Verżjoni PDF
English Version
ITTRA PASTORALI
MILL-E.T. MONS. PAWL CREMONA O.P. Arċisqof ta’ Malta
u
MILL-E.T. MONS. MARIO GRECH Isqof ta’ Għawdex
AVVENT 2008
ĠIE F’DARNA U LQAJNIEH
Għeżież ħutna fis-Saċerdozju Ministerjali, fil-Ħajja Konsagrata u ħutna fil-Magħmudija.
Din hija l-ewwel darba li ħsibna niktbulkom Ittra għal dan iż-żmien tal-Avvent għax inħossu li dan hu żmien matul is-sena importanti ħafna għall-komunità Nisranija. Hu żmien ta’ tħejjija u sahra, imma hu wkoll żmien meta l-Kelma ta’ Alla faċli iżjed tintilef fil-ħafna attivitajiet li l-festi jġibu magħhom. Il-Milied għalina l-insara jibqa’ ġrajja unika. It-twelid tal-MulejĠesù nemmnu li biddel l-istorja tal-umanità għaliex f’Betlem Alla wriena kemm investa fina u kemm jemmen fil-bniedem.
Il-Milied dejjem iġib miegħu ferħ, kif ukoll sens qawwi ta’ altruiżmu f’ħafna li f’dan iż-żmien jagħtu minn ħinhom u flushom għall-oħrajn. Iġib miegħu wkoll sens ta’ solidarjetà speċjalment ma’ min hu waħdu, qed ibati, marid, nieqes mill-imħabba, imweġġa’ u mwarrab. Kemm il-ferħ kif ukoll it-tbatija huma għalina esperjenzi li jistgħu joħolqu f’qalbna u f’ħajjitna spazju għal Alla. Il-bniedem dejjem ħass il-ħtieġa ta’ salvazzjoni. Minkejja li llum il-ħajja nbidlet ferm għall-aħjar, xorta jibqa’ jkollna xi jweġġagħna u jkissirna, xi jfixkilna u jisirqilna l-paċi, u xorta nġarrbu forom differenti ta’ jasar li nidħlu fih, idaħħluna fih jew li jitfaċċa bla ma nkunu ġibnieh b’idejna.
L-istorja ta’ Betlem mhijiex storja tat-tfal. Lanqas ma hi storja ta’ elfejn sena ilu u daqshekk. Hi storja li ġrat u għadha tiġri. Hi storja li llum għad għandha ħafna x’tgħidilna fuqna nfusna. Minn din l-istorja nixtiequ nisiltu tliet veritajiet li nħossu jistgħu jitfgħu ħafna dawl fuq kif qed ngħixu llum.
1. L-ewwel waħda hi l-kelma li jgħid San Ġwann fil-Vanġelu tiegħu dwar ir-realtà ta’ żmienu li Alla “Ġie f’daru u niesu ma laqgħuhx”;
2. It-tieni verità hi dak li għaddiet minnu l-familja ta’ Nazaret mhux biss sakemm twieledĠesù imma anke wara li twieled biex isalvawh minn kull theddida;
3. It-tielet hija l-verità dwar is-Slaten Maġi, li turi kemm fil-qalb ta’ kull bniedem hemm jaħdem l-Ispirtu ta’ Alla u hemm xewqa kbira għall-verità.
Stedina u tħeġġiġa
“Ġie f’daru u niesu ma laqgħuhx” (Ġw 1, 11). Alla fil-ħajja ta’ ħafna m’għadux relevanti. Lil min jgħid li ma jemminx nixtiequ nagħmlulu stedina biex ma jibżax mir-riskju tal-fidi u jagħmel il-mixja flimkien mal-komunità nisranija fil-Knisja. Imma Iil dawk li jistqarru li għadhom jemmnu, inħeġġuhom biex il-fidi tagħhom f’Alla jsarrfuha b’mod li tkun tidher, tinħass, u ġġib bidla madwarhom ukoll. Faċli f’kultura bħal tagħna, inserrħu rasna b’ħafna forom ta’ reliġjożità li tkun mifruda mill-fidi. Inkunu qed nibqgħu nibnu fuq dak li mhux iwassalna biex nagħrfu ’l Alla f’ħajjitna u nħossu tassew il-ħtieġa tiegħu.
