Iċċelebrat Jum Għawdex

Omelija f’Jum Għawdex
Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria, Għawdex
It-Tlieta 28 ta’ Ottubru 2014
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

INKATTRU L-KULTURA TAL-OSPITALITÀ
Il-ġemgħa li kienet tinġabar madwar Ġesù kienet magħmula minn persuni ġejjin minn reġjuni differenti – mil-Lhudija, minn Ġerusalemm u mix-xtajta ta’ Tir u Sidon (Lq 6:17).  Din il-folla multi-etnika nġabret madwar Ġesù għax kienet qiegħda tfittex it-tama – xtaqet li jkollha futur.

Nara xebh bejn il-poplu li kien ifforma ruħu madwar Ġesù u s-soċjetà Għawdxija.  Illum is-soċjetà tagħna ma għadhiex omoġenja, għaliex fostna għandna għadd ta’ barranin – qed nirreferi għal dawk ġejjin mill-Ewropa tal-Lvant kif ukoll l-immigranti li qed jaslu fostna kemm mill-Afrika u kemm mis-Sirja u l-Iraq.  In-numru sinifikattiv ta’ studenti barranin li qed jattendu fl-iskejjel tagħna huwa konferma ta’ dan.

Għalina dan huwa fenomenu ġdid li żgur ser iħalli marka fuq il-kultura tagħna l-Għawdxin; imma t-tip u l-qawwa ta’ dan l-effett jiddependu ħafna minn kif sejrin nittrattaw ma’ dawn ħutna.  Daqskemm hemm il-possibbiltajiet li nqisu din il-preżenza bħala opportunità, daqstant ieħor jeżisti r-riskju li nħarsu lejhom b’suspett jekk mhux ukoll b’ċerta stmerrija.  Għalkemm dawn il-barranin jintgħażlu minna minħabba l-kulur tal-ġilda, il-lingwa, it-twemmin, il-kultura u użanzi differenti, ma hemm xejn xi jżommna milli niċċelebraw id-diversità fl-unità.

Nemmen li bħala poplu ta’ Alla f’din il-gżira aħna msejħin biex nittrattaw lil dawn il-persuni bl-istess mod kif jirrelata magħna Alla.  Kif jikteb San Pawl, aħna ma aħniex “barranin u għorba, imma ċittadini flimkien mal-qaddisin u nies tad-dar ta’ Alla” (Efes 2:19).  Għaldaqstant l-atteġġjament tagħna ma jkunx Kristjan jekk aħna nibqgħu nagħmlu reżistenza biex lil dawn il-persuni ngħinuhom jintegraw ruħhom fis-soċjetà tagħna b’tali mod li jħossuhom “tad-dar”.  Żgur li ma hemm ebda motiv biex, imbuttati mill-biża’, inħallu tbejjet f’qalbna xi għamla ta’ rifjut jew rabja kontra dawn il-persuni.  Ħafna drabi huwa l-preġudizzju li jwassalna biex nikkonvinċu lilna nfusna u lill-oħrajn li dawn sejrin jeħdulna x-xogħol, inaqqru s-servizzi soċjali, jew li huma xi theddida għas-sigurtà pubblika.

Għalhekk huwa importanti li ngħassu fuqna nfusna biex inwarrbu kull element ta’ razziżmu, li sfortunatament xi kultant inħoss li r-riħa tiegħu  bħal timla lil imnifsejna.  Kull mossa min-naħa tagħna biex dawn il-persuni jingħataw il-ġenb u kull xorta ta’ sfruttament tagħhom, bħal meta nħaddmuhom b’rimunerazzjoni ridotta u mingħajr ma nipprovdulhom is-sigurtà soċjali, hi għażla li tfieri d-dinjità tal-persuna u rifless ta’ ċiviltà li qed titmermer u ta’ twemmin skadut.  Atteġġjament bħal dan, li la huwa uman u anqas Nisrani, żgur mhux ser jgħin għat-tisħiħ tas-soċjetà Għawdxija.

Dawn il-barranin waslu fostna għaliex qed ifittxu futur għalihom u għall-familji tagħhom.  Ma nistgħux nifgawlhom din it-tama; imma bil-mezzi limitati tagħna, irridu naraw kif nistgħu ngħinuhom ħalli jħarsu ’l quddiem b’kuraġġ u fiduċja.

Mingħandhom aħna wkoll nistgħu nitgħallmu xi ħaġa.  Il-preżenza tagħhom tista’ tgħinna l-aktar jekk nieħdu dan il-fenomenu bħala opportunità biex inkattru l-kultura tal-ospitalità u l-akkoljenza – żewġ valuri li għal ħafna snin kienu karatteristiċi distintivi ta’ ġensna.

Illum iltqajna biex nirringrazzjaw lil Alla għall-barkiet li jxerred fuq din il-Gżira tat-Tliet Għoljiet.  Din is-sena nħoss li għandna rroddu ħajr lil Alla għall-kisbiet li mal-medda tas-snin għamilna f’diversi oqsma, kemm soċjali u kulturali u kemm reliġjużi.  Fil-fatt din is-sena qegħdin infakkru l-mija u ħamsin sena mit-twaqqif tad-Djoċesi tagħna, kisba importanti li għandna nibqgħu nħarsuha b’għożża għall-futur.

Imma llum nitlob lil Alla għall-awtoritajiet ċivili ta’ gżiritna, għaliex huma wkoll għandhom f’idejhom l-għodda li jekk iħaddmuha bil-għaqal, jistgħu jibqgħu jagħnu l-kultura u l-identità ta’ dan ir-reġjun.  Il-Mulej bagħatna fi żmien meta fostna hawn din il-preżenza sinifikattiva ta’ barranin, partikularment dawk dgħajfa u foqra – persuni li ma għandhomx ġid materjali x’joffrulna, imma għandhom bagalji kulturali interessanti u fuq kollox għandhom id-dinjità umana.

Meta llum qegħdin niċċelebraw Jum Għawdex, minn qalbi nawgura li s-soċjetà ċivili, bl-appoġġ tagħna bħala Knisja, tkompli taħdem qatigħ biex Għawdex tagħna jibqa’ jgħożż il-kultura tal-akkoljenza u l-ospitalità, u hekk ma jħallix li jiġi minsus mill-kultura li tqis lil xi bniedem bħala skart.