Ilbieraħ (il-Ħadd 4 ta’ Mejju 2014), fil-Parroċċa tal-Munxar, Għawdex, inżamm l-għeluq tal-51 Kungress Djoċesan tax-Xirka tal-Isem Imqaddes ta’ Alla, li nżamm fuq il-medda tal-ġimgħa li għaddiet bit-tema “B’fomm wieħed u b’qalb waħda nfaħħru lil Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu” (Rum 15:6). Il-Kungress intemm b’korteo bl-istatwa ta’ Kristu r-Ragħaj it-Tajjeb u ċelebrazzjoni fiċ-Ċentru Parrokkjali.
Messaġġ fil-51 Kungress Djoċesan tax-Xirka tal-Isem Imqaddes ta’ Alla
Parroċċa ta’ San Pawl Nawfragu, il-Munxar, Għawdex
Il-Ħadd 4 ta’ Mejju 2014
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex
RITRATT IMĠEDDED TAL-KNISJA
Id-dixxipli ta’ Għemmaws, meta ġew wiċċ imb’wiċċ ma’ Ġesù, ma għarfuhx. Kienu jagħmluha miegħu, imma xorta waħda ma ntebħux bih. Ir-raġuni hija li dawn kellhom “ritratt antik” ta’ Ġesù u għalhekk, meta ltaqgħu miegħu “imġedded” għax qam mill-mewt, ma għarfuhx. Fil-fatt, huma ħasbu li Ġesù kien dak li juża xi setgħa politika u jeħodha kontra r-Rumani biex “jifdi” lil Israel u hekk iwaqqaf saltna ġdida. Kienu għadhom jistennew li Ġesù huwa dak li ser jagħmel xi sawt jew jaqbad ix-xabla biex jeħodha kontra dawk li ma jaqblux miegħu; kienu konvinti li Ġesù kien ser jitfa’ ’l barra lil dawk li kienu kontra tiegħu. Ma setgħux iniżżluha li Ġesù ma jirribellax quddiem dawk li tawh il-Passjoni. Peress li kellhom dan “ir-ritratt antik” ta’ Alla li kien dejjem minn fuq u rebbieħ, qatt ma setgħu jifhmu kif Ġesù kien ser jiċċekken daqshekk li jieħu l-mewt tas-salib u hekk skont il-kriterji tagħhom jidher tellief! Minħabba dawn ir-raġunijiet u oħrajn, id-dixxipli ma ntebħux li Ġesù kien ħdejhom ħaj.
Illum ukoll hemm ir-riskju li xi Nsara jiġrilhom bħad-dixxipli ta’ Għemmaws – peress li għandhom “ritratt antik” ta’ Ġesù, għajnejhom jibqgħu magħluqa għall-preżenza ġdida tiegħu. Fil-fatt għadni niltaqa’ ma’ Nsara li jemmnu li Ġesù huwa l-“ġustizzier” li għandu “jikkastiga” lill-ħażin. Iktar iħossuhom komdi bl-idea ta’ Ġesù l-argużin milli t-tabib li jrid ifejjaq il-marid u jagħti l-ħajja lill-mejtin. Huma familjari aktar ma’ Ġesù sultan milli ma’ Ġesù qaddej. Hemm min huwa konvint li l-ħbieb ta’ Ġesù huma biss dawk li huma perfetti u għalhekk ma hemmx spazju għal min hu inqas perfett. Hemm min jidhirlu li Ġesù ma jimpurtahx minn dawk in-nagħaġ li ntefgħu lura jew intilfu. Uħud bħal donnhom jiskandalizzaw ruħhom quddiem il-ħniena infinita ta’ Alla. Oħrajn jitfixlu meta jaraw lil Ġesù jidħol u joqgħod għand il-midneb.
Ma neskludix li propju minħabba dan “ir-ritratt antik” li jgħożżu dawn l-Insara żeloti, ikun hemm min jitnaffar u jitlef kull interess f’Ġesù veru li wara l-Qawmien mill-mewt ma jiqafx joffri l-paċi tiegħu, jindiehes mal-ħbieb tiegħu u fl-aħħar jibgħathom ixandru l-bxara t-tajba u jaħfru d-dnubiet.
Nibża’ li min għandu “ritratt antik” ta’ Ġesù, għandu wkoll “ritratt antik” tal-Knisja. Fil-fatt hawn min għadu joħlom bi Knisja tal-imgħoddi – Knisja b’poteri temporali, xi qawwa dominanti fis-soċjetà (qawwa numerika, ekonomika, morali u politika), Knisja awtoreferenzjali, magħluqa u medhija fiha nfisha. Ma nistagħġibx li min għandu dan ir-ritratt antik tal-Knisja jitfixkel meta jiltaqa’ mal-Knisja li temmen li l-mandat tagħha huwa li twassal “ir-ritratt ġdid” ta’ Kristu u mhux tant il-liġijiet!
Esponent ewlieni tal-Knisja tal-lum huwa l-Papa Franġisku, li jgħid li jippreferi Knisja miġruħa, feruta u maħmuġa għax toħroġ fit-toroq, milli Knisja marida bl-għeluq u bil-kumdità taċ-ċertezzi li magħhom hi ggranfata. “Ma rridux Knisja moħħha li hi fiċ-ċentru u tispiċċa magħluqa f’taħbila ta’ ossessjonijiet u proċeduri. Jekk hemm xi ħaġa li bir-raġun kollu għandha tinkwetana u tħassibna fil-kuxjenza tagħna hi li tant minn ħutna qed jgħixu mingħajr il-qawwa, id-dawl u l-faraġ tal-ħbiberija ma’ Ġesù Kristu, mingħajr komunità ta’ fidi li tilqagħhom għandha, mingħajr ebda xefaq ta’ sens u ta’ ħajja. Iktar milli l-biża’ li niżbaljaw, nittama li dak li jħarrikna jkun il-biża’ li ningħalqu fl-istrutturi li jagħtuna protezzjoni falza, fin-normi li jibdluna fi mħallfin bla ħniena, fid-drawwiet li fihom inħossuna trankwilli, waqt li hemm barra hemm folla kbira mġewħa u Ġesù li qed itennilna bla heda: ‘Agħtuhom intom x’jieklu’” (ara Evangelii Gaudium, 49).
Dan huwa r-ritratt li jien għandi tal-Knisja. Hija din il-Knisja ta’ Kristu li nemmen li għandi ndewwaq lill-oħrajn. Hija din il-viżjoni ta’ Knisja li timbuttani biex meta nemmen li jkun il-waqt, inwassal il-Bxara t-tajba ta’ Kristu. Ħadd u xejn ma hu ser ixekkel il-libertà tal-appostlu konvint li huwa msejjaħ biex ikun kanal tal-imħabba ta’ Alla għall-bnedmin u li ta’ dan biss irid jagħti kont.