GĦAWDEX FIL-QAFAS NAZZJONALI
Diskors tal-Isqof Mario Grech
Seminar fl-okkażjoni tal-50 Sena tal-Kunsill Ċiviku ta’ Għawdex
Kempinski Hotel, San Lawrenz – It-Tlieta 14 ta’ Ġunju 2011
Il-fatt li ħamsin sena ilu f’Għawdex, bl-Ordinanza No. XI tal-14 ta’ April 1961, twaqqaf il-Kunsill Ċiviku, fost ħwejjeg oħra jgħidilna li nofs ta’ seklu ilu grupp ta’ Għawdxin sarrfu l-imħabba tagħhom lejn gżiritna mhux fi tpaċpiċ vojt imma f’azzjoni konkreta. Huma mhux biss irnexxielhom jikkonvinċu lill-Awtoritajiet Ċentrali biex joħolqu struttura li, għalkemm tieħu ħsieb l-interessi tal-Għawdxin bħala reġjun, tkun parti mill-qafas istituzzjonali ta’ pajjizna, imma rnexxielhom ukoll jinvolvu lill-poplu Għawdxi f’dan il-proġett. B’dan il-pass, mingħajr ma ħolqu diviżjoni fuq livell nazzjonali, huma kebbsu sens patrijottiku b’rispett dovut lejn Għawdex – reġjun li għandu l-karatteristiċi ġeografiċi, etnoloġiċi, ekonomiċi, reliġjużi u storiċi tiegħu!
Ikun xieraq li f’din ir-rikorrenza Għawdex jerġa’ jagħmel tiegħu dawn l-ideali nobbli li, sfortunatament, donnhom qegħdin jiddgħajfu, kemm minħabba kawżi interni, bħalma huwa l-individwaliżmu, kif ukoll minħabba fatturi li huma ’l fuq minna, bħal fil-każ tal-globalizzazzjoni.
Kien ukoll ħamisn sena ilu li l-Papa Ġwanni XXIII ikkomunika l-enċiklika soċjali tiegħu Mater et Magistra, li biha offra prinċipji ta’ riflessjoni, jew dawk li ġew imsejħa “abbozzi ta’ politika ekonomika u soċjali”, bil-għan li jintrebaħ in-nuqqas ta’ ekwilibriju ekonomiku, soċjali u kulturali. Wieħed minn dawn il-prinċipji bażiċi riproposti mill-enċiklika huwa propju l-prinċipju tas-sussidjarjetà vertikali u orizzontali. Is-sussidjarjetà vertikali tapplika meta min-naħa tiegħu l-Istat jgħin lill-entijiet pubbliċi inferjuri biex iwettqu dak li hu fil-kompetenza tagħhom; l-istess prinċipju jitħaddem minn isfel għal fuq – jigifieri mill-periferija għaċ-ċentru!
Kif jippreċiża l-Papa Benedittu XVI fl-enċiklika Caritas in veritate, il-prinċipju tas-sussidjarjetà huwa relatat ħafna mal-prinċipju tas-solidarjetà, għax is-sussidjarjetà mingħajr sens ta’ solidarjetà tiġġenera dak li l-Papa sejjaħlu “social privatism” jew “particolarismo sociale”, mentri s-solidarjetà mingħajr il-prinċipju tas-sussidjarjetà tagħti lok għal paternaliżmu soċjali (ara n.58). Fil-Kompendju tat-Tagħlim Soċjali tal-Knisja jingħad illi “is-solidarjetà mingħajr sussidjarjetà tista’ faċilment tiddeġenera f’assistenzjaliżmu, mentri s-sussidjarjetà mingħajr solidarjetà tirriskja li trewwaħ forom ta’ “localismo egoistico”! Dan kollu jista’ jivverifika ruħu fit-tmexxija tal-gżira t’Għawdex!
Nistgħu ngħidu li kien dan il-prinċipju ta’ sussidjarjetà li tħaddem dakinhar li twaqqaf il-Kunsill Ċiviku bħala istituzzjoni li kellha tħares u ġġib ’il quddiem ir-relazzjonijiet bejn il-Gvern Ċentrali u Għawdex. Dakinhar, filwaqt li l-Parlament irrikonoxxa l-potenzjal u l-bżonnijiet partikulari ta’ Għawdex, fl-istess ħin, a bażi tal-istess prinċipju tas-sussidjarjetà, l-Għawdxin ikkommettew ruħhom li jikkontribwixxu għall-ġid komuni tan-nazzjon. Importanti però li dan il-prinċipju jitħaddem flimkien mal-prinċipju l-ieħor tas-solidarjetà.
