Messaġġ fl-Akkademja Mużiko-Letterarja
fl-okkażjoni tal-175 Anniversarju tal-Istatwa Titulari ta’ San Ġorġ
Bażilika San Ġorġ, il-Belt Victoria, Għawdex
Il-Ġimgħa 2 ta’ Mejju 2014
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex
MARTRI BIT-TBISSIMA
Darba għalliem tal-filosofija, biex ifisser lill-istudenti xi tkun contradictio in terminis, qalilhom biex imorru għand wieħed li kien jagħmel il-pasturi, Majsi tal-Għadmu, u jitolbuh jagħmlilhom statwa tad-Duluri tidħak! Għax meta tgħid li d-Duluri tidħak, tkun qed tgħid kontradizzjoni! Normalment il-bniedem ma jitbissimx meta jkun fid-dulur!
Meta llejla qegħdin nagħmlu din it-tifkira fl-okkażjoni tal-175 anniversarju tal-istatwa artistika, eleganti u devota ta’ San Ġorġ li ħarġet minn idejn Pietru Pawl Azzopardi, jiġini f’moħħi li f’din l-istatwa titulari nilmaħ mhux tant contradictio in terminis imma sinjal ta’ kontradizzjoni! Fil-fatt, fix-xbieha ta’ San Ġorġ għandna martri jitbissem. Għalkemm San Ġorġ ingħata l-martirju, il-wiċċ grazzjuż tiegħu jixgħel bit-tbissima ħelwa fuq xofftejh. Jekk mhux normali li wieħed jitbissem meta jkun fid-dulur, għaliex il-Martri ta’ Lidda għandu tbissima?
Naħseb li l-Patrun tagħna Ġorġi jitbissem minkejja t-tbatija tal-martirju għaliex iħossu konvint li Alla sabu denn li jbati għall-imħabba ta’ Ġesù. San Ġorġ jirnexxielu jwaħħad it-tbatija tiegħu ma’ dik ta’ Kristu u flimkien ma’ San Pawl jgħid: “Jien nifraħ bit-tbatijiet tiegħi minħabba fikom, għaliex bihom jiena ntemm f’ġismi dak li jonqos mit-tbatijiet ta’ Kristu għall-ġisem tiegħu li hu l-Knisja” (Kol 1:24). Għalhekk, nixtieq li xħin għajnejna jinsterqu mill-ġmiel u t-tbissima ta’ San Ġorġ, niftakru ftit f’dawk li qegħdin ibatu. Bħalkom jien naf persuni li għaddejjin minn tbatija kbira, partikularment minħabba l-mard. Kieku bħal San Ġorġ jirnexxielna ngħaqqdu t-tbatija tagħna ma’ dik ta’ Kristu, minflok ma tkun kawża li twaqqagħna fid-diqa u d-dipressjoni, toħloq fina tbissima.
Raġuni oħra għaliex jien konvint li Ġorġi tagħna huwa martri li jitbissem hija għax hu ħabb ħafna. Aħna nafu li min iħobb tassew, ibati, u min iħobb ħafna, ibati ħafna. San Ġorġ għadda mill-martirju għax kellu qalbu tad-deheb. Kieku ried, seta’ japplika r-regola “għajn għal għajn u sinna għal sinna”, seta’ għażel li jkun vendikattiv ma’ min kien aħrax miegħu, kien ħieles li jpatti lil min għamillu d-deni! Imma peress li kien jemmen f’Ġesù, għaraf jimxi fuq il-kmandament tal-imħabba – kif jgħallem Ġesù, San Ġorġ ħabb anki lill-għadu tiegħu. Għalhekk ħadd ma seta’ jisraq dik it-tbissima minn fuq fomm San Ġorġ.
Meta dawk id-dirgħajn ġolfi jerfgħu ’l fuq lil San Ġorġ u s-seħer tiegħu jimla l-pjazza, niftakar f’dak li jgħid l-Imgħallem tagħna: “Meta nintrefa’ ’l fuq mill-art, jiena niġbed il-bnedmin lejja” (Ġw 12:32). Filwaqt li nqiegħed dan il-kliem fuq fomm San Ġorġ, nawgura li xħin mill-għoli nitgħaxxqu bil-ġmiel tiegħu, niftakru li San Ġorġ, martri bit-tbissima, huwa “kontradizzjoni Kristjana”, u nitolbuh jieqaf magħna biex bħalu aħna wkoll inkunu sinjal ta’ kontradizzjoni għad-dinja tal-lum billi nibqgħu nħobbu wkoll lil min huwa xħiħ fi mħabbtu għalina. Għaliex anki jekk l-imħabba tiswielna l-martirju, aħna nemmnu li l-imħabba tagħti l-frott kif ġara fil-każ ta’ San Ġorġ.