Pellegrinaġġ Nazzjonali għal Fatima

Id-Djoċesi ta’ Għawdex qed torganizza Pellegrinaġġ Nazzjonali għal Fatima fil-Portugal bejn il-25 ta’ Awwissu u l-1 ta’ Settembru, 2009.  Il-pellegrinaġġ se jkun taħt it-tmexxija spiritwali Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex.

Il-pellegrini se jgħaddu jiem f’riġlejn Ommna Marija ġo Fatima fil-Portugal fejn fl-1917 deheret u kellmet lit-tliet itfal Lucia, Francesco u Giacinta.  Mons. Isqof Grech se jmexxi konċelebrazzjoni bil-malti fil-Kappella tad-Dehriet fejn issir il-Konsagrazzjoni tal-Familji lill-Madonna u jmexxi Purċissjoni Ewkaristika madwar il-pjazza tas-Santwarju ta’ Fatima.

Il-pellegrini se jkollhom opportunitaÏ li jinvistaw il-Miraklu Ewkaristiku ta’ Santarem u jżuru Lisbona, Alcoboca, BatalhaÏ, NazareÏ, Tomar u Porto.  Dawn huma postijiet ta’ nteress reliġjuż u kulturali.

L-aħħar parti tal-pellegrinaġġ se tkun ġo Santiago de Compostela fi Spanja, post ta’ pellegrinaġġ għal mijiet ta’ snin.  Hawn jinsabu meqjuma l-fdalijiet tal-Appostlu San Ġakbu.  Nies bħal San Franġisk ta’ Assisi u l-Papa Ġwanni Pawlu II għamlu l-hekk imsejjaħ “Camino de Santiago” lejn dan is-Santwarju.

Għal dan il-pellegrinaġġ, id-Djoċesi ta’ Għawdex flimkien ma’ l-Airmalta, qed torganizza titjira chartered diretta minn Malta lejn Fatima u ritorn minn Santiago de Compostela.

Diversi Parroċċi minn Malta u Għawdex qed jorganizzaw gruppi fi ħdan il-pellegrinaġġ. Parroċċi, gruppi jew individwi li jixtiequ jingħaqdu fil-pellegrinaġġ jistgħu jikkomunikaw mal-Kurja tal-Isqof f’Għawdex fuq telefon: 2155 1211 jew ma’ Dun Ġwann Sultana fuq mobajl: 9982 6350.