KINDER 1 2012-2013 - Regolamenti għad-dħul fil-Kinder 1 tal-iskejjel tal-Knisja f’Għawdex

KONFERENZA EPISKOPALI MALTIJA
Segretarjat tal-Edukazzjoni Nisranija

APPLIKAZZJONI GHAD-DĦUL FL-ISKEJJELTAL-KNISJA F’GĦAWDEX
FI KLASSI KINDER 1 2012-2013

N.B. lt-tfal iridu jkunu twieldu fl-2009

1. Il-formoli tal-applikazzjoni għal Kinder 1, mimlija kif suppost u bid-dokumenti meħtieġa magħhom, iridu jiġu ppreżentati l-Kurja, Rabat, Għawdex, mit-Tnejn sal-Ġimgħa (barra l-Ħamis) 23-27 ta’ Jannar 2012 bejn id-9.00am u l-11.30 a.m.

2. Għas-sena skolastika 2012-2013, in-numru totali ta’ tfal Subien u Bniet li jiġu ammessi f’Kinder 1 fl-Iskejjel tal-Knisja f’Għawdex ma jkunx jaqbeż il-106 (massimu ta’ 53 tfal subien u 53 tfal bniet).

3. It-tfal li jidħlu BIL-POLZA fil-Kinder 1 fl-Iskejjel tal-Knisja f’Għawdex għandhom id-dritt li jkomplu telgħin fis-Seminarju Minuri tal-Qalb ta’ Ġesù (fil-każ ta’ subien) u fl-Iskola Sekondarja tal-Konservatorju tal-Isqof (fil-każ ta’ bniet).

4. Għal kull tifel/tifla trid timtela formola waħda biss. Għat-tewmin/triplets trid timtela formola għal kull persuna. Fil-polza, meta jitla’ wieħed/waħda mit-tewmin, awtomatikament jidħol/tidħol it-tewmi/tewmija l-ieħor/l-oħra fl-istess skola.

5. Id-dokumenti meħtieġa mal-applikazzjoni huma:
a. Ċertifikat tat-Twelid tar-Reġistru Pubbliku tat-tifel/tifla (oriġinali – mhux fotokopja);
b. Il-Karta tal-Identità tal-missier jew l-omm tat-tifel/tifla (m’hemmx bżonn fotokopja);
c. Ċertifikat tat-Twelid tal-aħwa jekk qed tapplika taħt il-Kriterju tal-Aħwa;
d. Dikjarazzjoni mid-Direttur tad-Djar tal-Knisja li tiċċertifika li t-tifel/tifla huma residenti fid-Dar jekk qed tapplika taħt il-kriterju ta’ tfal mid-Djar tal-Knisja;
e. Dikjarazzjoni mill-kap tal-iskola li tikkonferma l-impieg għal min japplika taħt il-kriterju tal-impjegati;
f. Dokumenti u/jew ċertifikati rilevanti li jispjegaw il-każ jekk qed tapplika taħt il-Kriterju ta’ Każijiet Umanitarji Gravi;
g. Fejn il-ġenituri huma separati jew fil-każ ta’ tuturi,  jeħtieġ dokument legali li jindika l-kustodja tat-tifel/tifla.

6. F’din l-applikazzjoni, minbarra l-informazzjoni ġenerali, trid timla wkoll il-preferenza tal-iskola li tixtieq. Poġġi n-numru 1 ħdejn l-iskola li l-aktar li tippreferi, in-numru 2 ħdejn dik li tippreferi wara, u kompli 3 u 4, eċċ. Tista’ timla l-preferenzi ħdejn l-iskejjel kollha, iżda jekk għal xi raġuni jew oħra ma tridx tibgħat it-tifel/tifla f’xi skola, ħdejn dik l-iskola niżżel XEJN jew agħmel sinjal. Jekk l-ispazju jitħalla vojt, ifisser li ma tridx tmur f’dik l-iskola.

Waqt it-tlugħ tal-polza t-tfal jitqiegħdu fil-postijiet vojta disponibbli fl-iskola tal-ewwel preferenza tal-ġenituri. Jekk ma jkunx fadal postijiet f’dik l-iskola, issir l-għażla tat-tieni preferenza, eċċ. Dan ifisser li jekk ma tniżżilx preferenza ħdejn l-isem ta’ skola, min fil-polza tela’ warajk jista’ jidħol f’dik l-iskola li jkun fadlilha l-postijiet vojta.

