Via Sagra Djoċesana fuq l-Għolja ta’ Għammar

Ilbieraħ, il-Ħadd 6 ta’ April 2014, Mons. Isqof Mario Grech, akkumpanjat minn diversi familji, mexxa l-Via Sagra Djoċesana fuq l-Għolja ta’ Għammar.

“Il-kelma ta’ Ġesù tagħti l-ħajja lill-bniedem” – L-Isqof Grech

Il-Via Crucis Djoċesana fuq Ta’ Għammar bi ħsibijiet tal-Papa

“Il-kelma ta’ Ġesù mhix kelma li ssallab lill-bniedem, imma li tagħtih il-ħajja”.  Hekk qal l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech fi tmiem il-Via Sagra Djoċesana li nżammet il-bieraħ il-Ħadd (6 ta’ April) filgħaxija fuq l-Għolja Ta’ Għammar, quddiem is-Santwarju Ta’ Pinu f’Għawdex.

Il-meditazzjonijiet ta’ din is-sena kienu meħudin mid-diskorsi u l-omeliji tal-Papa Franġisku, u huma ppubblikati fi ktejjeb li jista’ jinkiseb mis-Santwarju.

Fil-mixja matul l-erbatax-il stazzjon tul it-triq li tieħu għal fuq l-għolja tant popolari mal-pellegrini, l-Isqof Grech kien akkumpanjat mill-kappillani Għawdxin u diversi familji, rappreżentanti tal-parroċċi, flimkien ma’ għadd ta’ saċerdoti u Nsara tad-Djoċesi.  L-istatwi tal-irħam li jirrappreżentaw il-mixja tat-tbatija li Ġesù mexa lejn il-Kalvarju għall-okkażjoni kienu mixgħula bi dwal differenti.  Il-qari tal-meditazzjonijiet kien jalterna ma’ kant mill-Kor Stella Maris (dir. Carmel P. Grech) u mill-kantant popolari Mario Caruana.

F’talba spontanja qabel ta l-Barka Ewkaristika fi tmiem il-Via Crucis, l-Isqof Grech talab biex il-Kelma Msallba – b’riferenza għal Kristu – issib fina art tajba f’dawn il-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa li ġejjin fuqna ħalli, kif jgħid l-Appostlu Pawlu, aħna wkoll insiru kelma miktuba fiż-żmien tal-lum.  “Inkella bħala Knisja nirriskjaw li l-kliem tagħna jibqa’ vojt u rħis u ma jolqotx il-qlub”, temm jgħid l-Isqof.

Il-Via Sagra kienet imxandra dirett fuq Radju Marija u rrekordjata wkoll minn stazzjon tat-televiżjoni lokali.

Ritratti: Joseph Xuereb
viasagra2014-img_8523.jpg

viasagra2014-img_8554.jpg

viasagra2014-img_8576.jpg

viasagra2014-img_8655.jpg