KONFERENZA NAZZJONALI: BIŻŻEJJED GĦAL KULĦADD.

Qed ngħixu fi gżejjer ċkejkna b’densità ta’ popolazzjoni li hi fost l-ogħla fid-dinja u b’limitazzjonijiet kbar ta’ riżorsi naturali. Intant l-imġieba ta’ xi wħud minna, l-argumenti li spiss nisimgħu u l-proġetti li naraw proposti jew imwettqa, spiss jikxfu mentalità li donnu Malta hi xi kontinent bla qies fejn ir-riżorsi naturali u ambjentali huma bla limitu. Forsi ħafna mill-problemi ambjentali li qed nippruvaw negħelbu bħalissa u li qed jipperikolaw l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-gżejjer tagħna, huma frott ta’ din il-mentalità.
Mentalità bħal din għamlet u għadha tagħmel ħafna ħsara għax, minħabba li r-riżorsi naturali ambjentali  tagħna huma limitati, dak li qed jinqered spiss qed jintilef darba għal dejjem. Aktar ma jgħaddi ż-żmien pajjiżna qiegħed kull ma jmur jiftaqar għax ir-riżorsi ambjentali tiegħu, li huma l-qofol ta’ kull żvilupp ekonomiku u soċjali, qed jitnaqqru ftit ftit, kemm fil-kwalità kif ukoll fil-kwantità.
Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent f’diversi okkażżjonijiet uriet il-fehma tagħha dwar din is-sitwazzjoni. Dan għamilnieh għax nemmnu bis-sħiħ li l-bniedem, partikularament in-nisrani, għandu responsabbiltajiet kbar lejn l-ambjent u lejn il-ħolqien kollu kemm hu. Dawn ir-responsabbiltajiet joħorġu direttament mill-fidi tiegħu f’Alla. In-nisrani jimmatura aktar ma jagħraf, iħobb u jqim il-preżenza ta’ Alla f’dawk ta’ madwaru u fil-ħolqien kollu waqt li jżomm dejjem f’moħħul-ġid komuni. Nemmnu li b’din il-mentalita u bidla fl-imġieba tagħna ilkoll… jista’ jkun hemm BIŻŻEJJED u GĦAL KULĦADD. Għalina, dan għandu jkun il-qofol tal-iżvilupp sostenibbli ta’ Malta u Għawdex.
Żvilupp sostenibbli hu żvilupp li jsib bilanċ bejn u jissodisfa l-bżonnijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-pajjiż. Kull argument li jipprova jindirizza bżonn partikolari u jittraskura l-oħrajn hu argument fjakk u perikoluż. Għalhekk daqskemm ma jagħmilx sens li titkellem fuq protezzjoni ambjentali akkost ta’ kollox jew favur żvilupp li ma jġibx miegħu l-ebda piż soċjali; daqshekk ieħor huma fjakki u perikolużi argumenti favur żvilupp ekonomiku li ma jirrispettax il-bżonnijiet soċjali u ambjentali tal-pajjiż. Sabiex pajjiżna jkun sostenibbli jeħtieġ bidla fl-istil ta’ ħajja li ngħixu: fil-mod kif naħsbu, fil-mod kif nikkunsmaw ir-riżorsi, fil-mod kif nippjanaw il-ġejjieni tagħna … kif ukoll fid-drawwiet u l-użanzi tagħna.
Matul dawn l-aħħar snin saru diversi sforzi sabiex kull żvilupp fil-gżejjer tagħna jkun wieħed sostenibbli. Dawn l-isforzi wasslu għal diversi dokumenti uffiċjali (fosthom il- Politika Nazzjonali fuq l-Ambjent, National Environment Policy, li l-Gvern  ħareġ f’Settembru li għadda għall-konsultazzjoni ) u saħansitra għal unit imwaqqaf apposta fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.  Iżda dan mhux biżżejjed. Jenħtieġ li kull settur tas-soċjeta Maltijja jagħraf ir-responsabbiltajiet tiegħu u r-rwol tiegħu fl-iżvilupp li għandu jkun wieħed ġust u xieraq għall-pajjiżna.
B’dan il-għan, il-Kummissjoni Ambjent ser torganizza Konferenza Nazzjonali fid-9, 10 u is-17 ta’ Diċembru li ser tiffoka fuq tliet aspetti ta’ żvilupp fil-gżejjer tagħna li jixirqilhom attenzjoni speċjali f’dan il-mument. L-iskop aħħari ta’ din il-Konferenza huwa li toffri opportunita lil min jipparteċipa ħalli flimkien (kull settur involut) nifhmu x’inhu jżommna milli jkollna użu aktar għaqli ta’ l-ilma, ta’ l-art u l-binjiet tal-gżejjer tagħna. L-aħħar ġurnata (17 ta’ Diċembru) tal-Konferenza tinżamm f’Għawdex, sabiex flimkien niflu l-limitazzjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali li qed iwasslu sabiex il-popolazzjoni residenzjali ta’ din il-gzira, tgħixjieħ b’mod allarmanti, u kif l-iżvilupp sostenibbli mixtieq, waqt li jattira investiment ġdid, jagħmel dan bil-galbu u b’rispett lejn l-ambjent karatteristiku ta’ Għawdex.
Il-Konferenza ser tkun imtellgħa b’kollaborazzjoni mal-Assoċjazzjoni Maltija dwar l-Ilma, Flimkien għal Ambjent Aħjar  u Direttorat għal Eko-Għawdex u Żvilupp Reġjonali  (Ministru għal Għawdex).
Il-Konferenza ser tkun imqassma fi tliet sessjonijiet kif jidher fil-programm li qiegħed joħroġ ma din l-istqarrija.

9 ta Diċembru 2011, Il-Kurja tal-Arċisqof, Furjana,  4.30-8.30pm. Tema: Il-bini- kriżi jew opportunita’. Organizzata  b’kollaborazzjoni ma’ Flimkien għal Ambjent Aħjar

10 ta’ Diċembru 2011, Il-Kurja tal-Arċisqof, Furjana 8.30am-3.00pm. Tema: L-ilma ħelu – vera li kull qatra tgħodd? Organizzata: b’kollaborazzjoni mal-Malta Water Association.
17 ta’ Diċembru 2011, Il-Kurja tal-Isqof, Rabat Għawdex. Tema: L-Iżvilupp t’Għawdex – sfidi u opportunitajiet  Organizzata: b’kollaborazzjoni mad- Direttorat għal Eko-Għawdex u Żvilupp Reġjonali  (Ministeru għal Għawdex).

Kull min irid jieħu sehem jista’ jirreġistra għal xi waħda jew aktar minn dawn is-sessjonijiet billi jikkuntattja lis-Segretarja Amministrattiva tal-Kummissjoni Ambjent permezz ta’ email:  ambjent@maltadiocese.org, jew victor.axiak@um.edu.mt. Reġistrazzjonijiet jintlaqgħu sal-Erbgħa 7 ta’ Diċembru 2011.  Hemm numru limitat ta’ postijiet.