Żwiġijiet li ma jirnexxux: ġerħa għall-Knisja

pressreleaselogo.jpgDalgħodu 10 t’Awissu,  fil-parroċċa ta’ San Lawrenz, Mons Isqof Mario Grech mexxa quddiesa pontifikali fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Lawrenz. Din is-sena l-parroċċa fakkret l-1750 sena mill-mewt ta’ dan il-qaddis.


Dan li ġej huwa ġabra fil-qosor tal-omelija tal-Isqof Grech:


“Bħal Kristu, il-Knisja ma tistax ma tagħmilx għażla preferenzjali favur il-foqra. Il-fqir huwa dak li ħajtu hija mhedda għax minħabba l-faqar tiegħu jmut qasir il-għomor. Dan japplika mhux biss fil-każ tal-faqar materjali imma wkoll fil-każ tal-faqar reliġjuż u dak morali, preżenti fis-soċjetà tagħna.


Wieħed japprezza l-fatt li l-poplu tagħna huwa ġeneruż ħafna meta jagħmel karità biex jgħin lil dawk li m’għandhomx x’jieklu jew x’jilbsu.

L-injoranza reliġjuża hija l-kawża tal-faqar reliġjuż. Sfortunatament hemm min, anke fil-Knisja, jippretendi li jaf min hu Kristu, imma l-għarfien tiegħu huwa limitat ħafna jekk mhux ukoll żbaljat. Għalhekk urġenti li ssir mill-ġdid il-proposta tal-Evangelju, kemm “fil-knisja”, kif ukoll “fit-toroq u fil-pjazez” biex kulħadd, dawk fil-qrib u dawk fil-bogħod, ikollhom il-possibilità li jixtarru l-Bxara t-Tajba u jiltaqgħu ma’ Kristu.

Anke dawk li huma foqra moralment għax ma jirnexxilhomx jgħixu skond priċipji tal-etika naturali jew tal-morali Kristjana, għandhom isibu kenn, għożża u għajnuna fil-komunità Nisranija. Fost dawn hemm dawk il-persuni li l-ewwel żwieġ tagħhom falla. Il-ferita tagħhom hija l-ġerħa tal-Knisja. Xi drabi l-faqar tagħhom jirrifletti l-faqar tal-Knisja.  Għax quddiem id-drammi umani ta’ żwiġijiet li żarmaw, il-Knisja għandha tistaqsi lilha nfisha jekk lil dik il-koppja għenithiex biżżejjed fit-tħejjija għaż-żwieġ; il-Knisja għandha tistaqsi jekk akkumpanjatx mill-qrib lil dik il-koppja jew dik il-familja, partikularment fl-ewwel snin tal-ħajja miżżewġa!  Lil dawk il-persuni li huma separati u daħlu f’relazzjoni stabbli oħra, il-komunità Nisranija ma tistax turihom il-bieb ta’ barra! Għalkemm dawn ma jistgħux jirċievu l-Ewkaristija, xorta huma mħeġġin jieħdu sehem fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija biex flimkien mal-komunità jisimgħu l-Kelma t’Alla, jaduraw lil Ġesù preżenti fl-Ewkaristija u jitolbu lill-Ispirtu s-Santu jgħinhom jgħixu bil-fedeltà l-Kelma t’Alla.

Il-foqra huma stedina għall-konverżjoni lil dawk li huma responsabbli mill-kawżi li joħolqu l-faqar u ma jagħmlu xejn biex itaffuh.”