Dan il-kunċett għandu ħafna minn dak li fil-filosofija politika jissejjaħ “ir-reġjunaliżmu ta’ Don Luigi Sturzo”. Sturzo kien jemmen li filwaqt li għandu jkun hemm rispett lejn l-identità u l-ħtiġijiet tar-reġjun partikulari, wieħed m’għandux jagħmel ħsara lill-unità nazzjonali. Il-ħsieb ta’ Sturzo ma kienx li jkun hemm deċentrament amministrattiv, imma biex jilqa’ kontra r-riskju ta’ xi moviment separatista! Għalkemm kien favur il-kunċett ta’ reġjun, Sturzo kien jara l-valur tal-għaqda nazzjonali. Ir-reġjun huwa parti mir-realtà nazzjonali kollha; fl-istess ħin kapaċi jkollu l-ħajja propja tiegħu u jgawdi ċerta awtonomija biex jagħraf jagħti risposta għall-problemi u s-sitwazzjonijiet partikulari ta’ karattru mhux biss ekonomiku imma wkoll soċjali, li ħafna drabi jkun diffiċli li jiġu indirizzati minn sistema burokratika li qiegħda hemm biex teżegwixxi direttivi li jagħti l-Istat! Sturzo kien jisħaq li l-koperazzjoni bejn ir-Reġjun u l-Istat għadha tkun “il-politika tal-futur”. Ir-Reġjun mhux kontrapost għall-Istat, imma ż-żewġ istituzzjonijiet jaħdmu flimkien biex jilħqu għanijiet komuni. Huma organizzazzjonijiet impenjati komunitarjament fit-tmexxija kumplessa tan-nazzjon. F’din is-sistema, Sturzo kien jara l-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sussidjarjetà għat-twettiq tal-ġid komuni (ara La regione nella nazione [1949], in Opera omnia, Bologna, 1974, 5). Il validità ta’ dan il-ħsieb ta’ Don Sturzo dan l-aħħar reġgħet ġiet sottolineata mill-Konferenza Episkopali Taljana f’dokument bl-isem “Per un paese solidale, Chiesa Italiana e Mezzogiorno”, 21.02.2010.
Ma nafx kemm ħutna l-Għawdxin li welldu l-Kunsill Ċiviku bħala gvern lokali għal Għawdex kienu midħla tal-kitbiet ta’ Don Sturzo; però huwa fatt li l-predeċessur tiegħi, l-ET l-Isqof Nikol Cauchi, li kien ammiratur ta’ Don Sturzo, bejn Novembru 1958 sa Ġunju 1959 kien membru tal-Kumitat Ċiviku bħala delegat tal-Isqof Ġużeppi Pace, imbagħad sar membru tal-kumitat eżekuttiv li fassal l-istatut tal-Kunsill Ċiviku, u aktar tard membru tal-Kunsill Ċiviku sal-4 ta’ Ġunju 1961! Ma neskludix li f’dan il-proċess tal-iżvilupp tal-kunċett ta’ gvern lokali, Mons Cauchi kkontribwixxa bl-intwizzjonijiet Sturzjani.
Xi drabi f’pajjiżna tista’ tingħata l-impressjoni li kultant jaħbtu jispuntaw qishom sentimenti separatisti! Dan jista’ jinħass jekk ir-riflessjoni dwar ir-reġjun issir b’sens dejjaq u ma nħossuniex parti mill-bqija tan-nazzjon! Sfortunatament dan l-ispirtu negattiv ta’ “aħna u intom” ġie li jimmanifesta ruħu ukoll fil-midja lokali u fl-atteġġjamenti ta’ xi strutturi nazzjonali. Dawn l-attitudnijiet hemm bżonn li jiġu kkorreġuti għax la jagħmlu ġid lil Għawdex u anqas lin-nazzjon. Din il-viżjoni mijopika tissarraf biss f’telf għal kulħadd. Ir-reġjunalità tagħmel sens biss meta ssib postha fil-kawdru sħiħ nazzjonali. Għawdex mhux xi addenda fl-aġenda tan-nazzjon u r-reġjunalità tiegħu għandha tkun rikonoxxuta. Hemm bżonn li tikber aktar il-konvinzjoni li l-Gżira tat-Tliet Għoljiet għandha kontribut mhux żgħir x’toffri għall-iżvilupp ekonomiku, soċjali, kulturali u spiritwali ta’ pajjiżna.
F’dan ir-rigward, il-Knisja f’Għawdex tista’ sservi ta’ stimolu. Huwa fatt li s-Santa Sede rrikonoxxiet r-reġjunalità ta’ Għawdex meta fis-16 ta’ Settembru 1864 il-Papa Piju IX għamel lil Għawdex u Kemmuna djoċesi għaliha. Filwaqt li l-Knisja f’Għawdex baqgħet parti mill-Knisja Universali, bi strutturi amministrattivi lokali setgħet tikkura, tiżviluppa u tinkuraġġixxi l-potenzjal li kellu l-poplu t’Alla f’Għawdex u fl-istess waqt tgħinu ma jingħalaqx fih innifsu.
