Mandat lil-Missjunarji
Missjoni Djoċesana 2008-2009

 

Il-bieraħ filgħaxija, 4 ta’ Jannar 2009, infetħet it-tieni fazi tal-Missjoni Djoċesana li qed tigi ċċelebrata matul din is-sena pastorali fid-Djoċesi ta’ Għawdex. Waqt quddiesa solenni fil-Katidral ta’ Għawdex, Mons Isqof Mario Grech ta l-mandat lil madwar 500 persuna biex iwasslu l-Aħbar tal-Imħabba t’Alla fil-familji kollha ta’ Għawdex.

X’inhu l-iskop ta’ dawn iż-żjajjar?

Fil-Pastorali tal-Isqfijiet, li nqrat fl-Ewwel Ħadd tal-Avvent, l-Isqfijiet qalu li:

“Il-Knisja f’Malta tixtieq tkun kewba bħall-kewba tal-Maġi preżenti fil-ħajja biex permezz tal-Kelma ta’ Alla takkumpanjahom u tgħinhom biex f’ħajjithom iffitxu lil Alla bis-sinċerita’, isibuħ, u jadurawah bħala l-Mulej li kapaċi jibdel ħajjithom.”
Iż-żjajjar fil-familji tagħna huma mument ta’ grazzja.  Il-missjunarji li se jzuru l-familji f’Għawdex huma mezz biex ilkoll kemm aħna niftakru li aħna l-Poplu ta’ Alla, imsejħin biex inkunu qaddisin (Rum 1,7). Iż-żjajjar għandhom l-iskop li jgħinu lill-familji u lill-persuni kollha:

  • jerġgħu niskopru s-sbuħija ta’ Ġesù u tal-kominità li temmen (il-Knisja);
  • jerġgħu nagħżlu b’aktar konsapevolezza u rieda li jħobbu lil Ġesù u jħalluh ikun ir-Ragħaj tagħhom;
  • iħossu l-importanza u l-ħtieġa li jiċċelebraw l-Ewkaristija tal-Ħadd flimkien mal-komunità u jkomplu miexja ‘l quddiem fil-ħajja tal-fidi permezz ta’ mixja ta’ katekeżi kontinwa.
  • Peress li qegħdin niċċelebraw is-Sena Pawlina, flimkien mat-talb li qed jagħmlu l-missjunarji flimkien mal-familji li jżuru, f’dawn iż-żjajjar qed tingħata kopja tal-ewwel ittra ta’ San Pawl lill-Korintin lil kull familja.

    Flimkien ma’ adorazzjoni perpetwa li qed issir fil-Knisja ta’ Savina, biex din l-ażżjoni pastorali tħalli frott spiritwali, matul il-jiem taż-żjajjar qed ikun hemm diversi saċerdoti f’xi knejjes u kunventi lesti biex jagħtu direzzjoni spiritwali u biex joffru s-sagrament tal-Maħfra. Barra minn hekk, kull nhar ta’ Tnejn, nhar ta’ Erbgħa u nhar ta’ Ġimgħa filgħodu, fil-Knisja ta’ San Ġakbu fir-Rabat, qed ikun hemm counsellors professjonali disponibbli għal min ikun jixtieq jitkellem magħhom.