Messaġġ li Mons Isqof Mario Grech għamel nhar il-Ħadd, 7 ta’ Diċembru 2008 fil-preżenza tal-Prim Ministru Dr Lawrence Gonzi, li inawgura wirja tal-arti fil-Banca Giuratale,Victoria, fl-okkażjoni tal-15-il sena mit-twaqqif tal-Kunsilli Lokali.
“Napprezza li għażiltu li tistednuni għal din iċ-ċerimonja li tfakkar il-15-il sena tal-Kunsilli Lokali. Għax meta qed tistiednu “ministru t’Alla”, ifisser li intom tħossu l-bżonn ta’ Alla fit-twettiq tal-uffiċċju tagħkom bħala “gvern lokali”. Kif fissirna fl-aħħar żittra Pastorali, “Alla jrid ikun sieħeb fl-istorja tagħna, altrimenti mingħajru nitgerfxu”. F’kull qasam tal-ħajja ma jistax ikun hemm serħan ir-ras mit-tmexxija jekk Alla jkun inwarrab.
It-tmexxija tal-kollettività hija responsabilità u arti. Artist tajjeb ikun imżejjen b’sens ta’ kreattività biex joħloq il-ġdid, huwa kapaċi juża teknika kemm qadima kif ukoll ġdida, u għandu ħila jħallat bil-qies kuluri diversi ħalli joħroġ il-ġmiel. Dawn huma tliet kwalitajiet li jixirqu lil min ġie afdat bir-responsabilità ta’ tmexxija, bħalma huma s-Sindki u l-Kunsilliera.
Il-kreattività tgħinhom joħolmu kif jistgħu jikkontribwixxu ħalli jtejbu l-ħajja taċ-ċittadini. Il-bdil kontinwu u mgħaġġel fis-soċjetà jitlob minn min hu responsabbli li jagħti risposti u proposti ġodda. Dan l-eżerċizzju jitlob tħaddim ta’ mudelli u metodi ta’ tmexxija kemm antiki kif ukoll ġodda.
Min għandu fi ħsiebu l-organizzazzjoni tal-ħajja tas-soċjetà, bħall-artist irid japprezza l-kuluri kollha fil-komunità mingħajr ma jeskludi jew jittraskura ebda element. Hu jrid ukoll jikseb il-ħila kif “iħallat” bil-għaqal il-kuluri b’mod li jesponi l-ġmiel kollu tal-komunita kollha afdata f’idejh. Kull ċittadin għandu jiġi rispettat fl-uniċità tiegħu, għax minkejja d-diversità fil-ħsieb, fit-tagħlim, fit-twemmin, fil-kulura, fir-razza, eċċ., l-għaqda hija possibbli.
Filwaqt li nirringrazzjakom għas-servizz li qegħdin toffru lis-soċjetà, nitlob lill-Mulej ibierek lilkom, il-familji tagħkom u l-lokalitajiet tagħkom”.