L-ewwel Ittra lill-Korintin Riflesjoni għall kull ġurnata għax-xahar ta’ Frar

sena-pawlina-logo.jpglogo-missjoni-djocesana.jpg

 L-EWWEL ITTRA LILL-KORINTIN
KALENDARJU GĦAS SENA PAWLINA - FRAR 2009

 

 

1 ta Frar

Ma tafux li intom tempju ta’ Alla u li l-Ispirtu ta’ Alla jgħammar fikom? (3, 16)

Naf li ġismi hu sabiħ u qaddis. Għad iqum mill-imwiet.

2 ta’ Frar

Jekk xi ħadd jeqred it-tempju ta’ Alla, Alla jeqred lilu. Għax qaddis hu t-tempju ta’ Alla, li huwa intom. (3, 17)

Nieħu ħsieb dan ġismi mingħajr ma nfissdu żżejjed.

3 ta’ Frar

Ħadd ma għandu jitqarraq! Jekk xi ħadd fostkom jaħseb li hu għaref f’din id-dinja, ħa jiblieh, biex isir għaref. (3, 18).

L-għerf ta’ Alla huwa Ġesú Kristu fuq is-salib, mogħti bl-imħabba għal ħajja tagħna.

4 ta’ Frar

Għax l-għerf ta’ din id-dinja hu bluha quddiem Alla. (3, 19)

Il-bluha tal-bniedem mhux dejjem kapaċi tagħraf l-għerf ta’ Alla.

5 ta’ Frar

Kollox hu tagħkom u intom ta’ Kristu, u Kristu ta’ Alla.
(3, 22d-23)

Jien kollni kemm jien ta’ Alla!

6 ta’ Frar

Ma tafux li ftit ħmira ttalla’ l-għaġna kollha? (5, 6)

X’tagħmel il-ħmira meta titħallat mad-dqieq? Hekk in-Nisrani awtentiku fl-ambjent fejn jaħdem jew jgħix.

7 ta’ Frar

Tnaddfu mill-ħmira l-qadima ħalli tkunu għaġna ġdida. (5, 7)

Il-ħmira l-qadima mhix għajr id-dnub. Inneħħi minni l-ħażin biex jgħammar fija l-bniedem il-ġdid.

8 ta’ Frar

Kull wieħed għandu d-don tiegħu mingħand Alla: min ħaġa u min oħra. (7, 7)

Kuntent/a bid-doni u t-talenti li silifni Alla?

9 ta’ Frar

Kull wieħed jibqa’ fl-istat li l-Mulej kien tah meta sejjaħlu Alla. (7, 17)

Jekk m’iniex kuntent bl-istat li ninsab fih nistaqsi lili nnifsi jekk hux qed ngħixu kif jixtieq minni Alla jew le.

10 ta’ Frar

Meta jien wasalt għandkom, ħuti, ma ġejtx inħabbrilkom il-Misteru ta’ Alla bi kliem kbir jew għaref. Ma ppretendejtx li kont naf xi ħaġa fostkom, ħlief lil Ġesù Kristu, u ’l dan imsallab. U jiena ġejt għandkom dgħajjef, mbeżża’ u mriegħed; il-kelma u l-predikazzjoni tiegħi ma kinux imlibbsa bil-kliem qawwi tal-għerf, imma bil-wiri tal-Ispirtu u l-qawwa, sabiex il-fidi tagħkom tinbena mhux fuq l-għerf tal-bniedem, imma fuq il-qawwa ta’ Alla. (2, 1-5)

Ġesù Kristu msallab huwa ċ-ċentru tal-univers u ċ-ċentru tal-istorja personali tiegħi.

11 ta’ Frar

Aħna ngħallmu… l-għerf ta’ Alla moħbi f’misteru, li Alla fassal qabel iz-żmien għall-glorja tagħna. (2, 6a-7)

Sa mill-eternità Alla ppjana li jien nkun maħluq biex miegħi jaqsam l-imħabba tiegħu u ngħix f’għaqda waħda miegħu.

12 ta’ Frar

Aħna nħabbru dak li għajn qatt ma rat u widna qatt ma semgħet. U dak li qatt ma tnissel f’qalb il-bniedem, dak Alla lesta għal dawk li jħobbuh. ((2, 9)

Nemmen fil-ħajja sabiħa li għad trid tiġi wara din il-ħajja li tgħaddi.

13 ta’ Frar

...għax l-Ispirtu jgħarbel kollox, sa fil-qiegħ ta’ Alla. (2, 10b)

Nemmen fil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li tgħarbel kollox.

14 ta’ Frar

Aħna ma ħadniex l-ispirtu ta’ din id-dinja, imma l-Ispirtu ta’ Alla, biex nagħrfu d-doni li Alla għoġbu jagħtina. (2, 12)

L-Ispirtu ta’ Alla jgħinni nagħraf li jiena mogħni b’diversi talenti.