Sena ilu, il-Papa Benedittu XVI fl-Enċiklika tiegħu ‘Spe Salvi’ dwar it-Tama Nisranija, kiteb kif fiż-żmien modern il-bniedem uża r-raġuni u l-libertà biex iwettaq il-proġetti materjali tiegħu biss.
Bħal fi żmien it-torri ta’ Babel (Ġenesi 11), anke llum il-bniedem għadu joħlom li jista’ jilħaq is-sema u jsalva lilu nnifsu. Imma qed naraw il-konsegwenzi li din is-suppervja tista’ ġġib fuq ħajjitna u fuq is-soċjetà in ġenerali. Illum qed immissu b’idejna kif l-ideoloġija tal-progress li teskludi lil Alla tista’ taħdem kontra l-bniedem stess. Dan rajnieh dan l-aħħar meta minħabba f’regħba żejda d-dinja daħlet fi kriżi ekonomika li għadna qed naraw l-effetti tagħha b’mod speċjali fuq iż-żgħir u l-fqir. Il-Milied ifakkarna mill-ġdid li Alla sar bniedem u għammar fostna biex ikun sieħeb fl-istorja tagħna, altrimenti mingħajru nitgerfxu.
Il-kultura li bnejna
Ftit wara li twieled Ġesù , deher anġlu f’ħolma lil Ġużeppi u qallu: “Qum, ħu miegħek lit-tifel u ’l ommu, u aħrab lejn l-Eġittu għax Erodi se jfittex lit-tifel biex joqtlu” (Matt 2, 13). Anke l-familja ta’ Nazaret fi żmienha kellha t-theddid tagħha x’tiffaċċja. Dan kollu għalina mhuwiex storja tal-imgħoddi. Hemm ħafna xebħ bejn dak li għaddiet minnu l-familja ta’ Nazaret u dak li qed jiġri llum. Il-kultura li bnejna u li nsostnu aħna stess, qed thedded l-armonija bejnietna u qed ittappan ir-relazzjonijiet li darba kienu jsostnu l-familja.
L-Avvent hu żmien meta, fil-qalba ta’ dinja li ma tantx tagħmilhielna faċli biex infittxu lil Alla, niskopru li l-Kelma ta’ Alla hi qawwija biżżejjed biex turina l-vojt u d-dlam li jistgħu jaħkmu lil ħajjitna anke bla ma nintebħu. F’dan iż-żmien inħeġġukom biex l-għerf tal-Kelma ta’ Alla ma nħalluhx itir mar-riħ. Isaija huwa l-Profeta fl-Antik Testment li fehem li kif kienu l-affarijiet fi żmienu, il-poplu kien miexi fid-dlam u kien jeħtieġ dawl kbir. Isaija huwa l-profeta li jakkumpanjana f’dan iż-żmien tal-Avvent biex anke aħna, fit-tfixkil u d-diffikultajiet ta’ llum, ma nibqgħux fid-dlam. Il-kultura li aħna parti minnha tibqa’ tidħak bil-bniedem għax twiegħdu diversi forom ta’ salvazzjoni li fil-fatt jirriżultaw insuffiċjenti għaliex ma jissodisfawx l-ispirtu tiegħu.
