Konferenza djoċesana dwar il-Familja

IRRODDU LURA Ċ-ĊITTADINANZA LILL-FAMILJA

Nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Jannar 2012 filgħaxija l-Kummissjoni Familja tad-Djoċesi t’Għawdex organizzat Konferenza Djoċesana bit-tema “Familja soda, soċjetà b’saħħitha”. Fid-diskors tiegħu l-Isqof Mario Grech wassal dan il-messaġġ:

“Huwa fatt li l-familja saret sfida diffiċli mhux biss għall-Knisja imma wkoll għas-soċjetà tagħna. Ħafna jiddependi mill-għażliet tagħna llum jekk din l-isfida tintrebaħx jew tintilifx. Mistoqsija importanti li hemm bżonn nagħmlu hija jekk aħniex ser nibqgħu inħarsu lejn il-familja bħala istituzzjoni soċjali li għandha damma ta’ drittijiet u dmirijiet – istituzzjoni li s-soċjetà tirrikonoxxilha ċ-ċittadinanza!

Huwa minnu li kull ma jmur l-Ewropa, kemm bħala entità politika kif ukoll kulturali, qed issib diffikultà kif tirrelata mal-familja. Kien hemm żmien meta l-Unjoni Ewropea kienet turi interess ġenwin fil-familja; imma mbagħad bidlet ir-rotta! Ċediet għall-pressjoni ta’ xi gruppi u bidlet in-nuċċali, tant li llum l-Ewropa saret issib diffikultà li tqis il-familja bħala oġġett-suġġett ta’ interess komuni. Kieku huma diversi dawk l-istituzzjonijiet pubbliċi li jagħmlu stqarrijiet u dikjarazzjonijiet uffiċċjali fejn jagħrfu li l-familja hija ċellula naturali u fundamentali tas-soċjetà u għandha d-dritt li tkun imħarsa mis-soċjetà u mill-Istat (art 16., Dikjarazzjoni Universali tad- Drittijiet Umani, ONU, 1948). Però, jekk nosservaw x’qed jiġri madwarna, faċli nintebħu li l-politika sejra f’direzzjoni opposta!

Infatti l-liġijiet li qed isiru aktar jiffavorixxu d-drittijiet soċjali, ċivili, ekonomiċi tal-individwu milli dawk tal-familja. Illum jitkellmu dwar id-drittijiet u r-responsabiltajiet tal-individwi fil-familji, imma mhux dwar il-jeddijiet u r-responsabiltajiet tal-familja bħala tali. Aktar ma l-liġijiet jittraskuraw jew jiskartaw il-kunċett ta’ familja bħala unità – u għalhekk jibqgħu muti dwar “ir-responsabiltà tal-familja” –, aktar jitħaffef il-proċess li jwassal biex jgħib minn fostna l-għarfien tar-rwol soċjali tagħha.

Kull ma jmur il-familja qed tiġi “privatizzata” u meqjusa bħala “private matter” u għalhekk mingħajr responsabiltà pubblika! Għalkemm teżisti stennija biex il-familja tikkontribwixxi għall-ġid komuni, imma l-istess familja mhix meqjusa bħala parti min dan il-ġid komuni. Daħlet il-mentalità li dak li hu privat għandu jiġi ġestit mill-privat u li l-Istat ma għandux jindaħal – anke f’dak li għandu x’jaqsam mal-familja.

Bħal fil-każ ta’ ħafna ħwejjeġ oħra, id-definizzjoni ta’ familja saret ukoll fluwida, tant li wasalna biex flok “familja” nibdew nużaw il-kelma “household” – kunċett li jinkludi diversi forom ta’ koabitazzjoni. Infatti, fi Franza ma għadhomx jitkellmu dwar familja fis-singular imma fil-plural; fl-Ingilterra jippreferu jitkellmu dwar “families of choice”!

Ċertament iħasseb il-fatt li l-politika familjari mħaddma fi żminijietna tiffavorixxi dak li jissejjaħ “pluraliżmu familjari”, li huwa etikament newtrali jew indifferenti. F’dan il-kuntest, dak li għandu x’jaqsam mal-familja sar meqjus bħala kwistjoni ta’ gosti, preferenzi u għażliet tal-“individwu” u mhux tal-komunità l-ġdida li tifforma l-familja – sew jekk huma raġel u mara biss u sew jekk huma l-missier, l-omm u l-ulied. Għalhekk wieħed ma għandux jistgħaġeb li frott din l-attitudni individwalista fil-konfront tal-familja, attitudni protetta anke b’legiżlazzjonijiet, il-familja, minflok toffri damma ta’ relazzjonijiet sodi u żguri, saret dgħajfa u fraġli. Jekk dik li suppost hija l-benniena tal-ħajja u l-ewwel skola tal-bniedem qed titlef in-natura tagħha, ma nistgħaġbux li l-ġenerazzjoni li tiela’ hija f’riskju.

Jekk il-futur ta’ wliedna jiddependi mill-familja, anke l-futur tas-soċjetà tagħna huwa marbut mad-destin tal-familja. Id-direzzjoni li qabdet is-soċjetà f’dak li għandu x’jaqsam mal-familja ma jawgurax li l-familja ser tibqa’ riżorsa ewlenija; anzi huwa ċar li attwalment is-soċjeta qed tqis bħala riżorsa l-individwi u s-suq! Biex tiffavorixxi lill-individwi u s-suq, is-soċjetà qed tikkonsma l-familji!

Għalhekk, jekk irridu soċjetà b’saħħitha, huwa urġenti li bis-serjetà nirrestitwixxu lill-familja d-dritt ta’ “suġġett” bid-drittijiet u r-responsabilitajiet proprji tagħha. Kif qal dan l-aħħar il-Papa Benedittu XVI f’diskors li għamel dan l-aħħar lill-assemblea tal-Forum tal-assoċjazzjonijiet familjari, il-familji jeħtieġ li jikbru fl-għarfien li huma “protagonisti” fil-politika tal-familja. Huma għandhom jassumu r-responsabiltà li jibdlu s-soċjetà billi jkunu l-vuċi tad-drittijiet inaljenabbli tal-familja.

Huwa ta’ kuraġġ li fid-djoċesi għandna għadd ġmielu ta’ koppji żgħażagħ miżżewġin li huma impenjati fil-formazzjoni tal-koppji għarajjes u ta’ dawk li żżewġu f’dawn l-aħħar ħames snin. Aħna rridu nkomplu ninvestu aktar biex dawk li huma responsabbli mill-formazzjoni għall-ħajja taż-żwieġ u tal-familja jkollhom ħażna ta’ valuri u virtujiet umani biex ikunu jistgħu jgħinu kemm lil dawk li qed jitħejjew għaż-żwieġ kif ukoll lill-miżżewġin ikomplu jimmaturaw umanament.  Il-messaġġ Kristjan ma jnaqqas xejn minn dak li huwa uman, anzi jagħmlu aktar perfett. Għaldaqstant ma għandnirx nibqgħu lura milli nipproponu l-viżjoni tal-Knisja dwar il-familja, anke jekk din il-viżjoni mhux bilfors tiġi aċċettata mill-kultura tal-lum. Dan il-kontribut tal-Knisja jgħin biex il-familja tikseb iċ-ċittadinanza tagħha fis-soċjetà!