English Version
PDF Version
ITTRA PASTORALI
MILL-E.T. MONS. PAWL CREMONA O.P.
Arċisqof ta’ Malta
u
MILL-E.T. MONS MARIO GRECH
Isqof ta’ Għawdex
RANDAN 2009
BŻONN TA’ BIDLA MILL-QIEGĦ
FIL-ĦAJJA NISRANIJA TAGĦNA
Għeżież ħutna,
Bħalissa, fil-Knisja ta’ dawn il-gżejjer għeżież tagħna, qed isiru żewġ esperjenzi sbieħ li nistgħu faċilment norbtuhom mas-Sena Pawlina li qed niċċelebraw fil-Knisja Universali. Qegħdin nirreferu għall-viżti pastorali li qed isiru fid-Djoċesi ta’ Malta u għall-Missjoni Djoċesana ġewwa Għawdex.
Aktar vicin tagħkom
Nixtiequ nibdew nitkellmu magħkom fil-bidu tar-Randan Imqaddes b’riferenza għal dawn l-esperjenzi li nistgħu ngħidulkom mill-ewwel ħallew effett sabiħ fina. Lilna, l-Isqfijiet, imlewna b’ferħ kbir u saħħewna fil-Fidi tagħna u inkuraġġewna biex nibqgħu naħdmu bis-sħiħ fil-għalqa tal-Mulej għall-ġid ta’ kulħadd. Ċerti li dawn l-esperjenzi ħallew l-istess effett f’ħafna minnkom ukoll. Nissellfu l-kliem tal-Appostlu Missierna San Pawl wara ż-żjara pastorali tiegħu lill-Filippin u ntennu: Niżżi ħajr lil Alla kull meta niftakar fikom, u nitlob dejjem ferħan fit-talb tiegħi għalikom minħabba s-sehem li intom ħadtu fix-xandir tal-Evanġelu mill-ewwel jum sa llum… Iva, jixhidli Alla kemm jien miġbud lejkom bil-qalb ta’ Kristu Ġesù (Fil 1, 3-5.8).
Jekk intom dejjem kontu f’qalbna bħala l-Isqfijiet tagħkom, dak li qed naraw b’għajnejna f’dawn il-viżti pastorali f’Malta u f’din il-Missjoni Djoċesani f’Għawdex, komplew jiġbduna lejkom bil-qalb ta’ Kristu Ġesù. Nużaw il-kliem ta’ San Pawl lill-Filippin: U jien dan nitlob: li l-imħabba tagħkom tikber u toktor dejjem iżjed bl-għerf u b’kull dehen, biex tistgħu tagħrfu tagħżlu l-aħjar (Fil 1,9). Aħna ċerti li se jibqa’ jkollna biex nifirħu u nirringrazzjaw ’l Alla fil-bqija tal-viżti pastorali u fl-iżvilupp tal-Missjoni Djoċesana.
Għalhekk, ejjew ninqdew b’dan ir-Randan biex inkomplu nimtlew b’dan l-entużjasmu qaddis ħalli nikbru fl-għarfien tal-Misteru ta’ Sidna Ġesù Kristu u nissaħħu fil-Fidi tagħna.
Lilkom Ħutna Nsara
B’dan il-ħsieb f’qalbna nixtiequ b’din l-Ittra tagħna nkellmu l-ewwelnett lill-imgħammdin li għandhom f’qalbhom lil Ġesù Kristu u qegħdin il-ħin kollu jfittxu ġenwinament li jgħixu aktar fil-fond il-Fidi Nisranija. In-nisrani veru ma jikkuntentax ruħu bil-ftit jew bl-inqas, imma jimpenja ruħu bis-sħiħ f’din il-mixja wara Kristu flimkien mal-Knisja.
