Bżonn għal reintegrazzjoni soċjali tad-drogati

Uffiċċju Komunikazzjoni Soċjali
Kurja tal-Isqof
Rabat
Għawdex

30 ta’ Novembru 2009

BŻONN GĦAL REINTREGRAZZJONI SOĊJALI TAD-DROGATI

Nhar is-Sibt li għadda, 28 ta’ Novembru 2009, fil-Lukanda Ta’ Ċenċ, waqt iċ-ċerimonja tal-għoti tal-Premju Żagħżugħ tas-Sena, organizzata mill-Fondazzjoni OASI, li taħdem f’isem il-Knisja f’Għawdex kontra l-vizzju tad-droga, l-Isqof Mario Grech għamel dan il-messaġġ:

Normalment l-aħħar fażi tal-programm tar-riabilitazzjoni ta’ dawk li jkunu vittmi tad-droga, hija xi forma ta reintegrazzjoni tal-klijenti.

Forma ta’ reintegrazzjoni li għandha tkun evitata akkost ta’ kollox hija meta l-klijent li jkun spiċċa l-programm jerġa’ jibda jmiss id-droga u hekk jerġa’ “jinqabad” fix-xibka tal-mewt. Min imexxi d-droga jaf ikun attent bħal seqer biex japprofitta mid-dgħufija ta’ persuna li tkun tnaddfet mid-droga u jerġa’ jwaqagħha fil-vizzju.

Quddiem din it-theddida, li kapaċi ġġib fix-xejn l-isforzi li jkunu saru biex persuna mċappsa bid-droga teħles mid-dipendenzi tagħha, hija meħtieġa ħidma ta’ “prevenzjoni” ħalli persuna jkollha rieda qawwija biżżejjed biex ma terġax taqa’ fin-nassa. Hija meħtieġa wkoll ħidma bla waqfien ta’ “repressjoni” biex min hu bla kuxjenza u jrid jeqred il-ħajja umana bit-tixrid tad-droga, jiġi denunzjat u mrażżan.

Imbagħad wieħed jawgura li min ifiq minn dipendenza mid-droga jew kimiċi oħrajn, ma jkollux diffikultà biex ikun reintegrat fis-soċjetà. Jekk ir-reintregrazzjoni soċjali tkun nieqsa, is-soċjetà tirriskja li hi stess timbotta lil min jispiċċa mill-programm biex minħabba nuqqas ta’ inċentivi, jerġa’ jfittex id-dipendenza. Nappella lis-settur pubbliku u privat biex jikkunsidraw kif jistgħu joffru mpjiegi lil dawk li jispiċċaw b’suċċess il-programm. F’ċertu sens, dik is-soċjetà li tonqos milli tagħmel dmirha biex teqred is-suq tad-droga, b’sens ta’ ġustizzja għandha d-dmir li tara kif tagħmel proposti biex ir-reintegrazzjoni soċjali tkun possibbli.

Biex persuna li kienet imċappsa bid-droga ma tiġix skartata, hemm bżonn li jkun hemm aktar fiduċja fil-persuna li għalkemm darba żbaljat, issa trid tibda tgħix ħajja normali.  Meħtieġ ukoll li negħlbu l-preġudizzju kontra min darba kien vittma tad-droga imma issa ġie riabilitat. Minn naħa tagħhom, persuni li joħorġu mid-droga, għandhom jgħassu sew fuqhom infushom biex ikunu responsabbli ta’ għemilhom.

Għandi wkoll kelma ta’ apprezzament għax-xogħol li qed twettaq il-Fondazzjoni OASI.