Tixhed l-istorja kemm il-Knisja għenet għall-iżvilupp tal-ħiliet kulturali, artistiċi u artiġjanali tal-gżira. Il-Knisja f’Għawdex kienet pijuniera bid-diversi inizjattivi li ħadet biex twieġeb għall-ħtiġijiet soċjali tal-Għawdxin: skejjel, orfanatrofji, laboratorji tas-snajja, dar għall-persuni b’diżabilità, ċentru ta’ rijabilitazzjoni għall-vitmi tad-droga u alkoħol, ċentri għaż-żgħażagħ, eċċ. Peress li llum hawn min għandu interess li jikteb l-istorja tal-Knisja f’Għawdex b’mod mgħawweġ, b’sens ta’ ġustizzja rrid infisser is-sodisfazzjon tiegħi li nagħmel parti minn Knisja li għandha kleru relattivament bl-akbar numru ta’ saċerdoti li għandhom kwalifiki akkademiċi universitarji. Dawn is-saċerdoti ħadu l-formazzjoni fis-Seminarju Maġġuri, illum affiljat mal-Università ta’ San Tumas f’Ruma, u li għal ħafna snin kien l-unika istituzzjoni ta’ tagħlim ta’ livell terzjarju f’Għawdex! Barra li minn dan is-seminarju ħarġu żewġ saċerdoti li saru isqfijiet ta’ Malta, ħafna saċerdoti oħra wettqu l-ministeru tagħhom f’għadd ta’ pajjiżi oħra, kemm f’ħidma ta’ evanġelizzazzjoni kif ukoll bħala riformaturi soċjali.
Inħossni rikonoxxenti wkoll għall-fatt li f’din il-gżira ċkejkna twieldu żewġ istituti reliġjużi – is-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù u dawk Dumnikani, li llum qed iwettqu ħidma fejjieda anke f’artijiet oħra. Għadd ta’ lajċi jafu l-formazzjoni umana, akkademika u spiritwali lill-Knisja. Frott ta’ din il-formazzjoni, huma taw sehemhom fin-nisġa tat-tessut soċjali u politiku ta’ pajjiżna! Fuq kollox, il-Knisja kienet u għadha l-kustodja ta’ dawk il-valuri umani li huma s-sinsla tal-familja u s-soċjetà tagħna!
Dan u aktar huwa d-deheb tal-Gżira Għawdxija! Dan huwa d-deheb ta’ Malta li jinsab fil-Gżira Għawdxija. Il-ħarsien ta’ dan it-teżor jagħfas mhux biss fuq l-ispallejn tal-Għawdxin imma wkoll fuq in-nazzjon kollu!
Jekk Għawdex jiġi restitwit b’istituzzjoni kif kien il-Kunsill Ċiviku – istituzzjoni li tkun distinta mill-amministrazzjoni tal-Gvern Ċentrali u tkun verament rappreżentattiva tar-reġjun kollu –, bit-tħaddim tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tas-solidarjetà, l-interessi tal-Għawdxin jistgħu jkunu mħarsa aħjar u l-kontribut tal-gżira lin-nazzjon ikun akbar!
Filwaqt li bħala Knisja ma nehdewx inxandru lil Kristu u l-Evanġelju tiegħu li għandu qawwa li jsaħħaħ lil min hu b’saħħtu u jfejjaq lil min hu marid, hija xewqa tagħna li nkomplu nikkollaboraw ma’ msieħba soċjali oħra għall-progress sħiħ ta’ Għawdex, li huwa wkoll il-progress ta’ pajjiżna. B’mod partikulari nemmnu li nistgħu ngħinu biex Għawdex joffri formazzjoni lil dawk li hemm bżonn jagħtu sehemhom fil-ħajja politika u amministrattiva ta’ pajjiżna, partikularment fi gżiritna. Konvinti li d-demokrazija hija s-sistema li l-aktar tiggarantixxi l-parteċipazzjoni taċ-ċittadin fil-ħajja politika, nemmnu li ma jistax ikun hemm demokrazija vera jekk ma tkunx isserraħ fuq viżjoni retta ta’ min hu l-bniedem. Hija din il-viżjoni li toffri garanzija li l-atturi soċjali kollha flimkien jistgħu jagħmlu front wieħed quddiem ċerti sfidi serji li għandna quddiemna, fosthom il-fibra morali, il-fraġilità tal-familja, id-denatalità, l-ekonomija, l-ambjent u l-integrazzjoni tal-immigranti. Bħala Knisja, aħna nemmnu li Kristu jagħtina din il-viżjoni biex nilqgħu dawn l-isfidi u lesti naqsmu din il-viżjoni ma’ dawk kollha ta’ rieda tajba.