Ilbieraħ, il-Ħadd 3 ta’ April 2011, l-Isqof Mario Grech mexxa quddiesa fil-knisja parrokkjali ta’ Paola (Raħal Ġdid) u wara bierek statwa ta’ Ġesù Redentur li tqiegħdet fil-kappella tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Wara l-quddiesa, il-ħabsin ġarrew din l-istatwa mill-knisja parrokkjali sal-Faċilità Korrettiva. Matul it-triq saret it-talba tal-Via Crucis.
Din hi sintesi tal-omelija tal-isqof Grech:
Hemm ir-riskju li l-bniedem tal-lum jara biss sa mnieħru, bil-konsegwenza li ma jarax x’effetti jista’ jkollhom fil-futur id-deċiżjonijiet li jagħmel illum.
Illum qed infasslu soċjetà mingħajr Alla! Il-bniedem jista’ jorganizza s-soċjetà mingħajr Alla, imma soċjetà mingħajr Alla ddur kontra l-bniedem innifsu. Effett ta’ dan ir-rifjut ta’ Alla, tfajna l-kmandamenti t’Alla taħt riġlejna tant li nfirxet il-vjolenza, far il-gideb, kotor is-serq, żdied il-qtil, u aċċettajna l-adulterju. Ftit għandhom valur u huma effettivi għall-ordni pubbliku l-liġijiet tal-pajjiż jekk dawn ma jkunux iserrħu fuq il-liġi t’Alla.


