Ittra Pastorali fuq is-Sinodu dwar il-Familja
Jumejn ilu, il-Kardinal Vincent Nichols, l-Arċisqof ta’ Westminister fl-Ingilterra, ippubblika din l-Ittra Pastorali dwar l-esperjenza li kellna fil-ħmistax li għaddew fis-Sinodu dwar il-familja. Din l-Ittra tant togħġobni illi kieku l-Kardinal Nichols, li konna flimkien għas-Sinodu, talabni noħorġuha flimkien, kont naċċetta mingħajr ma nibdel lanqas kelma waħda. Peress li fil-fehma tiegħi din l-Ittra fiha ġabra fil-qosor ta’ dak li sar fis-Sinodu, ħassejt li nipproponiha għar-riflessjoni tagħkom.
L-Isqof Mario Grech
* * *
Għeżież ħuti f’Ġesù Kristu,
Illum nixtieq inkellimkom ftit dwar is-Sinodu Staordinarju tal-Isqfijiet li għadu kemm inżamm f’Ruma dwar it-tema tal-isfidi pastorali li qed tħabbat wiċċha magħhom il-familja fil-kuntest tal-evanġelizzazzjoni. Inħossni xxurtjat li stajt nieħu sehem f’din il-laqgħa ta’ ġimagħtejn. Sibt li kienet esperjenza għanja u kommoventi.
Forsi smajtu jew qrajtu li dan is-Sinodu kien dwar il-bidliet li jridu jsiru fit-tagħlim tal-Knisja dwar iż-żwieġ, il-ħajja tal-familja jew il-moralità sesswali. Dan m’hux minnu. Kien dwar il-kura pastorali li nippruvaw noffru lil xulxin, l-“imħabba ta’ omm tal-Knisja”, speċjalment fil-mumenti u l-esperjenzi diffiċli fil-ħajja tal-familja.
Forsi smajtu li s-Sinodu kien “telfa għall-Papa Franġisku” jew li ħareġ iddiżappuntat bir-riżultat tiegħu. Dan m’hux minnu. Fi tmiem il-laqgħa tagħna, il-Papa Franġisku tkellem fit-tul dwar il-ferħ u s-sodisfazzjon tiegħu għall-ħidma li saret. Talabna nfittxu fil-fond ta’ qalbna kif Alla messna matul dan is-Sinodu, u biex naraw jekk stajniex konna ttentati nimirħu ’l bogħod mit-tqanqil tal-Ispirtu s-Santu. Is-Sinodu, insista l-Papa, kien vjaġġ spiritwali u mhux sala tad-dibattiti.
Fil-fatt, l-istess kelma sinodu tfisser li nagħmlu mixja jew vjaġġ flimkien. Dan hu li għamilna. F’dan il-vjaġġ tagħna esplorajna l-problemi kollha li qed tħabbat wiċċha magħhom il-familja llum il-ġurnata, mill-effetti tal-gwerra, l-immigrazzjoni, il-vjolenza domestika, il-poligamija, iż-żwiġijiet inter-reliġjużi, sal-koabitazzjoni, it-tifrik taż-żwiġijiet, id-divorzju u l-qagħda ta’ dawk li temmu żwieġ validu u daħlu f’xi rabta oħra, żwieġ ieħor. L-istampa hekk wiesgħa u t-tbatija li tirrappreżenta xi kultant ħassejnieha kbira wisq.
Tajna ħarsa wkoll lejn il-ferħ kbir li hemm fil-ħajja tal-familja u l-importanza taż-żwieġ fil-qalba tagħha. Smajna rġiel u nisa miżżewġa jitkellmu fuq id-diffikultajiet li kellhom jirbħu, l-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom u l-ferħ kbir li jġarrbu fiż-żwiġijiet maturi u l-ħajja tal-familja tagħhom. Kienu mumenti ta’ tqanqil il-qalb. Minn hawn ħarġet defenizzjoni tajba tal-familja: il-familja bħala “santwarju ta’ qdusija” b’enfasi dejjem fuq il-qsim fit-talb fil-qalba tal-ħajja tal-familja.
Il-Papa Franġisku fetħilna t-triq hu. Talabna nħarsu lejn ir-realtà f’wiċċha; nitkellmu b’mod miftuħ u mill-qalb; nisimgħu lil xulxin b’umiltà u rispett. Dan hu li għamilna. Ma kien hemm l-ebda rabja, l-ebda kontestazzjoni. Kien hemm nuqqas ta’ qbil, daż-żgur. Imma hu sejħilna biex ngħixu din l-esperjenza b’serenità u fiduċja. U hekk għamilna. Kienet esperjenza mill-isbaħ tal-Knisja bħala familja u tal-Knisja, f’dan il-livell, mixħuta f’xogħol iebes biex tipprova taqra s-sinjali tal-Ispirtu s-Santu u tesprimihom fi kliem magħżul b’reqqa.
Matul is-Sinodu aħna ħdima fuq bosta dokumenti li fihom ippruvajna niġbru l-fehmiet u x-xewqat tal-parteċipanti kollha. Sa l-aħħar tas-Sinodu naħseb li rnexxielna naslu fejn xtaqna. Għalhekk is-Sinodu għalaq b’“Rapport Sinodali” li fuqu vvutajna, paragrafu b’paragrafu. Il-voti wrew, b’mod pjuttost sempliċi, fejn il-qbil kien ftit jew wisq sħiħ, u fejn ma kienx. Dan ir-Rapport issa hu l-punt tat-tluq għas-Sinodu li jmiss dwar il-familja, li sa jinżamm fi żmien sena. It-tema ta’ dan is-Sinodu li jmiss, f’Ottubru 2015, taqbad minn fejn ħallejna din id-darba: “Il-Vokazzjoni u l-Missjoni tal-Familja Llum”.