Imma hija x-xewqa tagħna wkoll li xi versi minn din l-Ittra jmissu l-qalb ta’ dawk li jinsabu fit-trufijiet tal-komunità Nisranija biex il-Grazzja ta’ Alla terġa’ tiġbidhom lejn il-Qalb ta’ Kristu fi ħdan il-Knisja tiegħu, u li għalkemm tbiegħdu xi ftit baqgħet tħobbhom bħala wliedha. Għall-grazzja ta’ Alla kienu ħafna dawk li dan l-aħħar reġgħu lura lejn Alla fi ħdan il-komunità Nisranija, u fost dawn għadd sabiħ ta’ żgħażagħ li ndunaw li ħajjithom tagħmel sens biss jekk ikollhom f’qalbhom lil Kristu.
Nieħdu din l-okkażjoni biex niftakru li l-qofol tar-Randan huwa l-Misteru tal-Għid, jiġifieri t-tbatija, il-mewt u l-qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu. Dan il-Misteru niċċelebrawh kull nhar ta’ Ħadd permezz tal-Quddiesa. Għalhekk, l-ewwel pass li rridu nagħmlu fir-Randan hu li qabel kollox ma nfallux il-Quddiesa tal-Ħadd u nieħdu sehem sħiħ fiha biex dan il-Misteru ngħixuh fil-komunita Nisranija. Fil-Quddiesa rridu nħallu lil Kristu jmissilna qalbna u jibdlilna ħajjitna. Għalhekk, irridu mmorru disposti u preparati. Iltqajna ma’ diversi esperjenzi fejn qed isir sforz ġenwin mis-saċerdoti u l-lajċi biex il-Quddiesa tal-Ħadd tiġi ċelebrata b’tali mod li tinħass tassew il-preżenza ta’ Alla u tkun esperjenza ta’ Fidi. Inħeġġu biex dan ikompli jsir.
Il-Misteru tal-Għid fil-ħajja kollha tagħna
Fir-Randan nagħmlu ħafna manifestazzjonijiet li jfakkru dan il-Misteru, li hi ħaġa ta’ min ifaħħarha: il-pellegrinaġġi ta’ penitenza, il-via crucis, il-viżti tal-knejjes f’Ħamis ix-Xirka, il-proċessjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira u ta’ Kristu Rxoxt. Barra li nħeġġu biex dawn jibqgħu jsiru bl-akbar devozzjoni, ejjew inħallu dawn il-manifestazzjonijiet jgħinuna biex dan il-Misteru tal-Għid jinżel f’qalbna u jidher fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.
Aħna li nemmnu fil-Qawmien ta’ Kristu mill-imwiet, għandna l-qawwa li rċevejna fil-magħmudija biex bil-kuraġġ kollu naffrontaw kull tbatija għax nafu li se tiswielna għall-ħajja ta’ dejjem. Lanqas il-mewt ma tbeżżagħna, anzi timlina biz-zelu biex ngħixu ħajja tajba, u nagħmlu ġid kemm nifilħu għax nemmnu li dan kollu jissarraf fis-sema pajjiżna.
Aktar fil-profond, imbagħad, il-misteru tal-Mewt u l-Qawmien ta’ Kristu għandhom ifissru għalija li jien irrid immut ma’ Kristu għall-ħajja l-qadima tiegħi biex inqum ma’ Kristu għal ħajja ġdida tal-Grazzja. Irrid inkun lest li ninbidel jien, nikkonverti, u mhux nistenna li jinbidel Kristu bit-tagħlim tiegħu biex jakkomoda lili skont il-ħajja li fassalt jien għalija nnifsi u skont l-esiġenzi tiegħi. Xi wħud, għalkemm ma telqux il-Fidi u r-Reliġjon, xorta jħossu li jistgħu jagħżlu minnha: xi jżommu u xi jwarrbu fil-ġenb. Ikunu għadhom ma waslux għal qabża tal-Fidi biex jieħdu lil Kristu sħiħ. Ikunu spustaw ċ-ċentru tal-Fidi tagħhom: flok Kristu ċ-ċentru, ikunu huma ċ-ċentru.