15 ta’ Frar

Il-bniedem naturali ma jilqax il-ħwejjeġ tal-Ispirtu ta’ Alla; għalih huma kollha bluha, ma jistax jifhimhom, għaliex ħadd ma jista jgħarbilhom jekk mhux bl-Ispirtu. (2, 14)

Meta nsibha bi tqila biex nifhem jew naċċetta xi tagħlim tal-Vanġelu, nitlob lil Alla jagħtini l-Ispirtu tiegħu biex idawwalni.

16 ta’ Frar

Il-bniedem spiritwali jgħarbel kollox, u lilu ma jgħarblu ħadd. (2, 15)

Ir-relazzjoni tiegħi ma’ Alla tagħtini l-kapaċità li nara l-affarijiet kif verament huma.

17 ta’ Frar

Min hu dak li jista’ jifhem il-ħsieb tal-Mulej? (2, 16)

Ma nistax nippretendi li naf x’inhu l-aħjar għalija jew għall-oħrajn, aktar milli jaf il-Mulej.

18 ta’ Frar

Ir-raġel għandu jagħti lil martu li jmissha, hekk ukoll il-mara lil żewġha. (7, 3)

Ir-raġel Nisrani jieħu ħsieb li jkun ta’ servizz lejn martu u l-mara lejn żewġha.

19 ta’ Frar

Lil dawk li huma miżżewġin nordnalhom, mhux jien, iżda l-Mulej, li l-mara ma għandhiex tħalli lil żewġha, (7, 10)

Għan-Nisrani, l-imħabba tal-miżżewġin hija qaddisa, għalhekk bħal Alla għandha tibqa’ għal dejjem.

20 ta’ Frar

Jekk tiġi li tħallih għandha tibqa’ bla tiżżewweġ jew terġa’ tagħmel paċi ma’ żewġha. (7, 11)

Il-mara miżżewġa hija marbuta ma’ żewġha fil-Mulej, għalhekk hija rabta li tikber u tisbieħ u mhux tintemm.

21 ta’ Frar

U r-raġel ma għandux jitlaq lil martu. (7, 11 )

In-Nisrani ma jistax jaqbel mad-divorzju.

22 ta’ Frar

Ir-raġel li ma jemminx jitqaddes permezz ta’ martu, u l-mara li ma temminx titqaddes b’ħuha (7,14)

Il-miżżewġin insara jgħinu lil xulxin jikbru fl-imħabba tagħhom lejn Alla fil-knisja.

23 ta’ Frar

Tafx int, mara, jekk issalvax lil żewġek, jew int, raġel, jekk issalvax lil martek? (7,16)

Ir-raġel miżżewweġ ma jistax isalva mingħajr ma jipprova jgħin lil martu toqrob lejn Alla, u l-istess il-mara.

24 ta’ Frar

Dan ngħidilkom, ħuti: iz-żmien qsar, ħa jkunu, mela dawk li għandhom mara, bħallikieku ma għandhomx… (7, 29)

Meta nikber fir-relazzjoni tiegħi ma’ Ġesù nsir aktar liberu, u nkun inqas niddependi minn persuni, sitwazzjonijiet jew oġġetti.

25 ta’ Frar

Ngħakkes bl-aħrax lil ġismi u njassru, biex ma jiġrilix li, wara li nkun ippritkajt lil ħaddieħor, jiena stess insib ruħi kkundannat. (9, 27)

L-ispirtu ta’ sagrifiċċju jgħinni nikkontrolla l-emozzjonijiet u l-bżonnijiet fija li jbegħduni minn dak li jixtieq Ġesù.

26 ta’ Frar

Missirijietna lkoll… xorbu tassew mill-blata spiritwali li kienet timxi magħhom, u din il-blata kienet Kristu. (10, 1- 4)

L-ilma li tassew jaqtagħli l-għatx ta’ qalbi huwa Ġesú Kristu u l-imħabba tiegħu fil-Knisja.

27 ta’ Frar

Min jidhirlu li hu wieqaf, joqgħod attent li ma jaqax. (10, 12)

Jekk nimla rasi li jien xi ħaġa faċli nieħu tisbita, u jkun diffiċli naċċettaha.

28 ta’ Frar

Alla hu fidil u ma jħallikomx tiġġarrbu aktar milli tifilħu; jaħseb li mat-tiġrib jagħtikom il-qawwa u l-għajnuna biex tkunu tifilħu għalih. (10, 13)

Kull tentazzjoni hija okkażjoni oħra biex nagħmel għażla ċara u determinata favur il-Mulej Ġesù.