Ħelsien minn kull forma ta’ jasar
Sintesi tal-omelija tal-Isqof Mario Grech waqt quddiesa pontifikali li saret fil-KonKatidral ta’ San Ġwann, dalgħodu, il-Ħamis 12 ta’ Lulju 2012, fl-okkażjoni tal-Police Day.
“Fis-soċjetà affluenti tal-lum il-bniedem qed iħossu awtosuffiċjenti u għalhekk qed iwarrab lil Alla mill-ħajja privata u pubblika. Kif jikteb Dostoevsky, il-bniedem li ma jibżax minn Alla, ibeżża’, għax dan jasal biex jagħmel kollox. Huwa fatt li llum kotru l-inġustizzji, tferrxet aktar l-immoralità, u l-politika, li suppost hija arti nobbli, tħammġet ħafna! Aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed tiżdied l-infedeltà tal-bniedem lejn Alla, lejn il-verità, lejn il-prinċipji li jistqarr li jħaddan u lejn l-istess bniedem!
Quddiem din ir-realtà etikament dekadenti, Alla xorta jibqa’ jinteressa ruħu mill-bniedem u kultant żmien jibgħatlu lill-profeta biex jgħinu jikseb il-ħelsien mill-forom ġodda ta’ jasar. Fost dawn l-għamliet ta’ jasar insemmi erbgħa:
(1) is-suq tad-droga, li qed joħloq sitwazzjonijiet diżastruzi u f’ċerti kazi jwassal lil xi whud fil-qabar. Min jaf li qed isir dan it-traffikar tad-droga u, flok ma jintervjeni biex iwaqqfu, jiddefendi jew saħansitra jgħin, qiegħed jikkopera f’dawn l-omiċidji!
(2) Il-prattika tal-użura, li qed tneżża, lil ħafna kemm mill-ftit li għandhom kif ukoll mid-dinjità umana tagħhom. Il-vittmi tal-użura ma jistgħux jiftħu fommhom għax ħajjithom hija mhedda serjament. Nuqqas ta’ azzjoni drastika mill-awtorità biex tkun indirizzata din il-pjaga soċjali kiefra li qed tifni lil ħafna jfisser li qed nittolleraw li min hu bla kuxjenza jkompli jsoff id-demm tal-vittmi!
(3) Jekk ir-razziżmu jibqa’ jerfa’ rasu ser tiggrava d-diskriminazzjoni kontra dawk il-bnedmin li għandhom ġilda samranija! Li s-soċjetà tammetti l-isfruttament, il-moħqrija u l-emarġinazzjoni ta’ persuni ta’ kulur hu jasar modern!
(4) Jekk tixxellef il-fiduċja fl-istituzzjonijiet tal-ġustizzja u f’dawk li huma l-kustodji tal-ħarsien tal-prinċipju tal-legalità, tkompli tinfetaħ it-triq tal-anarkija!
Il-profeta li llum irid jgħin lis-soċjetà toħroġ minn dan il-jasar għandu jerġa’ jfakkar liċ-ċittadini fil-“Kmandamenti t’Alla”. Għalkemm jinsabu fil-Bibbja, essenzjalment dawn mhumiex normi konfessjonali, imma huma l-ground norm jew il-liġi naturali li tofri l-qafas ta’ kull leġiżlazzjonni pożittiva meħtiega biex ikun hemm ordni soċjali ġust.
Il-Korp tal-Pulizija għandu din il-missjoni “profetika” fis-soċjetà! Irrodd ħajr lil Alla għall-membri tal-Forzi tal-Ordni fil-pajjiż, li fil-parti l-kbira tagħhom huma persuni iddedikati u leali mhux biss lejn l-Istat imma wkoll lejn dak li huwa sewwa u ġust. Id-dixxiplina hija meħtieġa, imma kif jgħid il-Profeta Ħosegħa (fil-qari tal-lum), din m’għandhiex tkun imsieħba la mill-korla u lanqas mill-ispirtu ta’ qerda jew vendetta, imma mill-imħabba!