Ċelebrazzjoni ta’ Kristu Re 2011

IL-KNISJA QRIB DAREK

Diskors ta’ Mons Isqof Mario Grech
Festa ta’ Kristu Sultan
Taċ-Ċawla, Ir-Rabat, Għawdex – Il-Ħadd, 20 ta’ Novembru 2011

Id-dimensjoni spiritwali tal-ħajja
Il-Vanġelu tal-lum jitkellem dwar Kristu r-Ragħaj it-Tajjeb li ħalla d-disgħa u disgħin nagħġa fil-maqjel biex imur ifittex lil dik in-nagħġa l-mitlufa u jgħina terġa’ lura, tirkupra saħħitha u ssib postha fi ħdan il-merħla – fil-komunità. Jien naħseb li l-bniedem tal-lum, minkejja t-tajjeb li għandna, xi darba jew oħra qed ikollu jagħmel l-esperjenza tan-nagħġa l-mitlufa. Hemm ċerti sinjali fis-soċjetà u fil-Knisja li jagħtuk x’taħseb li l-bniedem huwa mitluf, ma jafx fejn ser jagħti rasu, ma jafx x’direzzjoni ser jagħti lil ħajtu għax jinsab bla boxxla.

Illum hawn min jieħu mill-Istat u mill-Knisja affarijiet li mhumiex tiegħu. Illum il-ġurnata hawn min għandu mġiba mhix tajba u jippretendi li dik l-imġiba tkun approvata u mħarsa bil-leġiżlazzjoni ċivili tagħna. L-ingranaġġ tal-materjaliżmu tant huwa qawwi li mhumiex ftit dawk li s-sensibiltajiet tagħhom qed imutu: is-sensibiltà lejn ħaddieħor li hu fil-bżonn; imma fuq kollox is-sensibiltà tal-Ispirtu. Il-mentalità kummerċjalizzata tal-lum qegħda toqtol ftit ftit in-nervatura tal-ispirtu tal-bniedem. Imbagħad hemm id-diffikultajiet fil-ħajja personali, fil-ħajja tal-familja u fil-ħajja soċjali. Insemmi l-evażjoni tat-taxxa, in-nuqqas ta’ responsabiltà kif jintefqu l-flus li jappartjenu lill-poplu. Ma jidhrilkomx li dawn huma indikazzjonijiet li juru li aħna mitlufa?

U mhux biss il-kbar qed jitilfu l-boxxla imma anke ż-żgħar. Mhux biss l-adulti huma mħawdin imma qed nifxlu wkoll lit-tfal! Illum qed niċċelebraw il-“Jum Internazzjonali tat-Tfal”. Inħambqu ħafna fuq id-drittijiet tat-tfal, imma fl-istess ħin il-kbar jissagrifikaw id-drittijiet taż-żgħar. Infatti ftit jimpurtahom mid-dritt tat-tfal li jitwieldu u jikbru fl-għożża tal-familja magħquda! F’laqgħa li kelli dan l-aħħar mal-kapijiet tal-iskejjel tal-Knisja f’Għawdex, dawn qaluli li diġà fil-klassijiet tal-kindergarten xi tfal huma aġitati u aggressivi għax jirriflettu t-tensjoni li hemm fil-familji! L-effett negattiv ta’ din l-imġiba rridu narawh ’il quddiem meta dawn jikbru!

Bil-miżuri soċjali biss, li l-Istat huwa fid-dover li jagħmel, m’aħniex ser insolvu dawn il-problemi! Is-soluzzjoni mhix waħda teknika u anqas politika. Ir-risposta hija waħda spiritwali, fis-sens li l-bniedem jibda jagħti aktar każ tad-dimensjoni spiritwali tiegħu. Jekk il-bniedem jibqa’ jifga l-ispirtu li hemm fih, ser ikompli joqtol lilu nnifsu. Is-soluzzjoni għalhekk hija evanġelizzazzjoni ġdida,  jiġifieri l-possibiltà li jien u int illum nerġgħu niltaqgħu ma’ Kristu r-Ragħaj tagħna. Sakemm ma nindunawx li l-politika u s-soċjal għandhom ir-ruħ, allura għadna ma sibniex is-soluzzjoni.

