal Għawdex fi Pjazza San Franġisk, il-Belt Victoria.  Il-wirja ġiet imħejjija mill-Kumitat taċ-Ċelebrazzjonijiet u l-Kummissjoni Arti Sagra fi ħdan id-Djoċesi ta’ Għawdex bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru għal Għawdex.

Dr Refalo qal li matul dawn l-aħħar seklu u nofs, id-Djoċesi ta’ Għawdex kienet l-aktar istituzzjoni li ħalliet impatt fuq il-popolazzjoni u fuq il-gżira nfisha bil-bini u t-twaqqif ta’ knejjes, skejjel, istituti, sptarijiet u organizzazzjonijiet li joffru sostenn lil persuni bi problemi soċjali.  Il-preżenza tagħha fis-soċjetà Għawdxija ma kinitx waħda passiva, imma attiva.  Il-Ministru Refalo ħataf l-opportunità biex sellem “lill-missjunarji li qegħdin huma wkoll bl-imġiba tagħhom jagħtu xhieda barra minn xtutna tal-qalb ġeneruża tagħna l-Għawdxin”.

L-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech, preżenti għall-istess okkażjoni, faħħar l-inizjattiva ta’ din il-wirja li hi xhieda tal-kollaborazzjoni bejn Knisja u Stat f’din it-turija ta’ apprezzament lejn l-antenati tagħna li stinkaw tant biex il-Knisja lokali, li ilha preżenti għal sekli sħaħ f’Għawdex, tkompli twettaq ħidma siewja fi ħdan l-istruttura ta’ Djoċesi.  Hu kkummenta li l-Knisja llum qed taħdem f’soċjetà li qed tinbidel kontinwament, u għalhekk jeħtieġ issir iktar konxja tal-bżonn li tagħmel konverżjoni pastorali.  Flimkien ma’ ħarsa dovuta lejn l-istorja, hu kruċjali f’dan il-mument tal-istorja li nħarsu lejn il-futur, biex il-Knisja tista’ tissokta bil-missjoni tagħha, dejjem fidila lejn is-sejħa tal-Vanġelu.

F’din l-okkażjoni ġiet imnedija l-pubblikazzjoni Ordinazzjonijiet ta’ Qassisin Djoċesani Għawdxin (1864-2014) – lista ta’ tagħrif dwar 613-il saċerdot Għawdxi li ġew ordnati kemm Għawdex ilu Djoċesi.  Ir-riċerka hi ta’ Mons. Dr Joseph Bezzina, Mons. Jimmy Xerri u Francesco Pio Attard.

Dan il-ktejjeb interessanti flimkien mal-katalgu jistgħu jinkisbu mill-wirja, li tibqa’ miftuħa sal-11 ta’ Novembru, bejn it-8.30am u l-4.30pm.  Tkun miftuħa wkoll is-Sibt u l-Ħadd bejn id-9.00am u 12.00pm.