IL-VALUR TAL-QUDDIESA FIL-MIXJA TAN-NISRANI
Solennità tal-Ġisem u d-Demm tal-Mulej
Knisja Katidrali – Il-Ħadd 25 ta’ Mejju 2008

IL-VALUR TAL-QUDDIESA FIL-MIXJA TAN-NISRANI

 

Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech

Solennità tal-Ġisem u d-Demm tal-Mulej

Knisja Katidrali – Il-Ħadd 25 ta’ Mejju 2008

“Jien hu l-ħobż nieżel mis-sema” (Ġw 6,41)

Il-poplu Lhudi meta telaq mill-eżilju tal-Eġittu biex jasal fl-Art Imwiegħda, esperjenza li ħaditlu żmien twil ta’ erbgħin sena, irrikonoxxa l-providenza ta’ Alla fl-għoti tal-manna: il-ħobż nieżel mis-sema. Kien dan l-ikel li bih il-poplu kien jitrejjaq u saħħu biex jeħodha kontra t-tfixkil li ltaqa’ miegħu fid-deżert u kontra n-nixfa tad-deżert. Meta trejjaq b’dan l-ikel, huwa għamel il-qalb u wasal fl-Art Imwiegħda. B’danakollu, għalkemm kellhom il-manna, il-Lhud mietu.

Ġesù jgħin lilna lkoll li ninsabu f’pellegrinaġġ li jrid jwassalna minn din id-dinja – li ħafna drabi hija esperjenza tad-deżert – biex ngħaddu minn diversi forom ta’ skjavitù għall-ħelsien veru fis-sema pajjiżna. Ġesù lilna tana l-ikel tal-ħajja: il-ħobż nieżel mis-sema. Mhux aktar il-manna imma l-Ewkaristija, bid-differenza li min jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem. Waqt li llum niċċelebraw il-festa tas-solennità tal-Ġisem u d-Demm Mqaddes ta’ Sidna Ġesù Kristu, ejjew nitħeġġu biex ma nittraskurawx dan l-ikel li Alla jipprovdielna.

“Kif jista’ dan jagħtina ġismu biex niekluh?” (Ġw 6,52)

Jien nibża’ li bħan-nies ta’ żmien Kristu, li quddiem id-diskors li huwa għamel dwar l-Ewkaristija tħawdu u staqsew: “Dan kif jista’ jagħtina ġismu biex niekluh u demmu biex nixorbuh?”, anke llum hawn min jagħmel l-istess domanda b’mod dirett jew b’mod sieket; anke llum għandna mhux biss dawk li qatt ma semgħu bi Kristu, imma wkoll dawk li huma membri fil-Knisja ta’ Kristu li mhumiex konvinti li l-Ewkaristija hija l-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu – dak l-ikel li għandna bżonn fil-ħajja spiritwali tagħna.

Nagħmel osservazzjoni waħda: il-parteċipazzjoni tagħna fil-quddiesa sejra ’l quddiem jew lura? Kif nispjegaw li għandna numru mhux żgħir minn ħutna li jgħaddu mingħajr il-quddiesa tal-Ħadd? Anke l-quddiesa ta’ kuljum hija bżonn, għaliex aħna ma nieklux darba fil-ġimgħa biss imma kuljum! Imma almenu l-quddiesa tal-Ħadd għandha tkun appuntament li ma nibdluh ma’ xejn.

Barra minn hekk huwa importanti mhux biss li nipparteċipaw fl-Ewkaristija imma ukoll li neżaminaw il-mod kif nipparteċipaw, għaliex hemm min forsi jmur għall-quddiesa imma imbagħad ma jersaqx biex jirċeivi l-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu.

Imbagħad xi ngħidu għall-attenzjoni li għandna nuru biex inħarsu s-sbuħija tal-Ewkaristija? Meta qed ngħid sbuħija ma nifhimx biss l-aspett estetiku, jiġifieri dak li jidher madwarna li huwa meħtieġ li nħarsuh, għaliex hekk jixraqlu Kristu preżenti magħna fl-Ewkaristija – Kristu veru Alla u veru bniedem bl-umanità u d-divinità tiegħu; imma bi sbuħija nifhem ukoll il-mod kif qed ngħixu dan is-sagrament tal-imħabba.

Nitħeġġu biex nilqgħu dan il-ħobż nieżel mis-sema u nitmantnew bih għax huwa biss jista’ jissodisfa l-ġuħ tagħna; huwa biss jista’ jqawwina biex naslu fid-destinazzjoni tagħna. Nitħeġġu biex kemm jista’ jkun ma nittraskurawx il-quddiesa ta’ kuljum. Jekk insibu ħin għal kollox, kif nistgħu ma nsibux ħin għal din il-laqgħa tagħna ma’ Ġesù?

Is-sehem tan-Nisrani fil-quddiesa

F’xi wħud mis-sagristiji tagħna hemm miktub messaġġ li aħna l-qassisin naqrawh qabel noħorġu nqaddsu: “Qis li din tkun l-ewwel quddiesa tiegħek, l-unika quddiesa tiegħek u l-aħħar quddiesa tiegħek”. Kieku ahna, jien flimkien magħkom is-saċerdoti, inżommu dan il-messaġġ quddiem għajnejna kuljum, kieku żgur li jagħmlilna ħafna ġid. Dan jgħodd għalikom ukoll, għeżież lajċi, intom li għandkom tfittxu mhux biss il-quddiesa tal-Ħadd u tiċċelebrawha daqs li kieku hija l-ewwel u l-aħħar quddiesa tagħkom – biex hekk tgħixuha b’tant devozzjoni u mħabba – , imma wkoll il-quddiesa ta’ kuljum.

Għalhekk, filwaqt li nkomplu naduraw lill-Iben ta’ Alla preżenti fostna u nissieħbu fis-sagrifiċċju tal-quddiesa, fejn Kristu joffri lilu nnifsu lill-Missier għall-fidwa tagħna, ningħaqdu b’mod sħiħ miegħu biex dan il-ħobż ħaj jagħtina l-ħajja ta’ dejjem.