Kif Kristu, ir-Ragħaj it-Tajjeb, imur ifittex in-nagħġa l-mitlufa, jikkuraha, ifejqilha l-ġrieħi, jerfagħha fuq spallejħ u jerġa’ jirrestitwiha lill-komunità, hekk ukoll hemm bżonn li nagħmlu aħna. Din hija l-missjoni tagħna bħala Knisja preżenti hawn illejla għall-festa ta’ Kristu Sultan. F’kuntest fejn il-bniedem qed jintilef, ma nintilfux aħna wkoll imma nieħdu fuqna l-missjoni ta’ Kristu u nfittxu l-bniedem mitluf u ngħinuh jerġa’ jsib lilu nnifsu, jerġa’ jsib id-direzzjoni f’ħajtu, u jerġa’ jpoġġi l-ordni f’ħajtu u fis-soċjetà.

Inġeddu l-komunitajiet ekkleżjali
Imma biex il-komunità ekkleżjali tkun kapaċi tkun qrib il-bniedem mitluf, nara l-urġenza li nirriflettu ftit kif qed ngħixu l-vokazzjoni tagħna bħala Knisja. Hawn min għandu rifjut tal-Knisja u juri dan ir-rifjut pubblikament. Imma jien nistaqsi: liema Knisja qed tiġi rrifjutata? Il-Knisja vera ta’ Ġesù Kristu jew il-Knisja li maż-żmien il-bniedem bena waħdu – u din għandha bżonn li tiġi riformata kif titlobna Ommna l-Knisja? Billi, kif jikteb Don Primo Mazzolari, “il-parroċċa hija l-Knisja qrib id-dar tal-bniedem”, nixtieq nagħtikom ftit punti dwar kif nara li hemm bżonn intejbu l-komunitajiet ekkleżjali tagħna.

Kristu ċ-ċentru tal-komunità
Il-komunità parrokkjali ma tistax tibqa’ komunità tal-qaddisin imma trid tkun il-komunità tal-Qaddis, Ġesù Kristu. Huwa ż-żmien li nirrivedu. Il-qaddisin għandhom post fil-kalendarju liturġiku u huma eżempju importanti għall-ħajja tan-Nisrani għax huma dawk li aċċettaw lil Kristu; imma l-punt fokali tal-ħajja tal-komunità għandu jkun Ġesù Kristu. Huwa għajb u faqar spiritwali li għandna min jaf jew min huwa entużjasta għal qaddis jew għal qaddisa, imbagħad m’għandux dik il-passjoni għal Ġesù Kristu! Ġesù Kristu huwa r-raġuni għaliex teżisti l-komunità parrokkjali. L-affarijiet l-oħra huma għajnuniet. Mingħajr Kristu ma ngħaddux; mingħajr il-qaddisin ngħaddu.

Komunitajiet proattivi
Hemm bżonn li aħna nagħmlu mill-komunitajiet ekkleżjali tagħna komunitajiet mhux li jiddefendu imma li jkunu proattivi. Ħafna drabi naħlu l-ħin tagħna niddefendu l-pożizzjonijiet tagħna. Imma huwa l-mument li bħala Knisja, artikulata f’komunitajiet parrokkjali, naraw din ir-realtà tal-bniedem mitluf, nosservaw x’inhuma l-ħtiġijiet tiegħu u nirrispondu għalihom biex ngħinuh jagħmel esperjenza ta’ Ġesù Kristu li jfejjaq!

