PDF Version

ITTRA PASTORALI

MILL-E.T. MONS. PAWLU CREMONA O.P.
Arċisqof ta’ Malta
u
MILL-E.T. MONS. MARIO GRECH
Isqof ta’ Għawdex

 

IL-KWALITÀ TAL-ĦAJJA NISRANIJA
Ħutna,

Qegħdin niktbu din l-ittra tagħna wara mumenti ta’ skiet u riflessjoni. Xtaqna li dan il-kliem ngħiduh f’mument ta’ kalma, bit-tama li jidħol fil-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna. Inħossu li hemm bżonn jittieħdu deċiżjonijiet importanti fuq il-kwalità tal-ħajja Nisranija ta’ kull wieħed u waħda minna. Dawn id-deċiżjonijiet jgħinuna biex ikollna Knisja li tkun ħmira għas-soċjetà tal-lum. Qegħdin ngħaqqdu din l-Ittra Pastorali max-xahar ta’ Ottubru, biex ngħaqqduha max-xahar tar-Rużarju, ħalli tkun imsaħħa minn din it-talba lil Marija Santissima.

Ir-Realtà tal-lum
Dawn id-deċiżjonijiet irridu neħduhom fil-kuntest ta’ tliet realtajiet kbar li jagħmlu aktar diffiċli l-għażla tagħna għal iktar twemmin fil-Mulej u għal iktar impenn biex nibnu l-Knisja fuq it-tagħlim ta’ Ġesù.

L-ewwel realtà hi l-bidla qawwija u mgħaġġla tas-soċjetà u l-kultura ta’ madwarna. Għan-Nisrani huwa diffiċli jidentifika lilu nnifsu f’kollox ma’ din il-kultura. Hija kultura li għenitna ngħixu aħjar xi valuri bħall-ambjent, l-aċċettazzjoni tal-persuni bi sfond kulturali differenti, il-ftuħ għar-realtà globali bl-opportunitajiet u r-riskji tagħha. Iżda min-naħa l-oħra saret iktar diffiċli li tgħix il-valuri Nsara bħalma huma: ir-rispett tal-individwu mit-tnissil sal-aħħar mument tal-ħajja, taż-żwieġ dejjiemi u ta’ familja stabbli fejn it-tfal jistgħu jitrabbew f’sigurtà, tal-esperjenza ta’ Alla li permezz tat-talb twassal għal impenn fil-Knisja u impenn Kristjan fis-soċjetà.

It-tieni realtà hi li minħabba d-dħul tad-divorzju f’pajjiżna, issa għandna soċjetà li iktar faċli tindarab fil-kuntest taż-żwieġ u l-familja. Dawn għandhom parti importanti ħafna fil-qafas tas-soċjetà u tal-Knisja. Għax id-dħul tad-divorzju jfieri kull żwieġ, kemm dak ċivili, kif ukoll iż-żwieġ sagrament.

It-tielet realtà hija l-każ ta’ abbużi ta’ minorenni minn xi saċerdoti. Kull tip ta’ abbuż iġib tbatija enormi. Inħossuna umiljati quddiem il-vittmi tal-abbuż, kif ukoll quddiem il-Knisja u quddiem is-soċjetà li għaliha ġejna mibgħuta biex inkunu xhieda.

Deċiżjonijiet
Quddiem dan kollu, kull wieħed u waħda minna f’dawn il-ġranet irid jieħu deċiżjoni importanti: li jgħix ta’ Nisrani f’dawn iċ-ċirkustanzi. U din mhijiex deċiżjoni faċli. Tista’ tittieħed biss jekk il-fidi tagħna fi Kristu, u l-imħabba tagħna għalih u għall-Knisja jkunu iktar qawwija minn dawn il-ġrajjiet, għax huma bbażati fuq il-wegħda ta’ Kristu li jibqa’ mal-Knisja sal-aħħar taż-żmien. Nafu li dan huwa possibbli għaliex għexuha l-ewwel dixxipli tal-Mulej – li naqraw fuqhom fl-Atti tal-Appostli – f’ċirkustanzi iebsin u rnexxilhom jgħaddu t-tagħlim ta’ Ġesù lil ta’ warajhom.

