L-Assemblea tal-Azzjoni Kattolika f’Għawdex

Omelija fil-Ftuħ tas-Sena Soċjali tal-Azzjoni Kattolika
Knisja Arċipretali tal-Madonna ta’ Loreto, Għajnsielem
Is-Sibt 25 ta’ Ottubru 2014
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

assemblea-generali-tal-ak-ott-2014.jpg

IMĦABBA SKANDALUŻA

Fil-Vanġelu naqraw li Ġesù ma jiżfinx għall-mużika li daqqewlu l-Fariżej (ara Mt 22:34-40).  Ħasbu li kien ser iweġibhom għat-ton tagħhom, imma Ġesù jwieġeb b’mod għal kollox ġdid.  Għal darba oħra, Ġesù juri kemm jaf ikun sorprendenti.  Mingħajr ma jmur kontra l-ispirtu tal-Kmandamenti, Ġesù jħossu ħieles li joffri tweġiba ġdida għal sitwazzjoni ġdida.  Flok ma jsemmi l-Għaxar Kmandamenti, Ġesù jipproponi l-kmandament ġdid tal-imħabba li huwa l-qofol tal-Għaxar Kmandamenti.

Illum aħna lesti nħallu lil Alla jissorprendina bit-tweġibiet tiegħu biex ikellimna b’mod ġdid biex aħna bħala Knisja u bħala Azzjoni Kattolika nkunu nistgħu nagħmlu proposta pastorali li tissorprendi lill-bniedem tal-lum?  Huwa fatt li xi drabi aħna ttentati li bħall-Fariżej nippreferu ntennu l-formuli tad-duttrina tal-imgħoddi.  Huwa ħafif li quddiem il-ħtiġijiet tal-lum aħna ntennu l-formuli tad-duttrina tal-imgħoddi… li nwieġbu b’espressjonijiet li kienu jaqduna lbieraħ; imma dan ftit li xejn jgħinna nikkomunikaw il-ferħ tal-Vanġelu.  Nattiraw il-qalb tal-bniedem tal-lum jekk aħna nsibu x’inhu l-qofol tal-messaġġ salvifiku ta’ Kristu u nikkomunikawh b’mod frisk li jqanqal interess.  Ma għandniex bżonn ta’ kliem iebes u ta’ kundanna biex il-bniedem jiċċaqlaq u jmidd pass ’il quddiem!

Xi wħud jistgħu jaħsbu li huwa komdu nirrepetu x’tgħid il-liġi; imma l-kelma tal-liġi għandha qawwa li toqtol l-ispirtu.  Nixtieq nara r-reazzjoni tal-Fariżew, għaref tal-liġi, quddiem it-tweġiba tal-Imgħallem.  Nistħajlu li bħal xi wħud illum, dan ħaseb li Ġesù ġie biex jeqred il-Kmandamenti u jibdel il-Vanġelu!  Mentri bit-tweġiba tiegħu, Ġesù juri x’inhi l-qalb vera tal-Missier u jnaddaf il-messaġġ minn formuli li maż-żmien flok ma swew ta’ strument biex il-bniedem jinħeles, saru piż li jxekklu.  Ma għandniex nibżgħu noħorġu l-ġdid mill-qadim.

