Illum (il-Ħamis 18 ta’ Diċembru 2008) tħabbret il-mewt għall-għarrieda tal-Kanonku Joe Mejlak.
Il-Kanonku Joe Mejlak twieled ir-Rabat, Għawdex fil-15 t’Ottubru 1944. Huwa ħa l-istudju tiegħu fl-iskola primarja tal-Gvern, fil-Liċeo t’Għawdex. Fl-1967 ġie aċċettat is-Seminarju biex seta’ jieħu l-edukazzjoni u l-formazzjoni saċerdotali, u ġie ordnat saċerdot fit-23 ta’ Ġunju 1973. F’Lulju 1978 huwa nħatar kanonku tal-Kolleġġjata Bażilika ta’ San Ġorġ. F’Ottubru tal-istess sena, il-Kanonku Mejlak daħal jgħallem il-Malti, l-Ingliż u l-Franċiż fl-iskola sekondarja tas-Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesù, fejn dam sal-1999. F’Lulju tal-1987 huwa nħatar segretarju tal-Kummissjoni Familja u Żgħażagħ fil-Kurja t’Għawdex, fejn dam jaħdem sal-1999. Huwa serva wkoll bħala Kanċellier fit-Tribunal taż-Żwiġijiet f’Għawdex. Il-ħidma pastorali tiegħu wettaqha fid-diversi parroċċi t’Għawdex. Għal żmien twil kien direttur spiritwali fil-Leġjun ta’ Marija u Assistent Ekkleżjastiku fl-Azzjoni Kattolika. Il-Kanonku Mejlaq kien awtur ta’ diversi kotba tal-poeżiji u drammi għall-palk u għar-radju.
Il-funeral tiegħu se jsir għada, il-Ġimgħa, 19 ta’ diċembru 2008 fil-Bażilika ta’ San Ġorġ. Il-quddiesa tal-funeral, li se titmexxa mill-Isqof Mario Grech, tibda fit-3.30p.m.
RIP