Il-Knisja bdiet madwar Kristu mejjet fuq is-Salib u l-biża’ li dan il-fatt ġab fuq id-dixxipli għax ħasbu li kien intemm kollox; l-eperjenza tad-dgħufija tal-membri - Ġuda li ttradih, Pietru li ċaħdu tliet darbiet, l-appostli l-oħra, ħlief Ġwanni, li telquh waħdu fuq is-Salib. Ma’ dan kien hemm ukoll il-persekuzzjoni minn parti kbira tal-Komunità Lhudija li Ġesù kien tant iħobb u mill-Imperu Ruman. Bil-qawmien tiegħu, Kristu ta lill-Knisja l-qawwa li tegħleb id-dgħufija fi ħdanha u tibdel kull persekuzzjoni f’opportunità ta’ mħabba akbar.

Se jkun hemm min jieħu d-deċiżjoni li jibqa’ bogħod jew joħroġ mill-Knisja. Aħna lil dawn l-aħwa m’għandniex niġġudikawhom. L-imħabba ta’ Alla l-Missier lejn kull persuna, hi min hi, ma tħalliniex niġġudikaw, iżda biss inħobbu, u nħobbu kif ħabb Alla l-Missier li bagħat lil Ibnu biex jurina l-Verità fl-Imħabba, li hija l-qofol tal-Fidi tagħna.

L-Istorja tal-Knisja f’pajjiżna
Il-Knisja, anki dik f’Malta, irnexxielha tgħix f’kull ċirkustanza. Fl-istorja tagħha hija għaddiet mill-ewwel żminijiet, meta San Pawl ħalla l-ewwel komunità Kristjana f’Malta. Il-ġrajjiet ta’ dik il-komunità huma mistura fl-istorja, iżda ma nistgħux ma ngħaqqduhomx mal-persekuzzjoni li għaddiet minnha l-Knisja fl-Imperu Ruman.

Anki fil-mument tal-ħakma mill-Għarab, mill-istudji li saru jirriżulta li kien hemm ‘ġemgħa żgħira’ li rnexxielha żżomm il-fidi.

Kien hemm sekli meta l-istorja tal-Knisja f’pajjiżna kienet imdawra minn appoġġ kulturali u numeriku tal-membri tagħha. Dawn iż-żminijiet taw lil pajjiżna wirt kulturali u reliġjuż li għadu qawwi sal-lum, u dan issarraf f’ħafna ġid. Iżda nagħmlu żball jekk naħsbu li dawn il-kundizzjonijiet huma ta’ importanza ċentrali. Meta naħsbu hekk, jista’ jiġrilna li meta jitneħħew jew jinbidlu dawn il-kundizzjonijiet, jaqa’ kollox.

Infatti, meta nagħrfu li l-appoġġ kulturali u politiku hu biss il-qoxra tal-Knisja u tal-Fidi tagħna, allura għandna nfittxu li nintrabtu ma’ dak li hu ċentrali fil-fidi tagħna –  Sidna Ġesù Kristu, u nibnu realtà ġdida fiċ-ċirkustanzi tal-lum. Hija l-isfida tal-evanġelizzazzjoni l-ġdida li l-Knisja qed tfittex illum. Din tista’ sseħħ biss jekk mal-bini tal-Knisja bħala komunità fl-aspetti esterni tagħha ikun hemm ukoll il-bini minn ġewwa tar-rabta ta’ kull wieħed u waħda minna mal-Mulej Ġesù. Fuq kollox, il-Knisja tagħmel ‘suċċess’ biss jekk hi tkun mezz ta’ salvazzjoni għall-bnedmin kollha.

Il-Knisja tista’ tgħaddi mingħajr appoġġ kulturali u politiku għax għandha l-qawwa spiritwali ġewwa fiha.Il-Knisja kontinwament tfittex tisfija minn dak li hu appoġġ estern għal dik li hija s-saħħa tal-konvinzjoni tal-Fidi u tal-Ispirtu s-Santu. Huma mumenti qawwijin ta’ qawmien meta min jagħti s-sehem tiegħu fil-Knisja ma jkollux l-appoġġ ta’ privileġġi soċjali, u allura jħoss il-ħtieġa li jintelaq f’idejn il-qawwa ta’ Alla.