Importanti li niżnu sewwa l-kliem ta’ Ġesù meta jgħid li l-qofol tal-liġi hija l-imħabba.  Għax jista’ jiġri li wieħed josserva l-ittra tal-Kmandamenti, imma ma jkunx iħobb; min-naħa l-oħra, jekk wieħed iħobb b’mod ġenwin, ikun jogħġob lil Alla anki jekk ma jkunx irnexxielu josserva l-ittra tal-Kmandamenti kollha.  Fil-fatt, Ġesù jgħid li l-aqwa kmandament huwa li wieħed “iħobb” (amerai).  Hawn Ġesù mhux qed jagħtina xi imperattiv; imma qed jinkuraġġixxi lill-bniedem biex jibda jħobb sakemm fl-aħħar jasal biex iħobb lil Alla b’qalbu kollha, b’ruħu kollha u b’moħħu kollu.  Il-proposta li jagħmel Ġesù tammetti ċerti gradi.  L-imħabba hija proċess li jevolvi maż-żmien.  L-imħabba tammetti diversi gradi.  Aktar ma nikbru fl-imħabba, aktar naslu biex inħobbu lil Alla b’qalbna kollha, b’ruħna kollha u b’moħħna kollu.  Għalhekk ma nistgħu niġġudikaw lil ħadd.  Għaliex jista’ jkun li anki min ma jirnexxilux jgħix ħajja li tkun taqbel mija fil-mija mal-Kmandamenti kollha, xorta jkun iħobb lil Alla.  Dak li jgħodd mhux kemm nosservaw esternament il-Kmandamenti, imma kemm nippruvaw inħobbu lil Alla.  Aħna lkoll prinċipjanti f’dan il-proċess tal-imħabba u għalhekk ma għandniex għax naqtgħu qalbna, anki jekk għalissa ma jirnexxilniex noqogħdu għall-Kmandamenti kollha.  L-importanti li nibqgħu nistinkaw biex l-imħabbba timmatura fina tant li naslu biex ħajjitna tkun tirrifletti l-valuri li hemm imħarsa fil-Kmandamenti.

Sorpriża oħra li jagħmel Ġesù hija meta jurina li Alla għandu żewġt uċuħ.  Għaliex meta Ġesù f’nifs wieħed josserva li meta wieħed iħobb lill-proxxmu jkun qisu qed iħobb lil Alla, hawnhekk Ġesù qed jgħidilna li fil-wiċċ tal-bniedem naraw il-wiċċ ta’ Alla.  Fi kliem Ġesù, il-proxxmu huwa “art qaddisa” u meta nirfsu fuqha għandna nneħħu s-sandli kif għamel Mosè meta medd riġlu fejn kien hemm l-għollieq jaqbad.  Din l-imħabba lejn il-proxxmu għandna nuruha l-aktar mal-fqir, mal-marid, mal-armla, mal-orfni u mal-barrani (ara Eż 22:20-26).  Dawn ma humiex biss kategoriji soċjali, imma jirriflettu wkoll kategoriji ta’ persuni fi ħdan il-komunità Nisranija.  Fostna għandna min hu fqir spiritwalment, min hu moralment marid u min iħossu orfni minn Alla.  Għandna wkoll min huwa konvint li huwa “barrani” fil-Knisja – jew għaliex tbiegħed jew għaliex ġie mbiegħed.  Ġesù qed jgħidilna biex inħobbu lil kulħadd għax fil-Knisja hemm post għal kulħadd.  Għalhekk, ħadd ma għandu għax jinstaram jekk il-Knisja Omm tgħidilna biex inħobbu lil dawk li għal xi raġuni jew oħra ħaddnu stil ta’ ħajja Nisranija oġġettivament imxellfa.  Hija din l-imħabba li taf tixgħel jew tħeġġeġ il-qalb ta’ ħutna għal Alla.

L-imħabba taf tkun skandaluża, fis-sens li xi ħadd jista’ jitfixkel meta jara lill-Knisja tħaddan lil kulħadd.  Aħjar inkunu ta’ skandlu għaliex inkunu ġenerużi fl-imħabba, milli nagħtu skandlu għaliex nonqsu mill-karità.

B’dawn il-ħsibijiet li qiegħed nagħmel fl-isfond tal-esperjenza li kelli fis-Sinodu dwar il-Familja, inħeġġeġ lill-Azzjoni Kattolika biex tkun miftuħa għas-sorpriżi ta’ Alla ħalli hi stess tkun ta’ sorpriża għall-bniedem tal-lum; biex tagħraf tikber u tkabbar lill-oħrajn fil-proċess tal-imħabba, u biex ma nibżgħux nagħtu skandlu għaliex inħobbu ħafna.