Fil-qalb tal-ħidma tas-Sinodu li għadu kemm intemm kien hemm ix-xewqa li nsaħħu u nġeddu l-prattika pastorali tal-Knisja. Ħareġ ċar prinċipju ċentrali għal din il-kura pastorali: li aħna u nippruvaw nimxu u nsieħbu lill-poplu f’sitwazzjonijiet diffiċli u eċċezzjonali, hu importanti li naraw ċar u b’umiltà l-aspetti tajbin kollha tal-ħajjiet tagħhom. Dan hu li jiġi l-ewwel. Minn hawn, nitgħallmu nimxu flimkien lejn konverżjoni u lejn it-tjieba tal-ħajja li Alla għandu għalina u li Ġesù jiftaħ għalina lkoll. Din il-viżjoni pożittiva nsibuha tul ir-Rapport kollu tas-Sinodu u nittama li żżid issawwar l-imġiba tagħna ma’ xulxin.
Dan jgħodd b’mod speċjali għall-individwi li, ngħidu aħna, iddeċidew li jgħixu flimkien barra miż-żwieġ, jew għall-Kattoliċi li qegħdin fit-tieni żwieġ. Dawn ir-realtajiet huma parti mill-vjaġġ ta’ ħajjithom, u anki jekk m’humiex skond il-mudell li l-Mulej jitlob minna, ħajjithom spiss hi mmarkata minn tjieba vera. U din hi l-bażi tal-għożża li għandu jkollna tagħhom, tal-mod kif aħna nimxu magħhom, tal-istedina li rridu nagħmlulhom, biex jersqu aktar lejn il-Knisja u jinżlu fil-fond tal-fidi tagħhom u jisimgħu b’attenzjoni s-sejħa tagħha. Dan qed ngħiduh b’kunfidenza sħiħa, għax hu fi ħdan is-sejħa tal-fidi tagħna, is-sejħa ta’ Ġesù lil kull wieħed u waħda minna, espressa fil-verità tal-Vanġelu u miżmuma b’tant għożża mill-Knisja, li jinstab l-akbar ferħ tagħna.
Intqal ħafna dwar kif is-Sinodu rrifletta fuq is-sitwazzjoni ta’ persuni tal-istess sess li jħossuhom miġbuda lejn xulxin. Ma kien hemm l-ebda suġġeriment li t-tagħlim tal-Knisja b’xi mod jista’ japprova l-idea ta’ “żwieġ bejn persuni tal-istess sess” jew li t-tagħlim tagħha dwar il-moralità sesswali għandu jinbidel. Imma kien hemm żewġ affarijiet ċari ħafna. L-ewwel hi li qatt m’għandna nidentifikaw lill-persuni skond l-orjentament sesswali tagħhom. Kull persuna hi mogħnija b’dinjità unika, kemm bħala individwu u kemm bħala Nisranija. Din id-dinjità dejjem, dejjem għandha tiġi rrispettata. It-tieni, hu tagħlim tal-Knisja li huma m’hux biss għandhom jiġu rrispettati, imma wkoll aċċettati dejjem, bi ħniena u sensittività (Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 2358). Dan it-tagħlim irid jissarraf f’għożża mimlija mħabba, fil-ħajja tagħna ta’ kuljum fil-Knisja, fil-parroċċi tagħna, u fis-soċjetà.
Imma l-Papa Franġisku mexa pass ieħor. Hu tkellem dwar “Knisja magħmula mill-midinbin… li għandha l-bibien tagħha miftuħa beraħ biex tilqa’ lil dawk fil-bżonn, niedma, u mhux biss lill-ġusti”. Hu tkellem dwar id-dmir tar-rgħajja li dejjem jilqgħu fil-Knisja lil dawk li jinsabu f’sitwazzjonijiet iebsin jew fl-inkwiet. Imbagħad dritt ikkoreġa ruħu u qal li aħna, bħala rgħajja, mhux biss għandna nfittxu li nilqgħuhom imma għandna noħorġu nfittxuhom aħna, l-istess kif għamel ir-Ragħaj it-Tajjeb ma’ dawk li kienu tbiegħdu.
Fi tmiem is-Sinodu, fid-diskors tiegħu tal-għeluq, il-Papa Franġisku qal hekk: “Għeżież ħuti, issa għad għandna quddiemna sena biex nimmaturaw, b’dixxerniment spiritwali veru, l-ideat proposti u nsibu soluzzjonijiet konkreti għal tant diffikultajiet u l-għadd kbir ta’ sfidi li l-familji jkollhom iħabbtu wiċċhom magħhom; biex nagħtu tweġibiet għal tant qtigħ il-qalb li jdawwar u joħnoq il-familji tagħna… Il-Mulej iseħibna, imexxina hu f’din it-triq, għall-glorja ta’ ismU”.
Mela dan hu li għandna nagħmlu. Nittama li f’qasir żmien inkun nista’ nqiegħed quddiemkom modi kif it-talb u r-riflessjoni tagħkom dwar dawn it-temi jistgħu jkunu kontribut lil din il-ħidma li ħa tibqa’ għaddejja fuq it-tiġdid fil-ħajja tal-Knisja, fi tweġiba għall-imħabba ta’ Ġesù li qatt ma tiġi nieqsa, taħt it-tmexxija tal-Papa Franġisku u dejjem f’għaqda miegħu.
24 ta’ Ottubru 2014
Tagħkom,
+ Il-Kardinal Vincent Nichols
Arċisqof ta’ Westminster