Rivista Madonna ta’ Pinu
Nru 147

ta-pinu-147.jpg

L-għadd 147 tar-rivista Marjoloġika Madonna Ta’ Pinu għandu bħala tema interessanti tiegħu x’inhu “santwarju” fl-ottika Kristjana.  Mons. Lawrenz Sciberras jiftaħ b’espożizzjoni biblika li fiha jfisser il-viżjoni Lhudija tat-Tempju ta’ Ġerusalemm, u warajh il-liturġista Patri Anton Farrugia ofm jikteb fuq ir-rit tad-Dedikazzjoni ta’ knisja.  Fir-riflessjonijiet patristiċi tiegħu, din id-darba mibnija fuq kitbiet San Ambroġ, Mons. Carmelo Refalo jitfa’ ħarstu fuq Marija bħala t-Tempju l-ġdid.  Biex wieħed jifhem sew is-sens teoloġiku tas-“santwarju” m’għandux jitlef l-artiklu ta’ Dun Gerard Buhagiar Għaliex is-Santwarju?

ta-pinu-147-back.jpg

Fl-istess ħarġa r-restawratur Godwin Cutajar jissokta jikkumenta fuq il-pitturi ta’ Emvin Cremona u r-restawr tiegħu fuqhom.  Il-proġett ta’ konservazzjoni u restawr ġie ffinanzjat mill-Bank of Valletta u dawn il-pitturi ta’ Cremona qed jidhru fuq il-kalendarju tal-BOV għall-2009.  F’din il-ħarġa wkoll il-bord editorjali għażel li jippubblika d-diskors storiku li kien għamel ir-rettur Mons. {użeppi Portelli fl-inawgurazzjoni tas-Santwarju Ta’ Pinu, fit-13 ta’ Di`embru 1931.  Portelli jibqa’ mfakkar bħala benefattur li ħadem bla waqfien biex ra s-santwarju jitlesta mill-bini, biex il-lum il-gżejjer tagħna jistgħu jiftaħru b’din il-ġawhra ta’ arti Maltija.

Il-qarrejja jistgħu jsibu wkoll ir-rubriki tas-soltu, fosthom il-Ħsibijiet Marjani ta’ Mons. Tonino Bello, ir-riflessjoni fuq talba Marjana mill-isqof Nikol Ġ. Cauchi, ir-rokna bil-kulur għat-tfal, kif ukoll is-silta mill-ktieb ta’ Bernard Häring L-Għanja tal-Qaddejja.  Id-djarju tas-Santwarju Ta’ Pinu din id-darba hu mimli iktar mis-soltu, sintendi minħabba l-attivitajiet kollha li saru f’rabta ma’ l-anniversarju tal-125 sena mis-Sejħa, ġrajja li ġibdet ħafna iżjed pellegrini lejn is-santwarju.

Abbonament fir-rivista Madonna Ta’ Pinu jista’ jinkiseb għal €6 biss mis-Santwarju Ta’ Pinu, l-Għarb, Għawdex, tel: 21 556 187.