Għalhekk, fil-Kredu li nirreċitaw kull nhar ta’ Ħadd fil-quddiesa, nistqarru dawn iż-żewġ misteri flimkien b’rabta bejniethom:
Jiena nemmen … (li) sallbuh għalina, bata taħt Ponzju Pilatu, miet u difnuh, u fit-tielet jum qam minn bejn l-imwiet…
Jiena nemmen… (li) għandu jerġa’ jiġi fil-glorja biex jagħmel ħaqq mill-ħajjin u mill-mejtin… U nistenna l-qawma mill-imwiet u l-ħajja taż-żmien li ġej.
Jekk ma nkunx għaqqadt fija b’mod qawwi dawn iż-żewġ misteri, ifisser li l-Kristjaneżmu tiegħi la għandu l-aċċettazzjoni tal-Misteru li hu Kristu, u lanqas għandu l-aċċettazzjoni tal-Misteru li hu Kristu fija. Ifisser li l-Kristjaneżmu tiegħi għandu bżonn bidla mill-qiegħ.
L-Eżempju ta’ San Pawl
F’dan ir-Randan, irridu nidħlu aktar fil-fond tat-tifsira ta’ dawn il-misteri u naraw kif qed jirreflettu ruħhom fil-ħajja tagħna. Nemmen fil-ħajja ta’ dejjem? Ġieli naħseb f’din ir-realta: kif qed jeffettwali ħajti dan il-Misteru?
Missierna San Pawl għamel lil Kristu u l-ħajja ta’ dejjem iċ-ċentru ta’ ħajtu. Mela ma baqax hu u l-ħajja tiegħu f’din l-art, iċ-ċentru ta’ ħajtu. Jgħid San Pawl: Għalija l-ħajja hi Kristu, u l-mewt hi rebħ. Kien lest li jħallas kull prezz biex jikseb lil Kristu u l-ħajja ta’ dejjem. Is-salib ta’ Kristu beda kull ma jmur jagħmel sens għalih bħala t-tifsira tal-ħajja personali tiegħu fi Kristu.
Ħajjitna llum bħala Nsara wlied San Pawl
Mela l-Fidi tagħna tkun qawwija meta tinbena fuq dan il-Misteru tal-Għid. Aħna tgħammidna u għammidna lil uliedna f’dan il-Misteru.
Għandna ħafna nsara ħutna li kkoperaw mal-Grazzja ta’ Alla u rnexxielhom jibnu ħajjithom fuq dan il-Misteru. Iltqajna ma’ ħafna, fosthom numru sabiħ ta’ żgħażagħ, li ħadu d-deċiżjoni li jimxu wara l-Mulej u jfasslu ħajjithom fuqu. Xi wħud minnhom għamlu xi żmien ’il bogħod minnu u fil-periferija tal-Knisja, imma llum reġgħu lura fi ħdanu. Illum qed jgħidu bi kliem San Pawl: X’jista’ jifridni mill-imħabba ta’ Kristu? (Rum 8, 35): għax jgħidulek, ‘qatt ma kelli daqshekk paċi f’qalbi daqs issa li fiha għandi lil Ġesu’. Dawn fi Kristu mietu għall-ħajja ta’ qabel biex jgħixu l-ħajja tal-Grazzja. Xejn ma jiddispjaċihom għal dak kollu li ħallew warajhom, għax ma kienx iħallilhom ħlief vojt kbir, filwaqt li Ġesu mlielhom ħajjithom.
Iltqajna ma’ persuni li huma mgħobbija bit-tbatija: jew minħabba mard, jew minħabba problemi fil-familja, jew minħabba diffikultajiet fuq il-post tax-xogħol li qed jimlewhom bi stress. Minkejja li t-tbatija tagħhom hija kbira, għax bnew ħajjithom fuq il-Misteru tas-Salib li bih Kristu ħareġ rebbieħ fuq il-mard u l-mewt u fuq kull tbatija, minn fommhom ma joħroġx ħlief kliem sabiħ ta’ tama fil-Mulej. Huma fiduċjużi li l-Mulej jaf minn xiex għaddejjin u qiegħed dejjem magħhom u qed isostnihom il-ħin kollu biex ikunu jistgħu jifilħu għaliha; jemmnu li t-tbatija tagħhom tiswa għas-salvazzjoni tagħhom u tal-oħrajn.