Formazzjoni ta’ operaturi pastorali
Imma biex nagħmlu hekk, huwa imperattiv li l-komunitajiet parrokkjali ma jkunux f’idejn id-dilettanti imma f’idejn operaturi pastorali li huma ffurmati. Hawn tidher biċ-ċar l-importanza tal-formazzjoni permanenti. Għandna wisq dilettantiżmu fil-Knisja, u forsi din hija waħda mir-raġunijiet għaliex il-Knisja mhix qrib dar in-nies. Ma nistgħux nitilfu dan il-mument ta’ grazzja li qed ngħixu. Biex intejbu din is-sitwazzjoni nħeġġeġ lill-membri kollha tal-komunità biex jieħdu bis-serjetà l-formazzjoni Nisranija, partikularment il-formazzjoni għall-“ministeri” fil-komunità.

Sagramenti u katekeżi
Aħna nemmnu li s-sagramenti huma l-għejun tal-grazzja. Dawn huma importanti ħafna fil-ħajja tagħna l-Insara. Imma nara li jeħtieġ nagħmlu qabża u l-ħidma pastorali tagħna ma tkunx pastorali ċċentrata biss fuq iċ-ċelebrazzjoni tas-sagramenti,  imma tkun pastorali li tagħti importanza lix-xandir tal-Evanġelju. Fostna hawn min ma jafx lil Ġesù Kristu – għandna min hu serjament nieqes mill-għarfien dwar Ġesù! Fil-laqgħa li kelli mal-kappillani fil-bidu ta’ Novembru, dawn qaluli li llum jiġuna tfal għat-Tqarbina li ma jafux iroddu s-salib. Dawn huma wliedna!  U jekk qed nitkellmu mid-drittijiet tat-tfal, irridu ngħidu li t-tfal ukoll għandhom id-drittijiet għall-ħajja tal-ispirtu. Nixtieq li l-Knisja u l-komunitajiet parrokkjali tagħna jinterpellaw lilhom nfushom dwar x’inhuma r-raġunijiet għaliex hawn din l-injoranza dwar Ġesù Kristu, għaliex hawn din l-injoranza fil-ħajja spiritwali! Ninsabu f’dan l-istadju! Għalhekk hemm bżonn li aktar milli nenfasizzaw fuq is-sagramenti rridu nippreparaw lilna nfusna biex niltaqgħu ma’ Kristu fis-sagramenti – altrimenti jekk is-sagramenti mhumiex imdawlin b’katekeżi tajba, nibqgħu nikkonsidrawhom bħala maġija jew sempliċi ritwali li jagħmlu parti mill-kultura tagħna. Tajjeb nistaqsu jekk meta nitolbu biex jiġi ċċelebrat xi sagrament, din tkunx talba ħierġa mill- għarfien u x-xewqa tagħna biex nitwaħħdu ma’ Ġesù Kristu!

Qrib fejn jgħix il-bniedem
Il-pastorali tagħna għadha wisq marbuta mat-“tempju”! Il-mument fit-tempju huwa importanti għax hija l-preżenza tagħna quddiem Ġesù, li timliena bl-enerġija spiritwali, apostolika u umana. Imma ma nistgħux nibqgħu magħluqin fil-“knisja” imma nimbuttaw lilna nfusna biex noħorġu fit-toroq biex niltaqgħu mal-bniedem tat-triq! Daqskemm huwa importanti li d-djar ikunu qrib il-Knisja, daqstant ieħor meħtieġ li l-Knisja tkun qrib id-djar tan-nies. Huwa imperattiv li nagħmlu l-passaġġ mill-“kult”għall-kultura tal-lum, fis-sens li ma nibżgħux inċappsu jdejna fl-għaġna tal-ħajja ta’ kuljum u ninteressaw ruħna fil-ħajja ordinarja tal-bniedem u tal-familja.

Il-gruppi ta’ formazzjoni fi ħdan il-komunità
Hemm bżonn li l-komunitajiet parrokkjali tagħna ma jibqgħux komunitajiet tal-massa. Ma nintilfux fuq in-numri, imma nfittxu l-kwalità tal-ħajja Nisranija. Tajjeb li naħdmu biex il-parroċċa tkun komunità tal-komunitajiet fejn ilkoll kemm aħna nfittxu dik il-komunità, l-għaqda jew l-esperjenza li tgħinna biex ma nintilfux u biex ikollna direzzjoni fil-ħajja. Din hija l-Knisja li hemm bżonn tkun qrib il-bniedem tal-lum, li timxi miegħu u tkun qrib darek.

