Tislima lil Dr Ċensu Tabone
F’ċerimonja qasira imma sinifikattiva, li saret (ilbieraħ, is-Sibt 17 ta’ Marzu 2012) fit-Tokk tar-Rabat, Għawdex qabel ma l-korteo bit-tebut ta’ Dr. Ċensu Tabone telaq lejn iċ-ċimiterju ta’ Santa Marija fejn saret id-difna, l-Isqof Mario Grech mexxa mumenti ta’ talb u sellem lil “Ċensinu”.
“Iltqajna fit-“Tokk” ta’ gżiritna biex aħna l-Għawdxin nagħtu l-aħħar tislima lil ħuna Dr. Ċensu Tabone, President Emeritus tar-Repubblika.
Fis-soċjetà tagħna hawn vojt u issa bil-mewt ta’ Ċensinu dan il-vojt kiber! Ċensinu kien tabib u politiku. Kemm ix-xjenza kif ukoll il-politika huma żewġ dixxiplini kbar u nobbli fin-nisġa tal-istorja tal-bniedem. Bħala wieħed min-nissieġa tal-istorja ta’ ġensna, Ċensinu mhux biss niseġ sewwa imma niseġ b’ħajta tad-deheb! Din il-ħajta tad-deheb huma l-valuri umani. Ta’ Kristjan konvint li ħaddan l-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu, Ċensinu kien għani f’dawn il-valuri. Huwa emmen fihom, ipproponihom u ddefendihom. Sfortunatament l-istorja li qegħdin niktbu llum mhux biss hija nieqsa minn din il-ħajta tad-deheb, imma saħansitra hija mżarrta!
Filwaqt li rroddu ħajr lil Alla li mill-ħamrija ta’ din il-gżira tat-Tliet Għoljiet nibbet il-ħajja ta’ Ċensinu – u llum qegħdin irroddu l-fdal tiegħu lill-istess ħamrija –, wieħed jawgura li l-memorja ta’ dan l-Għawdxi li għamel ġieħ lilna u lin-nazzjon, tqanqal lix-xjenzati u lill-politiċi ta’ żminijietna biex, filwaqt li qed jinsġu ċ-ċiviltà tagħna, ma jinsewx il-ħajt tad-deheb li Ċensinu kellu fil-ħażna tiegħu”.