Jum il-Ħaddiem - Messaġġ tal-Isqof Mario Grech

Messaġġ fil-Festa ta’ San Ġużepp Ħaddiem

Knisja Arċipretali tal-Immakulata Kunċizzjoni u San Ġużepp, il-Qala, Għawdex
Il-Ħamis 1 ta’ Mejju 2014
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex


san-guzepp-qala.jpgIl-proċess ta’ sekularizzazzjoni, li jifred il-“professjonaliżmu”, ir-responsabbiltà tat-tmexxija u t-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-qasam tax-xogħol minn kunsiderazzjonijiet ta’ natura etika u morali, qed ikun evidenti fir-realtajiet ekonomiċi tad-dinja moderna.  Pajjiżna, li ma jistax jgħix u jimxi ’l quddiem  f’iżolament mill-bqija tad-dinja, ukoll qed ikollu jħabbat wiċċu mal-isfida li fil-qasam tad-dinja tax-xogħol jikkumplimenta l-aspett tat-tmexxija  u t-teħid ta’ deċiżjonijiet, b’kunsiderazzjonijiet li jħarsu d-dinjità umana.  Aħna wkoll għandna l-isfida ta’ kif nistgħu nimxu ’l quddiem fil-qasam ekonomiku mingħajr ma nkasbru d-dinjità umana u l-ġid komuni tas-soċjetà.

Ninnutaw b’sodifazzjon kif, bil-kontribut ta’ sieħba soċjali, speċjalment tal-Unions, qed tingħata attenzjoni lill-ġlieda kontra l-isfruttament ta’ dawk l-aktar vulnerabbli fil-qasam tax-xogħol.  L-isforzi li qed isiru biex insibu risposta għall-prekarjat u forom kuntrattwali oħra ta’ impjieg li mhux dejjem jilħqu tqassim ekwu tal-frott li jiġi mal-ħidma ekonomika, huma ta’ min jinkuraġġihom.  Dan l-impenn għandu jiġi sostnut bil-kontribut tal-imsieħba soċjali, biex jinstabu risposti li jindirizzaw realtajiet kuntrattwali fil-qasam tal-impjiegi li jinsab għaddej minn tibdil kontinwu.  Importanti wkoll li jiġi sostnut l-isforz biex jinħoloq spazju fejn il-membri tal-familja jkunu jistgħu jikkontribwixxu għal ħolqien ta’ ġid mingħajr ma tiddgħajjef il-kwalità ta’ ħajja li jgawdu l-membri li jiffurmaw dawn il-familji.

Nifhmu li f’dinja globalizzata, il-pressjoni biex insegwu mudelli ta’ produzzjoni u tqassim tal-ġid materjali hi waħda reali u serja.  Inutli nippretendu li din il-pressjoni ma teżistix; imma jkun verament traġiku jekk ma nsostnux dawk il-valuri umani u spiritwali li jagħtuna dinjità li tirrifletti l-pjan ta’ Alla għall-bniedem.

L-istorja riċenti tgħallimna li meta l-bniedem fada fil-qawwa għamja u fl-id inviżibbli tas-suq, kotrot l-inġustizzja!  Meta l-valur tal-profitt ma tpoġġiex fuq pedament sod ta’ prinċipji etiċi u morali, il-kilba għall-qligħ illeċitu ħolqot ħafna tbatija fost dawk l-aktar dgħajfa ekonomikament.  Xieraq għalhekk li niżnu sewwa l-kliem tal-Papa Franġisku meta jgħid li biex tikber il-ġustizzja hemm bżonn xi ħaġa iktar milli tikber l-ekonomija, anki jekk isserraħ fuqha, għax titlob deċiżjonijiet, programmi, mekkaniżmi u proċessi li jkunu speċifikament orjentati lejn tqassim aħjar tad-dħul tal-flus, lejn il-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ xogħol, lejn promozzjoni sħiħa tal-foqra li tmur lil hemm mis-sempliċi servizzi ta’ għajnuna.  M’aħniex nipproponu xi populariżmu irresponsabbli, imma l-ekonomija ma tistax tibqa’ tfittex soluzzjonijiet li huma bħal velenu ġdid, bħal meta tippretendi li tgħolli l-livell tal-profitti billi ċċekken is-suq tax-xogħol u b’hekk toħloq iktar esklużjoni (ara Evangelii gaudium, 204).

Għaldaqstant għandna nsostnu dawk l-isforzi biex il-frott li jħalli x-xogħol jitqassam b’mod ekwu u li jirrispetta l-bżonnijiet fundamentali tal-ħaddiem.  Inħeġġeġ ukoll biex jissaħħu dawk il-policies li jġibu ’l quddiem id-drittijiet tal-ħaddiema, li jiżviluppaw id-dimensjonijiet ekonomiċi, kulturali, etiċi u morali tagħhom, u biex jittaffa l-kunflitt bejn il-ħerqa li ntejbu l-kundizzjoni individwali tagħna u l-bżonn li jkompli jiġi mħares il-ġid komuni.