Iltqajna ma’ miżżewġin li sejsu ħajjithom fuq Kristu fis-Sagrament taż-Żwieġ u baqgħu fidili għal dak li wegħdu fuq l-Altar. Xi wħud minnhom kellhom jgħaddu minn mumenti iebsin fir-relazzjoni matrimonjali jew fil-ħajja tal-familja, imma bl-għajnuna ta’ Alla baqgħu jżommu sħiħ sa ma salvaw lill-familja tagħhom għall-ġid tagħhom infushom u ta’ wliedhom.
Stedina lil kulħadd
Aħna nistiednu lil kulħadd biex nimxu fuq l-eżempju tal-Appostlu Missierna u fuq it-twissijiet tiegħu biex bil-ħajja tagħna nwasslu messaġġ lill-kultura ta’ żmienna li t-tagħlim ta’ Kristu bil-valuri tiegħu huwa t-triq li twassal għall-ħarsien tassew tal-ġid komuni fejn kulħadd jista’ jasal biex ħajtu jkollha sens sħiħ. Ma għandniex niddejqu u nibżgħu li nkunu differenti minn ħaddieħor, għax għandna messaġġ xi nwasslu għall-ġid ta’ kulħadd: il-messaġġ tal-Evanġelu; il-Misteru tal-Għid. Il-kultura ta’ żmienna jinħtieġ li tifhem li r-relattiviżmu li qed tipproponi mhu se jwassal imkien, mhux se jagħmel lill-bniedem kuntent. Meta l-bniedem jibda jagħmel li jiġih f’moħħu mingħajr kontroll ta’ xejn, joħloq f’ħajtu vojt kbir, għax ma jkollux direzzjoni. Il-bniedem irid xi ħaġa żgura u soda fuqhiex jibni ħajtu, u din tagħtihielu l-Fidi f’Alla.
Hija r-responsabbilta ta’ kull Nisrani li jgħix dan il-misteru u jwassal dan il-messaġġ bil-kelma, imma iżjed u iżjed bil-mod kif jgħix. Irridu nkunu aħna l-ewwel li nagħtu aktar importanza lill-ħwejjeġ tal-ispirtu milli lill-ħwejjeġ materjali. Irridu nkunu aħna li nuru li l-ferħ tagħna mhux ġej mill-ħwejjeġ tal-art, imma mill-ħwejjeġ tas-sema. Jgħid San Pawl lill-Kolossin: Jekk irxuxtajtu ma’ Kristu fittxu l-ħwejjeġ tas-sema…mhux dawk tal-art (Kol 3, 1). Permezz tagħna, Alla jista’ jsalva ħafna minn ħutna u ma jħallihomx jintilfu fir-relattiviżmu tal-kultura kontemporanja. Dan nistgħu nagħmluh jekk inżommu dejjem quddiem għajnejna u f’qalbna l-Misteri tal-Fidi tagħna.
Ħutna fil-Fidi, ejjew dan ir-Randan nieħdu deċiżjoni, aħna bħala individwi, aħna bħala familji Nsara, aħna bħala Knisja f’Malta u Għawdex, ulied San Pawl u ngħidu fi kliem Ġożwè quddiem il-Poplu Lhudi fil-Patt tas-Sinaj: U jekk ma jogħġobkomx taqdu lill-Mulej, għażlu llum lil min tridu taqdu… Imma jiena u Dari se naqdu lill-Mulej (Ġoż 24,15).
Inwasslu lilkom ilkoll il-barka tagħna.
Illum, 18 ta’ Frar 2009.
+PAWL CREMONA O.P.
Arċisqof ta’ Malta
+ MARIO GRECH
Isqof ta’ Għawdex