Il-President ta’ Malta żżur Dar l-Arka

ID-DIMENSJONI SOĊJALI TAL-IMĦABBA NISRANIJA

Omelija tal-Isqof Mario Grech
Quddiesa f’Dar Arka fl-okkażjoni taż-Żjara tal-E.T. il-President Marie Louise Coleiro Preca
Is-Sibt, 5 ta’ April 2014

l-isqof-grech-jipprezenta-bandiera-maltija-lill-president-ta-malta.jpg
Ir-rakkont tal-mewt ta’ Lażżru jfakkarna fl-intiena ta’ mewt li xi drabi tagħlqilna mnifsejna! Mhux qed nitkellem dwar il-mewt fiżika imma dwar dak kollu li kapaċi jnaqqar jew jgħakkes il-ħajja umana. Fil-ħajja lkoll ġarrabna waqtiet ta’ mewt; anzi ġieli jaqa’ bħal għamad fuq għajnejna u bl-iżball tagħna nkunu aħna stess li nnaqqru jew ngħakksu ħajjet ħaddieħor! Nagħti xi eżempji.

Il-faqar inaqqas serjament il-kwalità tal-ħajja. Min ifaqqar ikun il-kaġun li ħaddieħor jibda nieżel fil-qabar. Soċjetà li flok ma tgħin fil-ġlieda kontra l-faqar, tkompli tkattar il-faqar, hija soċjetà omicida.

Min bla kuxjenza jmexxi d-droga ikun qiegħed jiżra’ l-mewt. Sieħba f’dan id-delitt huma dawk li jagħlqu għajnejhom biex jippermettu li dan in-negozju jistagħna.

Id-diversi għamliet ta’ inġustizzja jikkawżaw ġerħat fil-vittma u fis-soċjetà. Aktar ma l-inġustizzja tkun gravi jew istituzzjonalizzata, aktar taf tkun fatali d-daqqa.

Kull xorta ta’ abbuż fiżiku, emozzjonali u sesswali fuq il-bniedem, partikularment fuq il-minuri, jagħmel sfreġju fuq il-bniedem. Min jista’ jagħmel xi ħaġa biex dawn l-abbużi ma jibqgħux isiru u jibqa’ passiv, ikun hu wkoll responsabbli tat-tixrid ta’ kultura tal-mewt.

L-għadu tal-mewt hija l-imħabba
Quddiem din l-esperjenza tal-mewt, il-proposta tan-Nisrani hija l-proposta li joffri Kristu: l-imħabba. L-aqwa għadu kontra l-mewt hija l-imħabba. Jien ma ngħirx għal Lażżru għax kien mejjet u reġa’ ħa l-ħajja; imma ngħir għalih għaliex hu kien “maħbub” – kien jgħix f’kuntest ta’ mħabba. Mhux biss kien maħbub minn ħutu Marija u Marta, li meta marad bagħtu jsejħu lil Ġesù biex ifejqu, imma San Ġwann jgħidilna li “Ġesu kien iħobbhom lil Marta u lil oħtha u lil Lażżru”. Jekk Ġesù kien il-ħabib ta’ Lażżru, dan ifisser li Lażżru kellu lil Alla ħabib tiegħu! Kien frott ta’ din l-imħabba u din il-ħbiberija li mbagħad Lażżru seta jegħleb il-mewt. Anke aħna llum nistgħu nnaddfu l-arja inkwinata bir-riħa tal-mewt, jekk wara li nikkonvinċu ruħna li aħna l-maħbubin ta’ Alla, ikollna l-qawwa li nxerrdu l-kultura tal-imħabba.

Hemm diversi modi kif nistgħu npoġġu fil-prattika din il-kultura tal-imħabba. Per eżempju, il-ġenerożità tagħna ma’ dawk li huma fil-bżonn tassew. Huwa fatt pożittiv li ġensna għandu qalb kbira u kull meta saritlu sejħa biex jgħin, għaraf ikun karitattiv u solidali. Ilkoll nafu kemm il-Presidenza ta’ pajjiżna għandha għal qalbha il-Community Chest Fund, li grazzi għall-ġenerożità tal-poplu tagħna qatt ma jitbattal. Tajjeb li din il-qalb ġeneruża tagħna tibqa’ tħabbat biex timla bid-demm tal-ħajja dawk l-arterji li qed jinxfu!