Fil-Milied, meta Alla sar bniedem bħalna u twieled minn Marija Verġni, Alla ried ipoġġi fiċ-ċentru ta’ kollox lill-bniedem u ried iżejjen l-umanità b’dinjità kbira. Imma llum aħna din il-verità għamilna minnha ħrafa. Id-dinjità tal-bniedem, sikwit f’isem il-progress u l-libertà, hi mkasbra bl-addoċċ f’kultura fejn kollox jitkejjel mill-effiċjenza u l-utilità . ll-kunċett ta’ libertà individwali bla rażan dejjem qed jinbidel fi vjolenza fis-soċjetà, anke fi vjolenza domestika. It-tfittxija għas-sodisfazzjon qed twassal għal vojt li ħafna jimlewh bl-użu tad-droga, xorb alkoħoliku, u logħob tal-azzard. Il-kisbiet sbieħ fit-teknoloġija tal-informatika waslu wkoll itellfu r-rispett lejn il-persuna u ż-żeblieħ b’mod speċjali tal-mara fil-pornografija. Dawn kollha huma sintomi li mat-tajjeb li hemm fis-soċjetà tagħna hemm ukoll mard serju. Ħafna ġenituri huma inkwetati u allarmati għax dan kollu hu theddida għall-futur ta’ wliedhom. Aħna ningħaqdu magħhom f’din il-preokkupazzjoni. Imma konvinti li l-pajjiż jistenna direzzjoni f’dan il-qasam u koperazzjoni minn min għandu rieda tajba qabel ma jkun tard.
Vjaġġ intern
L-istorja dejjem uriet li l-bniedem jeħtieġ salvazzjoni li ma tistax tiġi minnu stess. Ħadd ma jista’ jsalva lilu nnifsu. Il-bniedem għandu xewqat profondi li ma jistax jissodisfahom biss b’affarijiet materjali. San Mattew jirrakkonta wkoll fil-Vanġelu tiegħu ż-żjara tal-Maġi u jgħid li “meta daħlu d-dar u raw lit-tifel ma’ Ommu Marija, inxteħtu fl-art iqimuh” (Matt 2, 11). Il-Maġi kienu ġew mil-Lvant u l-vjaġġ tagħhom wassalhom fejn xtaqu. Imma għalihom issa kien beda vjaġġ ieħor, vjaġġ intern li bidlilhom ħajjithom.
Il-Knisja f’Malta tixtieq tkun bħall-kewkba tal-Maġi preżenti fil-ħajja ta’ ħafna biex permezz tal-Kelma ta’ Alla takkumpanjahom u tgħinhom biex f’ħajjithom ifittxu lil Alla bis-sinċerità, isibuh, u jadurawh bħala l-Mulej li kapaċi jibdel ħajjithom. Il-Maġi x’aktarx stħajlu li se jsibu realtà differenti. Imma t-tfittxija sinċiera u perseveranti wasslithom jiskopru dak li tassew kienu jeħtieġu u li mlielhom qalbhom u ħajjithom.
Dan hu dak li b’din l-Ittra nixtiequ minn qalbna nawgurawlkom għal dan il-Milied: Li permezz ta’ dan il-misteru kbir ta’ Betlem, niskopru mill-ġdid lil Alla fil-ħajja tagħna personali u madwarna. It-tarbija ta’ Betlem, fid-dgħufija tagħha turina kemmĠesù Kristu l-Iben ta’ Alla kien kapaċi jitbaxxa biex jidħol fil-qalb tagħna. Ma nħallux li nfittxu lil Alla biss meta nkunu daharna mal-ħajt fit-tbatija jew quddiem il-mewt. F’kull sitwazzjoni tagħna, aħna min aħna, ilkoll għandna bżonn infittxu lil dan Alla għax hu biss kapaċi jagħtina libertà vera u dinjità sħiħa biex infasslu l-futur tagħna bid-deċiżjonijiet tal-ħajja ta’ kuljum.
Nagħtukom il-barka pastorali tagħna b’rahan ta’ kull ġid mis-sema.
Illum, 23 ta’ Novembru 2008, Festa ta’ Kristu Sultan.
+PAWL CREMONA O.P.
Arċisqof ta’ Malta
+MARIO GRECH
Isqof ta’ Għawdex