Jekk ikun hemm inqas talbiet mill-postijiet disponibbli, il-polza ssir skont l-ewwel preferenza, skola skola.

7. L-iskejjel tas-St Francis fin-Nadur, Qala u Xagħra
Dawk li fil-Kinder 1 u Kinder 2 jagħżlu li jmorru fl-iskejjel ta’ St. Francis tan-Nadur, Qala u Xagħra u JRIDU JKOMPLU FIL-YEAR 1 f’St Francis ir-Rabat, iridu jimlew din il-formola u jidħlu fil-polza bħat-tfal l-oħra.

Dawk li MA JRIDUX IKOMPLU FIL-YEAR 1 fl-iskejjel tal-Knisja, ma jimlewx din il-formola imma jimlew formola separata li fiha jiddikjaraw li mhux se jkomplu fil-Year 1. Dawn jiġu ammessi f’dawn l-iskejjel mingħajr il-ħtieġa tal-polza.

Eventwalment, f’dawn l-iskejjel jistgħu jidħlu studenti oħra li ma jkunux telgħu bil-polza, imma dawn ukoll iridu jmlew din id-dikjarazzjoni

8. Il-Kriterji tad-Dħul huma:
a. Aħwa fl-istess skola;
b. Tfal mid-Djar tal-Knisja;
c. Tfal tal-impjegati fl-istess skola jew kumpless skolastiku;
d. Mhux aktar minn tifel wieħed u tifla waħda f’kull skola b’każ umanitarju gravi (fil-każ tal-iskejjel tas-Sorjiet Franġiskani, tifel wieħed u tifla waħda hi mifhuma għall-iskejjel kollha flimkien);
e. (Jekk ikun il-każ) 3 studenti mill-Għasri, li ma jidħlux fil-kategoriji ta’ hawn fuq, għandhom dritt jidħlu fl-iskola Laura Vicuna;
f. Il-bqija bil-polza.

9. Biex tapplika taħt il-Kriterju tal-Aħwa jrid ikollok tifel/tifla tattendi l-istess skola jew kumpless skolastiku tal-istess Kongregazzjoni ta’ Reliġjużi/tad-Djoċesi matul din is-sena skolastika 2011-2012.

10. Dawk li japplikaw taħt il-kriterju tal-aħwa u jkunu aċċettati skont il-Policy tal-Kurja, ikollhom post riservat f’dik l-iskola. Dawk li, għalkemm bl-aħwa, il-ġenituri jkunu jippreferu skola differenti minn fejn ikun imur it-tifel/tifla l-oħra, jintefgħu wkoll fil-polza.

11. Biex wieħed japplika taħt il-Kriterju ta’ Impjegati, irid ikun full-timer u jkun ilu sena sħiħa impjegat fl-iskola konċernata.

12. Id-deċiżjoni tal-Bord dwar jekk każ hux każ umanitarju gravi jew le hija finali. Min ma japplikax taħt il-Kriterju ta’ Każijiet Umanitarji Gravi, ikun qed jiddikjara li t-tifel/tifla m’għandhom ebda bżonn ta’ għajnuna jew attenzjoni speċjali fil-klassi. Għaldaqstant dawk li jitilgħu mill-polza ġenerali u jinstab li għandhom bżonn għajnuna jew attenzjoni speċjali jitilfu d-dritt li jitqiegħdu fi klassi.

13. Il-ħlas għall-applikazzjoni hu ta’ €7.00; dan qed jintalab biex ikopri l-ispejjeż klerikali, postali, ta’ karti, eċċ.

14. It-tlugħ bil-polza jsir fis-Sala tas-Seminarju, Rabat, Għawdex nhar it-Tnejn 27 ta’ Frar 2012, fl-10.00 a.m.

15. Wara s-27 ta’ Frar 2012, fuq in-notice boards tal-Kurja, Għawdex jiġu ppubblikati l-listi tat-tfal skont kif ikunu telgħu bil-polza wara xulxin.

Ma tingħata ebda informazzjoni fuq it-telefon.
Ma jiġux aċċettati applikazzjonijiet wara l-aħħar data tal-għeluq.