Imma mbagħad inħoss li rridu ngħaddu għal livell ogħla ta’ ġenerożità: li flok ma noffru oġġetti b’karità, ngħinu lill-bniedem jemmen iktar fih innifsu, jagħraf il-ħiliet tiegħu u ngħinuh jitħarreġ fihom biex imbagħad ikun jista’ jieqaf fuq saqajh waħdu. Sistema assistenzjali taf toħloq dipendenzi u dan ma jgħinx biex il-bniedem jikseb id-dinjità li tixraqlu. Anke jekk it-triq biex negħlbu din il-mentalità assistenzjalista hija għat-telgħa, ma għandniex naqtgħu qalbna minnha.

Ma hemmx imħabba vera jekk ma jkunx hemm ġustizzja. Kif jgħallem il-Papa Pawlu VI, il-ġustizzja hija l-ewwel triq tal-karità. L-imħabba konkreta lejn il-bniedem, partikularment lejn il-fqir li fih il-Knisja tara lil Kristu, issib l-aqwa espressjoni tagħha fl-impenn biex ikollna soċjetà aktar ġusta. F’dan il-kuntest, nixtieq insemmi żewġ aspetti tal-ġustizzja.

Għandu jkun hemm użu meqjus u għaqli tal-fondi pubbliċi. Sfortunatament teżisti l-mentalità żbaljata li wieħed jista’ japprofitta mill-fondi tal-Istat. Xi drabi jaf ikun hemm ħela fil-mod kif jintużaw il-fondi pubbliċi. Anzi, hemm min għandu l-ħila jressaq proġetti jlellxu biex jikseb fondi pubbliċi meta mbagħad dawn mhux dejjem jissarrfu f’servizzi lin-nazzjon! Titjir ta’ dawn il-fondi pubbliċi jfisser inqas fondi biex titkattar il-kultura tal-ħajja bil-konsegwenza li l-faqar joktor. Tħaddim irresponsabbli tal-fondi pubbliċi jġib miegħu d-dmir morali tar-restituzzjoni.

Il-ġustizzja titlob li ċ-ċittadini kollha jikkontribwixxu b’mod ekwu biex l-Istat ikun jista’ jieħu dawk il-miżuri soċjali meħtieġa biex inaddaf ir-riħa tal-mewt li semmejt aktar ’il fuq. Għalhekk l-imħabba vera titlob li kull wieħed minna jagħti s-sehem tiegħu fil-kaxxa tar-Repubblika. L-evażjoni tat-taxxa hija dnub gravi! U kull ħidma min-naħa tal-Awtoritajiet Ċivili biex jikkoreġu din l-evażjoni tat-taxxa għandha ssib l-appoġġ ta’ dawk ta’ rieda tajba. Hija ħasra li filwaqt li ħafna huma attenti dwar x’ser jieħdu mingħand l-Istat, mhux dejjem hemm riflessjoni dwar kif nistgħu nikkontribwixxu għall-fondi pubbliċi. Anzi, xi drabi hemm min għandu l-ħila li jsib pretest legali biex niġġustifikaw eżenzjoni mit-taxxi dovuti. Huwa fatt magħruf illi kieku s-sistema tal-ġbir tat-taxxa tkun rispettata, kieku l-Istat jiddisponi minn aktar fondi biex jaqdi liċ-ċittadin.

Filwaqt li din ir-riflessjoni naqsamha mal-poplu ta’ Alla kollu, nafdaha wkoll lilek, Eċċellenza President tar-Repubblika, fl-uffiċċju li lbieraħ kien afdat lilek bħala l-għassies tagħna. Jien li nafek, inħossni komdu npoġġi fuq fommok u f’qalbek dik il-frażi li Ġesù qal lill-familja ta’ Lażżru: “Jien il-qawmien u l-ħajja!” Iva, int li għandek għal qalbek lil kull bniedem, speċjalment lill-fqir, u li għandek tant premura biex tnaddaf l-arja tagħna mir-riħa tal-mewt, int tista’ ttenni quddiem din il-familja Maltija u Għawdxija dan l-istess kliem: jien irrid inkun il-qawmien u l-ħajja tagħhom. Nitolbok tibqa’ tindirizza l-kuxjenza nazzjonali tagħna biex ma thediex tistinka biex tagħmel tagħha l-virtù u l-valur tal-imħabba li għandha l-qawwa tegħleb kull forma ta’ mewt. Flimkien miegħek irridu naħdmu biex inneħħu l-ġebla minn fuq il-qabar ħalli lill-bniedem mejjet ngħinuh jieħu l-ħajja… inneħħu l-faxex li qed ifixklu lill-bniedem li ħajtu hija mnaqqra jew magħkusa, biex flimkien niżfnu ż-żifna tal-ħajja.