Għażliet
L-għażla li rridu nagħmlu hija ħafna iktar profonda minn dik li xi drabi t-tradizzjoni u l-kultura jimbuttawna biex nibqgħu marbutin mal-Knisja. L-għażla trid tkun jekk nagħżlux li nkunu parti mill-Knisja li trid twassal lil Kristu. L-għażla tiegħi personali, l-għażla tal-familja tiegħi, trid tibda minn ġewwa u tiġi msaħħa bit-talb u bis-solidarjetà tal-Komunità tal-Fidili. Inkella wieħed ma jsibx saħħa biżżejjed biex jgħixha fiċ-ċirkustanzi tal-lum. Hija din l-esperjenza li aħna qegħdin nipproponu lilkom illum.

Irridu nirraġunaw bħal San Pawl meta kien imtaqqal minn ‘xewka’: li jrid jiddependi iktar fuq is-saħħa tal-Mulej milli fuq il-qawwa tiegħu biss. Dan kien il-kliem li qallu l-Mulej: “Biżżejjed għalik il-grazzja tiegħi; għax il-qawwa tiegħi tidher fl-aqwa tagħha fejn hemm id-dgħajjef” u l-konklużjoni ta’ Pawlu: “għax meta nkun dgħajjef, inkun qawwi” (2 Kor 12, 9.10).

Is-sejħa tal-Papa Benedittu XVI
Nixtiequ nagħlqu din l-ittra billi ningħaqdu mal-Papa Benedittu XVI li jgħidilna fuq ir-realtà tal-Knisja llum:
“Fil-klima l-kbira kulturali ta’ ħafna pajjiżi tal-Punent, l-għeruq tal-Kristjaneżmu għandhom posthom hemm. Imma qegħdin dejjem aktar nersqu lejn Kristjaneżmu ta’ deċiżjoni personali… Ikolli ngħid, min-naħa l-waħda llum jeħtieġ li nissodaw dan il-Kristjaneżmu tal-konvinzjoni, nerġgħu nagħtuh ħajja mill-ġdid u nferrxuh, biex aktar bnedmin jerġgħu jagħrfu jgħixu l-fidi tagħhom. Min-naħa l-oħra rridu nagħrfu li aħna sempliċement m’aħniex identiċi mal-kultura u man-nazzjon - imma li għandna s-saħħa li nagħtu lill-pajjiż valuri li taċċetta li tieħu u nsaħħuhom, ukoll jekk il-maġġoranza mhumiex Insara li jemmnu” (Dawl id-Dinja, 2011, 169).

Huwa fid-dawl ta’ din kollu li l-Knisja f’pajjiżna trid terġa’ tifli u tara l-missjoni li ħallielna il-Qdusija Tiegħu l-Papa Benedittu qabel ma ħalla Malta:
“Ħalluni nħeġġiġkom għal darb’oħra biex trawmu għarfien profond tal-identità tagħkom u tħaddnu r-responsabbiltajiet li joħorġu minnha, l-aktar billi tmexxu ‘l quddiem il-valuri tal-Evanġelju li jagħtikom viżjoni ċara tad-dinjità umana u tal-oriġini u d-destin komuni tal-umanità. Kunu ta’ eżempju f’artkom u barra minn artkom ta’ ħajja Nisranija dinamika. Kunu kburin bis-sejħa Nisranija tagħkom. Għożżu l-wirt reliġjuż u kulturali tagħkom.”

Ommna Marija, li kienet f’nofs l-appostli titlob lil Alla l-Missier biex jibgħat l-Ispirtu s-Santu fuq il-Knisja, takkumpanjana fit-talb tagħna fix-xewqa ta’ qawwa ġdida fil-Missjoni tagħna li nagħmlu lil Binha ħaj u preżenti fostna permezz tal-Komunità tal-Knisja. Nitolbukom li din l-intenzjoni tagħmluha wkoll fir-Rużarju li nħeġġ̇ukom tgħidu kuljum.

Nagħtukom il-barka pastorali tagħna.

Illum, 29 ta’ Settembru 2011
, Festa tal-Arkanġ̇li Mqaddsa, Mikiel, Gabrijel u Rafel.

PAWLU CREMONA O.P.
Arċisqof ta’ Malta

MARIO GRECH
Isqof ta’ Għawdex