Nagħtikom esperjenza. Jien għamilt sena kappillan u kont noħroġ ukoll wara l-bibien. Kont nagħmel il-ġbir wara l-bibien, u kienet il-qatla tiegħi kif inhi l-qatla tal-kappillani tagħna, imma kont noħroġ kif inhu dmir tiegħi. Imma kont noħroġ ukoll biex nistieden lill-familji f’mument jew ieħor għall-katekeżi u t-talb. Ma ninsiex li darba ħabbatt bieb u ġiet mara tagħtini xi ħaġa. Staqsietni: “Fejn hi l-borża?”. Jien għidtilha li ma kontx qed niġbor imma nqassam! Għidtilha: “Ġejt biex nistiednek ħalli ssib postok fi grupp, f’komunità żgħira biex il-knisja tagħtik il-ġid veru tagħha: lil Ġesù Kristu!”. Hawn irridu naslu biex ikollna Knisja skont il-qalb ta’ Ġesù – Knisja li bħar-Ragħaj it-Tajjeb tkun mhux biss suġġett soċjali li jġib bidla fil-kultura, imma tkun l-ewwel u qabel kollox komunità mdakkra bl-ispirtu ta’ Kristu r-Ragħaj it-Tajjeb li jħobb lil kulħadd, b’mod partikulari lin-nagħag il-mitlufa!

Sinjali pożittivi
F’dawn il-kelmtejn ma nistax ma nfissirx l-apprezzament tiegħi għall-preżenza tagħkom illejla,  kif ukoll għad-diversi realtajiet u esperjenzi li hemm fil-Knisja tagħna u fil-komunitajiet parrokkjali tagħna. Insellem lill-kappillani kollaboraturi tiegħi, li naf kemm huma impenjati biex flimkien nippruvaw nagħtu din il-linja pastorali li qed inkellimkom dwarha. Smajna llejla żewġ esperjenzi sbieħ, waħda ta’ koppja minn Komunità Ewkaristika u oħra mir-realtà tal-Mixja Neokatekumenali. Hemm realtajiet oħra. Qaluli li fil-parroċċa tal-Għarb bdew Komunità Ewkaristika ġdida u kien hemm konkorrenza sabiħa ħafna. Dawn huma sinjali pożittivi ħafna li sewwa nkunu nafuhom; imma isbaħ minn hekk huwa li min qed imur iqabbad lil din il-Komunità biex tiġi evanġelizzata u biex tagħmel il-katekeżi huma membri ta’ Komunità Ewkaristika oħra. Ilbieraħ filgħaxija kont ma’ Komunità Ewkaristika li tiltaqa’ fil-knisja ta’ Ġesù Nazzarenu (Ix-Xagħra), u l-presbiteru fl-aħħar tal-quddiesa talabni nagħti l-mandat lil tliet koppji li ilhom jattendu għal ħafna snin f’din il-Komunità biex issa jmorru fil-Komunità l-ġdida tal-Għarb biex jgħinu lil dawn jagħmlu l-esperjenza ta’ Ġesù Kristu. Bħal dawn hemm esperjenzi oħrajn. Din hija konferma ta’ komunità ekkleżjali missjunarja, u kemm nixtieq li dawn joktru!

Irrodd ħajr minn qalbi lil Alla u lilkom talli intom tiftħu qlubkom għall-Bxara t-Tajba. Għeżież tiegħi, inqawwu qlubna għax jekk in-nagħġa ntilfet, Kristu ma qatax qalbu minnha, u misjuq mill-imħabba għadu jiġri warajha. Agħmlu l-qalb. Aħna għandna proposta x’nagħmlu lill-bniedem tal-lum mitluf. Sewwa li nitħeġġu aktar fil-ħajja Nisranija u fil-ħidma tagħna biex lill-bniedem tal-lum indewquh il-benna ta’ Kristu Sultan”.